Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #38009 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Istituzzjonijiet post-sekondarji — programmi pathway għal żgħażagħ b'diżabilità

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 34580, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm tal-MCAST Pathway to Independent Living li jingħata lill-istudenti b’xi forma ta’ diżabilità intelletwali? Kemm kien hemm studenti li għaddew minn dan il-kors minn mindu beda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — applikazzjonijiet li waslu tard li ġew aċċettati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm każijiet fl-aħħar erba' snin akkademiċi li studenti li applikaw tard għal xi kors fl-MCAST ġew aċċettati minħabba li ġew ikkunsidrati ċ-ċirkostanzi partikolari tagħhom? F'liema korsijiet u kemm f'kull kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST jagħmel ħiltu kollha biex fejn ikun loġistikament possibli, u sakemm l-applikanti jkollhom ir-rekwiżiti meħtieġa għall-kors li jkunu jixtiequ, ma jċaħħadx individwi milli jibdew l-istudji vokazzjonali tagħhom. Il-Kulleġġ iqis kull applikazzjoni fuq il-merti tagħha u jekk ikun possibli li studenti jibdew l-istudji tagħhom fil-kors li jkunu jixtiequ, jiġu offruti post fil-klassi anke jekk ikunu applikaw tard.

MCAST — BTEC level 3 - ħlas tal-kors

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk bħalissa l-MCAST hix tibgħat avviż lill-istudenti li qed jagħmlu kors BTEC level 3 li jridu jħallsu €350 għal dan il-kors? Tista' tgħid jekk hux veru li ngħataw deadline li jridu jhallsu din is-somma sa ċertu data? Meta hi din id-data? Tista' tgħid jekk l-istudenti ġewx imwissija li min ma jħallasx sa dik id-data ma jitħalliex ikompli l-kors? Tista' tgħid jekk hemmx studenti li ġew imwissija li jekk ma jħallsux is-somma fid-data mogħtija jeħlu multa ta' €50? X'se jiġri fil-każ ta' dawk il-familji li għandhom dħul ta' madwar €700 fix-xahar u żgur ma jistgħux jagħmlu ħlas ta' €350 f'salt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-bidu ta’ kull sena akkademika, l-MCAST iqassam il-formoli ta’ reġistrazzjoni lil dawk l-istudenti ġodda li jkunu bdew korsijiet tal-Kulleġġ akkreditati mill-BTEC. Il-ħlas ta’ din ir-reġistrazzjoni jvarja skont il-livell tal-kors magħżul. Skont ir-regolamenti tal-BTEC, din ir-reġistrazzjoni trid issir fi żmien stipulat minn qabel. Din is-sena, l-istudenti ngħataw sas-Sibt 17 ta’ Novembru biex jissottomettu l-applikazzjoni tagħhom. Dawk li jissottomettu l-applikazzjoni wara din id-data jintalbu jħallsu ħlas żejjed stipulat mill-BTEC flimkien ma’ ‘Late Penalty Fee’ ta’ €50. L-istudenti jiġu infurmati b’dawn il-miżati fl-istess formola li jingħataw fi żmien raġjonevoli qabel ma jiskadi ż-żmien tar-reġistrazzjoni. Infakkar li l-istudenti għandhom l-użu tas-Smart Card u jirċievu stipendju. Madankollu, studenti li jsibu diffikulta biex iħallsu dawn il-miżati tal-BTEC jistgħu jimlew formola apposta jitolbu li jingħataw l-appoġġ meħtieġ. Dawn it-talbiet jiġu kkunsidrati minn bord maħtur apposta li f’kull każ jagħti rakkomandazzjonijiet dwar l-aħjar għajnuna li jinħtieġ tingħata biex l-istudenti jkomplu bl-istudji tagħhom. L-MCAST jalloka somma ta’ flus kull sena biex jappoġġja lill-istudenti eliġibbli għal din l-għajnuna.
Leg 11 PQ #38139 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

MCAST — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-fl-MCAST f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38140 Sitting 524 2012-11-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

ITS — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-istitut f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel — ħin għall-physical education

Question

Peress li qed jasluli ilmenti li f'xi skejjel primarji statali tnaqqas il-ħin għall-physical education (PE), tista' l-Ministru tgħid fl-iskejjel primarji statali kollha ta' Malta u Għawdex kemm hemm ħin iddedikat, klassi bi klassi għall-PE kull ġimgħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-direzzjoni hija li l-għalliem tal-klassi fil-primarja għandu jagħti minimu ta’ żewġ lezzjonijiet ta’ 30 minuta l-waħda fil-ġimgħa. Il-‘Peripatetic Teacher’ tal-PE normalment jagħti lezzjoni waħda ta’ 45 minuta fil-ġimgħa. Ma’ dawn wieħed għandu jqis ukoll l-attivitajiet sportivi regolari li qed jiġu organizzati mill-iSport Promotion Unit.

