Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — kiri ta' vetturi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inkrew vetturi mill-bidu tas-sena 2008 sa Novembru tas-sena 2011 għall-użu tal-Ministeru, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tiegħu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni li huma preżentement taħt probation, li ġejjin mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-informazzjoni hekk kif mitluba milll-Onorevoli Interpellant ma tinżammx taħt forma ta' statistika kompjuterizzata. Però infurmat ukoll illi matul din is-sena n-numru ta' persuni li nħarġitilhom Ordni ta' Probation mid-distretti msemmija kien kif ġej:-
7 Distrett 11
11-il Distrett 15
12-il Distrett 8
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — ħaddiema impjegati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma skont il-kategorija, matul is-sena 2011? Jista' jgħid kif saret is-sejħa għal kull impjieg?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interperlant.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija f'kull għassa matul ix-xhur ta' Jannar u Awissu 2011?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi għalkemm in-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija fl-Għasses mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tal-kommunità, preżentement hemm madwar disa' mija u ħamsin Pulizija stazzjonati fl-Għasses.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29941, jista' l-Ministru jgħid meta jiltaqa' l-Bord tal-Pulizija? Kemm għandu każijiet pendenti quddiemu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Bl-Att XIII tal- 2002 li bih ġie mwaqqaf il-Bord tal-Pulizija, dan għandu, skont l-Artikolu 50 (1) tal-Kap 164, jiltaqa’ mhux anqas minn darba fix-xahar.
Ninsab infurmat illi dan il-bord għandu 40 ilment li għadhom pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pulizija fl-iskwadra tal-Administrative Law Enforcement li tagħmel sorveljanza fuq il-kaċċatturi u nassaba? Jista' jgħid fejn huma l-postijiet li din l-iskwadra trid tissorvelja?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri fit-Taqsima tal-Administrative Law Enforcement tal-Pulizija u l-postijiet fejn din tagħmel sorveljanza, mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fil-Ministeru u dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu, maqsuma settur settur? Jista' jgħid ukoll il-gradi tas-salarji u benefiċċji oħra ta' kull kategorija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Florida Centre for the Advancement of Human Rights — kummenti dwar traffikar uman
Question
Jista' l-Ministru jgħid x’inhi r-reazzjoni tal-Gvern Malti għall-kummenti li għamel fil-media lokali l-Professur Terence Coonan, direttur eżekuttiv tal-Florida Centre for the Advancement of Human Rights fejn stqarr li meta wieħed iqis li bejn is-snin 2002-2010 ġew investigati biss għaxar każijiet ta’ traffikar uman f’pajjiżna li rriżultaw f’14-il conviction, u dan kien biss the tip of the iceberg għaliex skont hu jista' jkun hemm għadd ta’ każijiet oħrajn li mhumiex jiġu indirizzati, kif ukoll każijiet oħrajn fejn il-prosekuzzjoni mhijiex issir bil-ħeffa meħtieġa? Peress li l-istess professur ġie kkwotat li qal li dan jista' jkun ġej ukoll minn nuqqas ta’ għarfien xieraq u taħriġ dwar il-problema ta' kif wieħed għandu jindirizza każijiet simili ta’ traffikar uman, jista' jgħid x’passi konkreti qed jieħu u/jew beħsiebu jieħu l-Gvern Malti quddiem l-osservazzjoni tiegħu li hemm bżonn ta’ major awareness campaign f’pajjiżna, mhux biss għall-pubbliku Malti iżda wkoll għal-law enforcement officials tagħna, il-prosekuturi u anke l-ġudikatura? Peress li huwa għamel rakkmandazzjoni oħra li hemm bżonn ta’ għarfien fost il-vittmi nfushom u l-gruppi vulnerabbli li għandhom iħossuhom protetti mil-liġi u għandhom jingħataw assikurazzjoni xierqa li mhumiex se jiġu ttrattati bħala kriminali jekk jersqu 'l quddiem biex jikxfu dak kollu li kienu u/jew għadhom għaddejjin minnu, jista' jgħid x'se jsir f'dan ir-rigward?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-ewwel nett ta’ min wieħed jgħid li s’issa ma kellniex indikazzjonijiet li t-traffikar uman f’Malta huwa ferm ikbar milli jixhdu in-numru ta’ każijiet li ttelgħu quddiem il-Qrati. Naturalment, dan ma jfissirx li ma jistgħax ikun hemm każijiet oħra, u lanqas ma jfisser li nistgħu nserħu rasna. Dan minħabba l-fatt li t-traffikar uman huwa, fl-aħħar mill-aħħar, forma ta’ skjavitu’. B’hekk, il-vittmi ta’ dan ir-reat spiss jibżgħu jitkellmu. Dawn il-persuni jkunu soffrew vjolenza, fiżika jew psikoloġika, u jkunu wkoll mhedda b’azzjoni kontrihom jew kontra l-familja tagħhom jekk jitkellmu mal-awtoritajiet.
