Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #37360 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fi ħdan dan il-Ministeru u d-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħtu, bħalissa huwa biss d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole li għandu klijent wieħed li għandu xi forma ta’ diżabilità kif indikata mill-Onorevoli Interpellanta. Il-klijent in kwistjoni jbati minn nuqqas ta’ smigħ, u għalkemm ma hemm l-ebda diffikulta ta’ komunikazzjoni mal-Probation Officer, id-Dipartiment qiegħed f’komunikazzjoni mal-Kunsill Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità biex jara kif dawn tal-aħħar jistgħu jipprovdu servizz jew għajnuna f’każijiet simili.
Leg 11 PQ #37547 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm postijiet fil-Korp tal-Pulizija vakanti matul is-sena 2012 u f'liema kienu dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba mogħtija fis-Seduta numru 483, għall-Mistqosija Parlamentari numru 35033.
Leg 11 PQ #37548 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

immigranti irregolari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kem kien hawn persuni rreġistrati fil-pajjiż li daħlu bħala persuni irregolari matul s-sena 2012? Kemm minn dawn ġew bil-baħar mill-pajjiżi tal-Afrika ta' fuq u kemm ġew b'mod ieħor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, waslu Malta 1,567 immigrant irregolari. Dawn kollha waslu Malta bil-baħar.
Leg 11 PQ #37766 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali — pubblikazzjoni tal-minuti tagħhom

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti indikazzjoni dwar kull kemm żmien il-kunsilli lokali huma marbuta li jippublikaw il-minuti tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37664.
Leg 11 PQ #37786 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali u għaqdiet — proġetti marbuta mad-dehra u l-istorja tal-lokalità

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kienu l-kunsilli lokali u għaqdiet oħra li ibbenifikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea u tal-Gvern Malti biex iwettqu numru ta’ proġetti marbuta mad-dehra u l-istorja tal-lokalità tagħhom? Jista' jgħid kemm ingħata fondi kull kunsill lokali u kull għaqda? Jista' jgħid xi proġetti saru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Onorevoli Interpellant jifhem u japprezza li l-informazzjoni li qed jitlob hi vasta u possibilment voluminuża mhux ħażin. Għaldaqstant ikun tajjeb jekk jispeċifika aktar l-informazzjoni li qed jitlob, per eżempju xi perjodu speċifiku f’dawn it-tmien snin kemm Malta ilha msieħba fl-Unjoni Ewropea.
Leg 11 PQ #37268 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Intern

Msida — Triq it-Torri - kwestjoni dwar inġenji fit-triq

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb parti mill-mistoqsija parlamentari 26604, li ġiet indirizzata lilu rigward il-problemi li għadu qed ikollhom ir-residenti ta' Triq Xmiexi, l-Imsida fejn ħafna drabi qed isibu diffikultajiet kbar biex jidħlu jew joħorġu mit-triq tagħhom minħabba inġenji eċċ. li jkun hemm fi Triq it-Torri f’diversi ħinijiet tal-ġurnata, li ġieli jagħmluha impossibbli biex jagħmlu dan u dan peress li ħafna residenti huma mħassbin serjament li f’każ ta' emergenza anki ambulanza/ambulanzi jistgħu jiffaċċjaw problemi simili jekk jinqala' bżonn ta' emergenza?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nirreferi l-ilment tal-Onorevoli Interpellant lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex jinvestiga u jieħu dawk il-passi kollha xierqa skont il-liġi.
Leg 11 PQ #37571 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali ta' Ħal Lija — akkużi

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 36498, jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tweġiba li ngħatat mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Lija għall-akkużi li saru fl-artiklu msemmi? Jista' jgħid kif il-Monitering Unit qiegħed isegwi l-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tweġiba tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija. Infurmat li l-Monitoring Unit għalaq il-każ.
Leg 11 PQ #37572 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru tal-Intern