childcare centres — prodotti użati

Question

Tista' l-Ministru tgħid b'liema prodotti ta' hygiene u disinfetanti qed ikunu provduti mid-dipartiment fiċ-childcare centres u kindergartens in partikolari sabiex jintużaw fil-ħasil tal-idejn u affarijiet oħra sabiex ikunu megħluba r-riskji żejda ta' tifrix ta' mikrobi fost it-tfal u trabbi li jattendu fihom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fejn hemm kindergarten, id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi jalloka l-fondi lil kull skola sabiex jixtru l-materjal u prodotti tal-indafa kollha li jkunu meħtieġa. Il-prodotti li jintużaw fi Smart Kids Childcare Centres immexxija mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi huma: • Liquid Hand Soap PH 5.5 għal ħasil tal-idejn • Room and Surface Anti-bacterial Surface Spray għat-tindif ta’ nappy changers , uċuħ ta’ mwejjed, għamara eċċ. • Detergent għal ħasil tal-art • Descaling and Sanitizing Toilet Cleaner u Power Bleach għal ħasil tal-kmamar tal-banju u toilets
Leg 11 PQ #620 Sitting 523 2012-11-19 Written · Final From: JUSTYNE CARUANA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

talba għal LSA

Question

Tista' l-Ministru tara li t-tifel li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatement, jingħata LSA peress li l-ġenituri ilhom snin jitolbu l-għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istatementing Moderating Panel ma għandu l-ebda applikazzjoni pendenti għan-nom ta’ dan it-tifel. M’hemmx applikazzjonijiet pendenti ħlief dawk li waslu tul din is-sena u mhux qegħdin fuq lista ta’ priorità. Dawk meqjusa “priorità” diġà qegħdin jingħataw l-għajnuna.

Proċess għal-Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid il-proċess li tifel jew tifla jrid jgħaddi minnu jekk it-teacher jew il-ġenitur jinduna li dawn għandhom bżonn għajnuna adizzzjonali bħal dik ta' learning support assistant? Tista' tgħid kemm iridu jdumu it-tfal mingħajr ma jirċievu din l-għajnua minn meta jibda l-proċess sakemm tingħata l-għajnuna? Tista' tikkonferma li jridu jgħaddu snin biex dan il-proċess iseħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta għalliem jew ġenitur jinduna li t-tifel jew tifla għandhom bzonn ta’ għajnuna addizzjonali bħal dik ta’ LSA jridu jassessjaw lit-tifel jew tifla għand psikologu u għand professjonisti oħra skont id-diffikultajiet. Meta r-rapporti jkunu lesti jehduhom l-iskola biex isir referral għall-Istatementing Moderating Panel. Appena l-Bord jircievi l-applikazzjoni l-ġenituri jingħataw appuntament skont il-kaz. Min naħa tad-Direttorat tal-Edukazzjoni ma hemm l-ebda ‘waiting list’ ta’ snin fil-preżent. Qegħdin, bħalissa, jkunu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-2012. 315 minn madwar 660 applikant tal-2012 kienu kklassifikati bħal “Applikanti priorità” u diġà għandhom LSA.

Tfal tal-iskola statali — assistenza ta' adulti mat-tfal fil-vannijiet tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ikunx hemm assistenza ta' adulti mat-tfal fil-vannijiet u transport ieħor provdut lit-tfal tal-iskola statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-maġġoranza tar-rotot ta’ transport provdut mill-istat ma hemmx assistenza ta’ adulti mat-tfal. L-assistenza provduta permezz ta’ escorts hija provduta lil dawk l-istudenti b’diżabilità li jeħtieġu din l-għajnuna. Fuq ir-rotot kollha taċ-Ċentri ta’ Riżorsi jiġu provduti escorts. Hemm il-possibilta’ li ġenituri jistgħu volontarjament joffru assistenza fuq ir-rotot rispettivi.
Leg 11 PQ #38006 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

childcare centres — assessment fuq it-tfal

Question

Tista’ l-Ministru tordna fil-futur sabiex jibda jsir assessment tat-tfal li jkunu għadhom kemm spiċċaw jattendu ċ-childcare centres u dan jingħata lill-ġenituri ta’ dawn it-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol huwa responsabbli mill-operat taċ-Ċentri ta’ matul il-jum għat-tfal Smartkids. Il-ġenituri tat-tfal li jattendu ċ-Childcare Centres immexxija mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi jingħataw rapport dwar il-progress li t-tfal tagħhom ikunu għamlu tul iż-żmien li jkunu attendew iċ-Ċentri Smart Kids. L-informazzjoni f’dan ir-rapport tinġabar minn checklist dwar l-Iżvilupp tat-Tfal kif ukoll minn osservazzjonijiet li jkunu saru b’mod regolari matul l-attendenza tagħhom fiċ-Ċentri. Dan ir-rapport jittratta dawn l-oqsma: • Żvilupp Personali, Soċjali u Emozzjonali (Personal, Social and Emotional Development) • Komunikazzjoni, Lingwa u Litteriżmu (Communication, Language and Literacy) • Problem-Solving, Raġunar u Numeracy (Problem-Solving, Reasoning and Numeracy) • Għarfien u Fehim tad-Dinja (Knowledge and Understanding of the World) • Żvilupp Fiżiku (Physical Development) • Żvilupp Kreattiv (Creative Development) Dan ir-rapport jiġi diskuss mal-ġenituri tat-tfal f’laqgħat li jissejħu Exit Reviews, li jitħejjew għal kull tifel u tifla b’mod individwali. Barra minnhekk jingħata portfolio tax-xogħol kollu li jkun sar matul l-attendenza tat-tfal fiċ-Ċentri Smart Kids.