Matul Ġunju ta’ din is-sena kienu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ għal benefiċċju ta’ entitajiet governattivi u non-governattivi involuti fis-settur, fosthom l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, il-Pulizija, l-Aġenzija Appoġġ, l-ETC, il-Caritas u l-JRS. Dan it-taħriġ sar minn esperti ta’ IOM (Washington) u kien ko-finanzjat mill-Gvern Malti u l-awtoritajiet tal-Istati Uniti.
Bil-għan li jirċievu l-għarfien u t-taħriġ meħtieġ uffiċjali fi ħdan il-Korp tal-Pulizija jipparteċipaw f’diversi konferenzi u laqgħat li jiġu organizzati fil-pajjiżi tal-Ewropa fir-rigward ta’ dan is-suġġett.
Huwa mistenni li jsir aktar taħriġ għall-entitajiet ikkonċernati matul l-ewwel tlett xhur tal-2012, hekk kif ikkontemplat mill-Pjan t’Azzjoni rigward it-Traffikar tal-Persuni, li kien ippublikat fl-4 ta’ Ottubru ta’ din is-sena fil-website tal-Ministeru għall-Ġustizzja u l-Intern.
L-istess Pjan jagħmel ukoll referenza għal kampanja ta’ informazzjoni għall-pubbliku in ġenerali, li għanda wkoll tkun imwettqa matul is-sena d-dieħla.
Rigward il-prosekuzzjonijiet, ta’ min wieħed jgħid li każijiet ta’ traffikar ta’ persuni qed jingħataw priorita’ minn naħa tal-Pulizija preċiżament minħabba n-natura serja ta’ dan ir-reat, kif ukoll minħabba il-vulnerabilita’ tal-vittmi.
Rigward ir-rakkomandazzjoni li hemm bżonn ta’ għarfien fost il-vittmi nfushom u l-gruppi vulnerabbli li għandhom iħossuhom protetti mil-liġi, l-imsemmi Pjan t’Azzjoni jipprovdi għal inizjattivi ta’ awarness għal dawk il-persuni li jitolbu ażil, li jgawdu minn protezzjoni internazzjonali, kif ukoll għal persuni vulnerabbli oħra.