Kunsill Lokali ta' Ħal Lija — Servizz ta' Perit, Avukat u Accountant

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37180, ladarba l-Prim Ministru huwa tal-opinjoni li mhemmx għalfejn jinħarġu tenders għas-servizzi msemmija minkejja li f'Leġislazzjoni Sussidjarja 363.01 Regolamenti dwar il-Kunsilli Lokali (Finanzi) hemm mitkub li 'ordnijiet, kuntratti, ftehim jew oġġetti li jeċċeddu €1,164.69 iżda ma jeċċedux €4,658.75 jeħtieġu għall-anqas tliet kwotazzjonijiet uffiċjali iffirmati jew il-ħruġ t'offerta pubbliku skont ir-Regolament dwar il-Kunsilli Lokali (Finanzi)', jista' l-Prim Ministru jispjega għalfejn mhux qed jinġabru tliet kwotazzjonijiet uffiċjali għax-xogħol li qiegħed isir mill-perit, avukat u accountant f'dan il-kunsill? La m'hemm ebda tender għal dawn is-servizzi, jista' jispjega kif fit-tweġibiet għall-mistqosijiet parlamentari 35237, 35236 u 35235, il-Kunsill ta' Ħal Lija wieġeb li għandu perit, avukat u accountant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija li ma kienx ġabar kwotazzjonijiet għas-servizzi ta’ perit, avukat u accountant għar-raġunijiet segwenti. Jirriżulta li l-Kunsill Lokali baqa’ jagħmel użu mis-servizz tal-perit anke wara li skadielu t- tender għar-raġuni li l-ħlas kull sena dejjem kien anqas mill-ammont rikjest biex tinħareġ tender. Għaldaqstant il-Kunsill ma ħassx il-bżonn biex tinħareġ talba għal kwotazzjonijiet għal dan is-servizz. Dwar is-servizz ta’ avukat jirriżulta li l-Kunsill unanimament kien qabel biex iqabbad avukat b’urġenza biex jirrapreżentah f’kawża fil-Qorti li għadha għaddeja sal-lum. Għaldaqstant il-Kunsill ma ħariġx kwotazzjonijiet għal dan is-servizz. Dwar is-servizz ta’ accountant jirriżulta li l-Kunsill kien talab l-għajnuna ta’ accountant biex dan jagħti parir dwar accounts peress li għal żmien twil is-Segretarju Eżekuttiv kien qed jagħmel dan ix-xogħol. Jirriżulta li peress li l-ħlas dejjem kien ta’ €116.00 u drabi anke anqas għal dawn l-aħħar għaxar snin, il-Kunsill qatt ma ħass il-ħtieġa biex jinġabru kwotazzjonijiet għal dan is-servizz. Madankollu, jien tajt struzzjonijiet lill-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali sabiex jeżamina l-każ u jieħu l-passi neċessarji jekk jirriżultalu li kien hemm xi nuqqas.
Leg 11 PQ #37590 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Intern

bini tal-Akkademja tal-Pulizija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x’kienet l-ispiża minfuqa fl-2012 fuq il-bini tal-Akkademja tal-Pulizija ġdida? Jista' jgħid kemm tlestit minnha s'issa? Jista' jgħid meta din l-akkademja se tibda tiffunzjona ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena, s’issa tħallsu €231, 687 għall-bini ta’ l-Akkademja tal-Pulizija ġdida ġewwa Ta’ Kandja. Infurmat ukoll illi x-xogħol tal-kostruzzjoni miexi kif ippjanat. Infurmat ukoll illi x-xogħol tal-kostruzzjoni tal-ġibjun tlesta, filwaqt li bħalissa qed isir xogħol ta’ kostruzzjoni tal-blokk li jkopri l-uffiċji ta’ l-amministrazzjoni u l-lecture rooms. Huwa maħsub illi din l-akkademja tkun tista’ tibda tiffunzjona matul is-sena d-dieħla.
Leg 11 PQ #37627 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru tal-Intern

Omas Pass

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37513 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jispeċifika liema huma l-istanzi li fihom persuna li jkollha l-OMAS pass għax taħdem f'post tax-xogħol li tirrikjediha tidħol fl-ajruport titlef id-dritt li tibqa' żżomm dan l-OMAS pass? Fi kliem ieħor liema huma l-istanzi li minħabba fihom jista' jittieħed jew jiġi rtirat l-OMAS pass mill-awtorità kompetenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-istanzi li minħabba fihom jista' jittieħed jew jiġi rtirat l-Airport Security Pass huma meta l-OMAS tiġi nfurmata mill-kumpanija jew entità li min ikun inħariġlu l-Airport Security Pass ikun temm l-impjieg tiegħu jew f’każijiet li jaqgħu taħt it-termini tal-Avviż Legali 488/2011.
Leg 11 PQ #37652 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru tal-Intern