school loggers

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu eligibbli biex jintagħżel bħala school logger? X'kundizzjonijiet tax-xogħol hemm marbut ma' xogħol bħal dan? Kif jintagħżlu l-ischool loggers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-‘ischool loggers’ jiġu nnominati mill-Kap tal-Iskola minn staff li jiffurmaw parti mis-Senior Management Team. M’hemm l-ebda kundizzjoni tax-xogħol marbuta ma’ min jagħmel dan ix-xogħol ħlief li jużaw sistema elettronika (ERFS) tal-MITA biex japplikaw għal servizzi bħal internet, corp, Common Database, Schools Teachers Students System u aċċess għall-generic email tal-Iskola.

Università ta' Malta — mature student

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tixtieq tibda kors fil-liġi fl-Università ta' Malta bħala mature student għandhiex bżonn bilfors suġġett f'livell A? Jekk iva, liema regolament jesigi dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proċedura li l-Admissions Committee tal-Fakultà tal-Liġi tadotta biex tivverifika l-maturita’ ta’ applikant biex jidħol għall-kors ta’ LL.B. hija kif ġej: (a) Il-kandidat jintalab li joqgħod għal eżami ta’ siegħa bil-miktub fejn il-kandidat jikteb essay bl-ilsien Ingliż (peress li l-Ingliż huwa l-ilsien tal-istruzzjoni adottat mill-Universita’); (b) Jekk igħaddi minn dan l-eżami, il-kandidat jintalab li joqgħod għall-intervista biex jiġi żgurat illi l-kandidat għandu l-maturita’ meħtieġa; (ċ) Bħala parti mill-kriterji li l-Admissions Committee tal-Fakulta’ tal-Liġi tadotta huwa li meta kandidat ma jkunx issodisfa lill-Bord li għandu l-maturita’ meħtieġa biex isegwi l-kors, il-kandidat jintalab jippreżenta ċertifikat fil-livell avvanzat fl-ilsien Malti jew l-ilsien Ingliż u jiġi ammess fil-kors wara li jgħaddi minn dan l-eżami bi grad Ċ jew aħjar. Din il-proċedura hija skont il-provvedimenti tar-regolament 2.2 (a) (iii) u (b) tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita’.
Leg 11 PQ #38043 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

National Diploma in Children Care, Learning and Development — applikazzjonijiet ta' studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw studenti għall-kors tan-National Diploma in Children Care, Learning and Development fl-MCAST? Tista' tgħid kemm kien hemm studenti li baqgħu barra minn dan il-kors? X'se jiġri mill-istudenti li baqgħu barra minn dan il-kors? Għaliex ma kienx hemm l-għażla biex japplikaw għat-tieni preferenza meta applikaw għal dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38075 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: GINO CAUCHI To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

PBS — kontenut tal-aħbarijiet lejn l-Awstralja

Question

Tista’ l-Ministru tindika min hija l-persuna responsabbli mill-kontenut tal-aħbarijiet li jintbagħtu mill-PBS lejn l-Awstralja sabiex jixxandru fuq l-istazzjon SBS u b’hekk iżomm aġġornat lill-komunità Maltija fl-Awstralja b’dak li suppost qed jiġri f’pajjiżna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Bullettin tal-Aħbarijiet li jintbagħat biex jixxandar għall-emigranti Maltin li jgħixu barra minn Malta jitfassal mill-co-ordinator li jkun xogħol dakinhar li jsir.

Skola Sir Mikelanġ Refalo — suġġet tal-accounts

Question

Peress li l-istudenti tal-ewwel sena tal-accounts fl-iskola Sir Mikelanġ Refalo f'Għawdex ilmentaw mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni appuntu minħabba l-mod ta' kif qed jiġi mgħallem is-suġġett u peress li għad ma ngħatat l-ebda tweġiba lil dawn il-ġenituri, tista' l-Ministru tara li d-dipartiment iwieġeb lil dawn il-ġenituri?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorati Edukattivi qed jinvestigaw dan il-każ. Minkejja l-fatt li l-allegazzjonijiet huma verbali u din tagħmilha aktar diffiċli biex titmexxa l-investigazzjoni, id-Direttorati xorta qed jieħdu l-passi neċessarji biex din is-sitwazzjoni tkun indirizzata.
Leg 11 PQ #38138 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta' Malta f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-Università f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37541 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skejjel tal-Istat — każijiet ta' scabies

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta' scabies fl-iskejjel tal-Istat din is-sena, xahar b'xahar? Tista' tindika ukoll il-lokalitajiet ikkonċernati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żebbuġ — skola FX Attard - interactive whiteboards

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm interactive whiteboards fl-iskola FX Attard, Kulleġġ San Ġorġ Preca, Żebbuġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Iskola Sekondarja tas-Subien, Żebbuġ, hemm 12-il Interactive Whiteboard.