Fl-aħħar nett, ta’ min wieħed jgħid li skont Artikolu 248E (6) tal-Kodiċi Kriminali, persuna li ikkommettiet ir-reati imsemmija fis-sezzjoni “Fuq it-traffikar ta’ persuni” tal-istess Kodiċi ma tistgħax tingħata kastig għal dawk ir-reati jekk wettqithom minħabba l-fatt li kienet imġiegħlha minn persuna oħra. B’hekk il-Liġi Maltija tipprovdi għal protezzjoni adegwata għal vittmi ta’ traffikar tal-persuni.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — karozzi mikrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' karozzi mikrija li għandu l-Ministeru, dipartimenti, dekasteri u entitajiet li jaqgħu taħtu llum? Kemm hija l-ispiża globali f'ċifra ta' flus li titħallas kull xahar għal dawn il-vetturi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt dan il-Ministeru hemm 59 karozza mikrija. Infurmat ukoll illi ċ-ċifra li titħallas kull xahar għall-kiri ta' dawn il-karozzi tammonta għal € 48,249.25.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fid-drug squad u kemm ikun hemm pulizija duty bil-lejl f'din l-iskwadra? Fejn iridu jissorveljaw l-istess pulizija matul il-lejl?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri fid-Drugs’ Squad tal-Pulizija u dawk fuq xifts, mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tal-kommunità.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — xogħol lil kumpaniji
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbeż l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:29815 - Xoghol lil Kumpaniji (over10,000).xls
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' użura li tressqu l-Qorti f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm ingħataw sentenzi mill-Qrati Maltin dwar dawn il-każijiet? X'penali weħlu l-akkużati li instabu ħatja f'kull każ, sena b'sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn l-2002 sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena kien hemm 66 persuna li tressqu l-Qorti fuq akkużi relatati ma' użura. Infurmat ukoll illi matul l-istess perijodu kien hemm 26 persuna li kellhom il-każ tagħhom deċiż; 6 kienu ġew liberati, wieħed miet matul il-proċeduri, filwaqt li l-oħrajn ġew mogħtija sentenzi li kienu jinkludu ħabs, ħabs u multa, ħabs u multa u li jirrifondi l-flus lill-vittma, sentenza sospiża, sentenza sospiża u multa; multa u probation.
Dokumenti tal-inkjesti dwar investigazzjonijiet ta' inċidenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jittieħdu sabiex familjari ta' vittmi jingħataw tagħrif minn min jikkonduċi l-investigazzjonijiet dwar inċidenti li fihom ikunu weġġgħu jew tilfu ħajjithom qraba tagħhom? Veru li l-uniku mod li jeżisti huwa dak li l-familjari jitolbu kopja tad-dokumenti tal-inkjesta li għalihom iridu jħallsu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-uffiċjali tal-Pulizija li jkunu jinvestigaw inċidenti li fihom ikunu weġgħu jew tilfu ħajjithom xi persuni, izommu kuntatt mal-familjari u jinfurmawhom bl-andament tal-investigazzjoni. Għal dak li jirrigwarda kopji tar-rapporti tal-inkjesti, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30030.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet ta' tfal li ġew rappurtati lill-Pulizija għax ġew abbandunati mill-ġenituri tagħhom, mil-lokalitajiet tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokal lokal matul l-ewwel 9 xhur ta' din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel disa' xhur ta' din is-sena, il-Pulizija kellha 5 rapporti ta' abbandun ta' tfal minorenni, 1 fil-Mellieħa u 4 f'San Pawl il-Baħar.
każijiet ta' vjolenza domestika li ġew rappurtati fl-għasses
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar in-numru ta' każijiet ta' vjolenza domestika li ġew rappurtati fl-għasses differenti tas-7, 11 u 12-il distrett elettorali, lokal lokal matul lewwel 9 xhur ta' din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Attachments:30175 - Kazijiet ta' Vjolenza Domestika 7-11-12 Distrett.doc
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hijiex infurmata fuq sewqan eċċessiv li qed iseħħ kull nhar ta' Ħadd fit-8:00 a.m. fil-by-pass tax-Xemxija/San Pawl il-Baħar minn numru sostanzjali ta' muturi? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu jew se jittieħdu sabiex din l-attività illegali tiġi mwaqqfa?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tieħu l-provvedimenti opportuni għal dak li qed jiġi sollevat mill-Onorevoli Interpellant.