Ħal Lija — Triq Preziosi - xogħlijiet imwiegħda

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għalfejn xogħol li kien imwiegħed fi Triq Preziosi, Ħal Lija iktar minn sena ilu għadu ma sarx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ma nafx l-Onorevoli Interpellant x’jixtieq ifisser bil-kelma ‘wegħda’. Infurmat li l-Kumitat għat-tisbih tal-Ambjent u l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Lija kienu qed jiddsikutu proposta għal upgrade ta’ Triq Preziosi. Min-naħa tiegħu l-Kunsill Lokali ssottometta proposta u l-istima tagħha hija ta’ €73,000. Il-Gvern għadu bl-intenzjoni li jgħin sabiex dan il-proġett jitwettaq fil-futur.
Leg 11 PQ #37664 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

kunsilli lokali — ammont ta' direct orders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37520, filwaqt li napprezza l-ħidma tad-dipartiment u l-applikazzjoni tar-Regolaturi tal-1993, u filwaqt li ngħarraf li d-direct orders huwa parti integrali mill-mod kif jinxtraw is-servizzi u l-prodotti, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar kull kemm żmien isiru l-verifiki u meta jirċievu l-minuti l-istess dipartiment? (Kemm tard)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-minuti tal-Kunsilli Lokali, inklużi schedule of payments, għandhom jitpoġġew fuq il-website www.lc.gov.mt fi żmien jumejn wara li jkunu approvati. Il-monitoring officers tad-Dipartiment għall-Gvern Lokali jkunu qed isewgu dawn il-minuti biex jaraw jekk hemmx xi irregolarità li dwarha jkun hemm bżonn li tinġibed l-attenzjoni tal-Kunsill. Ta’ min jinnotta wkoll li anke meta Kunsill Lokali jdum ma jpoġġi l-minuti tiegħu fuq il-website, dan jiġi infurmat biex jagħmel hekk minnufih.
Leg 11 PQ #37668 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali — xiri ta' servizzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien hemm sejħiet ta' interess mill-kunsilli lokali tal-11-il distrett elettorali minn l-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar t'Ottubru 2012 għal xiri ta' servizzi, lokal lokal? X'kienu dawn is-sejħiet u x'kienu r-riżultati ta' dawn is-sejħiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37669 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali — xiri ta' servizzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien hemm sejħiet ta' interess mill-kunsilli lokali tas-7 distrett elettorali minn l-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar t'Ottubru 2012 għal xiri ta' servizzi, lokal lokal? X'kienu dawn is-sejħiet u x'kienu r-riżultati ta' dawn is-sejħiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37670 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli lokali tat-12-il distrett elettorali — xiri ta' servizzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti t-tagħrif dwar kemm kien hemm sejħiet ta' interess mill-kunsilli lokali tal-12-il distrett elettorali minn l-1 ta' Jannar 2012 sal-aħħar t'Ottubru 2012 għal xiri ta' servizzi, lokal lokal? X'kienu dawn is-sejħiet u x'kienu r-riżultati ta' dawn is-sejħiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37688 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Għawdex — Civil Protection Department

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għala ħaddiema tas-Civil Protection Department f'Għawdex għadhom qed jitħallsu l-paga fi Skala 13, meta suppost illi ilhom minn Settembru 2012 jitħallsu fi Skala 12? X'inhu jwassal għal dan in-nuqqas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq il-proċeduri biex il-ħaddiema msemmija fl-interpellanza jiġu kkunsidrati bħala uffiċjali fi skala 12 u jibdew jitħallsu ta’ din il-pożizzjoni ġdida b’effett mis-7 ta’ Settembru 2012.
Leg 11 PQ #37690 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: MICHAEL FALZON To: Ministeru tal-Intern