Permezz tal-Att 2004 dwar il-Medjazzjoni, jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il koppja miżżewġa:
a) fetħet kawża ta' separazzjoni;
b) marret għall-medjazzjoni;
ċ) issospendiet kawża ta' separazzjoni biex marret għall-medjazzjoni; u
d) waqfet kawża ta' separazzjoni wara li marret għall-medjazzjoni?
Kemm hemm medjaturi maħtura miċ-Ċentru tal-Medjazzjoni? X'inhu l-istatus professjonali tagħhom? Kemm-il każ bdew u kkonkludew sena b'sena, u kemm minnhom kienu jitrattaw tilwim familjari? Tfal mhux addolexxenti b'liema mod jiġu involuti fil-proċess?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Rigward id-domandi a, b, ċ u d ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kawżi ta’ separazzjoni jaqgħu taħt il-provvedimenti tal-Liġi Sussidjarja 12.20.
Ninsab infurmat illi hemm 51 medjatur maħtur miċ-Ċentru tal-Medjazzjoni u l-istatus professjonali tagħhom huwa kif jidher hawn taħt:
Professjoni Numru
Avukati 16
Social Workers 8
Prokuraturi Legali 4
Nutara 2
Periti 2
Lecturers 3
HR Managers 4
Teachers 3
Marketing/Director/Manager 2
Trade Unjonisti 2
Impjegati Civili 2
Psikoterapisti 1
Psikologi 1
School Counsellor 1
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29703, jikkonferma l-Ministru li dawk li għadhom iservu fil-korp qed jieħdu l-allowance skont iċ-ċirkulari relattiva li titratta l-allowance? Jista' jispjega l-fatt li persuni li ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tas-sena 2011 għadha ma saritx diġà qegħdin fil-lista u persuni oħra li gradwaw fis-snin ta' qabel mhux qegħdin fil-lista? Jista' jgħid min jiddeċiedi li jingħataw l-allowance marbuta mal-korsijiet u xi kriterji qed jintużaw? Kemm hemm persuni fil-korp li għandhom xi kwalifiki u mhux qed jingħataw dan l-allowance? X'inhuma r-raġunijiet għal dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-qualifications allowance lill-membri tal-Korp tal-Pulizija tingħata skont kif jipprovdu r-regolamenti vigenti u ċirkularijiet li jittrattaw dan is-suġġett.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija għandu jingħad, li dawk l-membri tal-Korp illi fit-Tweġiba għall-Mistoqsija numru 29703, ġew iddikjarati li ħadu l-
qualifications allowance
din is-sena, din l-
allwance
ġiet mogħtija peress li wieħed minnhom iggradwa minn universita’ rikonoxxuta barranija aktar kmieni din is-sena, filwaqt li t-tlieta l-oħra ipproduċew dokument li laħqu l-grad ta’
Diploma in Criminology
illi dwaru mhux se ssir gradwazzjoni għax dawn għażlu li jkomplu bl-istudju tagħhom.
Dwar dak li qed jingħad mill-Onorevoli Membru li hemm persuni oħra li gradwaw fis-snin ta’ qabel mhux qegħdin fil-lista, jekk l-Onorevoli Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-persuni li qed jirreferi għalihom, inkun nista’ nitlob li ningħata tali tagħrif.
Il-
qualifications allowance
tingħata wara li ssir talba mill-membru tal-Korp li jidhirlu li jkun hekk intitolat li jirċievi din l-
allowance,
u wara li tali talba tkun ipproċċessata mill-amministrazzjoni tal-Korp u jkun ikkonfermat li jkun hemm il-kriterji rikjesti.
Peress illi kif ġa spegajt, il
qualifications allowance
tingħata fuq talba individwali tal-membru tal-Korp, mhux magħruf jekk hemmx xi membri tal-Korp li għandhom xi kwalifiki u mhux qed jingħata din l-
allowance.
Iżda preżentement hemm talba li ma kenitx ġiet milqugħa u dwarha hemm kontestazzjoni mill-membru nvolut quddiem il-Bord tal-Pulizija.