Korp tal-Pulizija — Performance bonus

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lil din il-Kamra, jekk mis-sena 1993 sal-lum sarux il-ħlasijiet tal-performance bonus lill-uffiċjali għolja tal-Korp tal-Pulizija u dan skont il-ftehim ta' Ġunju 1993? Jekk saru tali ħlasijiet, ta' performance bonus, f'liema perċentwali saru tali ħlasijiet u lil min saru sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-records miżmuma jirriżulta illi l-ħlasijiet ta’ performance bonus bdew isiru, skont kif ipprovdut mid-Dokument dwar il-Kundizzjonijiet tal-Korp tal-Pulizija ta’ Ġunju 1993, mill-1995, bl-ewwel pagament ikopri l-perjodu Ġunju 1993 - Diċembru 1994. Il-bonus ingħata lill-fizzjali kollha fil-grad ta’ Supretendent jew ogħla, skont l-imsemmi Dokument. L-aħħar pagament li sar kien ikopri is-sena 2011.
Leg 11 PQ #37719 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: KARL GOUDER To: Ministeru tal-Intern

Kunsilli Lokali — xogħol fuq toroq

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar il-Kunsilli Lokali ta' Malta u Għawdex, lokal b'lokal, bejn Marzu 2008 sal-lum: a) kemm saru toroq fil-lokalità tagħhom; b) l-isem ta' kull triq u f'liema sena saret; u ċ) jekk it-triq in kwestjoni saritx kollha jew le, u jekk ma saritx kollha, minn fejn sa fejn saru x-xogħlijiet? Kemm swiet u minn fejn ġew il-fondi

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar mingħand il-kunsilli lokali permezz ta’ Memo 41/2012 maħruġa mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali u għaldaqstant tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37348 Sitting 516 2012-10-31 Oral · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — aċċessibilità fl-uffiċini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-dipartimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sitt xhur kien hemm xi xogħolijiet li saru biex jiġu indirizzati l-problemi ta' aċċessibbiltà fid-Dipartimenti u uffiċini fosthom fir-Reġistru tal-Artijiet fejn saru poġġamani ġodda bil-ħsieb li jgħinu partikolarment nies anzjani kif ukoll ċertu kategoriji ta’ persuni b’diżabilità fiżika. F’każijiet oħra fejn persuni b’diżabilità ma jkunux jistgħu jitilgħu t-taraġ isiru arranġamenti prattiċi biex xorta jingħata s-servizz. L-Uffiċċju tal–Passaporti qiegħed f’taħditiet mal-Kummmissjoni Nazzjonali għal Persuna b’Diżabilità (KNPD) u mal-entitajiet l-oħra li jużaw l-istess bini, li jinkludu r-Reġistru Pubbliku u l-Uffiċċju għall-Immaniġjar tal-Identità, sabiex jinsabu mezzi ħalli tingħeleb il-problema tal-aċċessibbiltà b’mod effettiv. Fil-fatt diġa' tqabbad perit u ġew imfassla xi pjanti f’dan is-sens. Sakemm din il-kwistjoni tiġi solvuta b’mod definit, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jagħmel dak kollu li jista' sabiex persuni li jużaw siġġu bir-roti jew li ma jistgħux jitilgħu taraġ jinqdew xorta waħda. Fil-fatt dan l-aħħar ġie installat apparat f’uffiċċju fil-pjan t’isfel sabiex persuna b'diżabilità ma jkollhiex għalfejn titla’ l-Evans Building fis-sular ta’ fuq biex tagħmel il-passaport. Wieħed jista wkoll jordna ċertifikati mir-Reġistru Pubbliku permezz tas-sit www.ċertifikati.gov.mt. Infurmat ukoll illi l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, kif ukoll diversi Għasses tal-Pulizija huma aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità u li fil-preżent għaddejjin taħdidiet bejn il-Pulizija u l-Kummissjoni Nazzjoni Persuni b’Diżabilità, bl-iskop li jitjiebu dawn il-faċilitajiet. Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wettaq xogħol biex tinbena rampa fit-Taqsima Marittima li tinsab il-Marsa li din saret skont linji gwida li ħarġu mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità.
Leg 11 PQ #37438 Sitting 516 2012-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Intern

Pembroke — Triq Gabriel Henin - karozzi abbandunati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta beħsiebha l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex tneħħi karozzi ilhom xhur ipparkjati illegalment u abbandunati fi Triq Gabriel Henin, Pembroke?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li ttieħdu l-passi neċessarji.