B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 12707, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq Manoel De Vilhena, fil-Gżira huwiex pubbliku? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tiegħu?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kuntratt ġie mogħti wara sejħa pubblika u kopja tiegħu qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sejħa għal Unit Manager E (Geomatics) ġewwa l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet mingħajr l-obbligu ta’ ħames snin esperjenza fi rwol maniġerjali, u dan meta fis-sejħiet li ħarġu, din dejjem kienet meħtieġa? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm tentattiv biex tiġi rranġata s-sejħa iżda din xorta ħarġet mingħajr il-ħames snin esperjenza ġo rwol maniġerjali?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, s-sejħa nterna għall-pożizzjoni ta’ Unit Manager (Geomatics) fi grad professjonali E, li ħarġet fil-11 t’Awwissu 2023 u oriġinarjament kienet tagħlaq fil-25 t’Awwissu 2023, is-sejħa ġiet riveduta u d-data tal-għeluq ġiet estiża sal-1 ta’ Settembru 2023.
Dan seħħ sabiex seta’ jsir tibdil fir-rekwiżiti tas-sejħa, speċifikament fl-esperjenza, fejn ġiet introdotta l-ħtieġa ta’ esperjenza f’kapaċita’ ta’
management
, kif normalment ikun hemm f’sejħiet għal pożizzjonijiet f’dan il-grad, għalkemm mhux kull pożizzjoni f’dan il-grad fiha t-tali rekwiżit.
Ta’ min wieħed jinnota li din hija pożizzjoni ġdida u għaldaqstant kellha tinħoloq
job description
speċifika għal din is-sejħa, li oriġinarjament ma nkluditx ir-rekwiżit imsemmi. Madankollu, ittieħdet azzjoni mmedjata u s-sejħa ġiet aġġornata. Hawnhekk wieħed ta’ min jinnota illi l-ħames snin esperjenza meħtieġa għal dawn il-gradi ikunu fil-qasam relatat mal-kariga u mhux f’kapacita maniġerjali per se. Għaldaqstant ir-rekwiżit kif rivedut jilħaq l-għan tat-tali reviżjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati ġewwa l-Awtorità tal-Ippjanar li jieħdu above grade allowance u min huma dawn l-impjegati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa, l-Awtorita’ tal-Ippjanar għandha 40 impjegat li qed jirċievu above grade allowance peress li qed jagħmlu xogħol ta’ livell għola mill-grad tagħhom. L- above grade allowance jingħata skond ma jipprovdi l-Collective Agreement viġenti.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11192, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ inċidenti jkunu inklużi meta ssir referenza għal inċidenti li jseħħu fis-settur tal-kostruzzjoni? Jista’ jipprovdi dettalji dwar l-inċidenti li hemm referenza għalihom fid-dokument li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’rabta ma’ din l-istess tweġiba?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti permezz tal-mobile app “Clean and Upkeep”, jekk dawn humiex jingħataw widen u kemm qed idumu, senjatament fiż-Żejtun?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Peress illi biex ikun hemm żvilupp ta’ stalel taż-żwiemel f’żoni barra mill-iżvilupp jeħtieġ dikjarazzjoni uffiċjali tas-sjieda jew reġistrazzjoni taż-żwiemel, u fid-dawl ta’ lakuni li jistgħu jwasslu għall-iżvilupp ta’ diversi stalel irreġistrati fuq żiemel/żwiemel li ma jkunux sidien tagħhom, jista’ l-Ministru jgħid jekk tkunx mistħarrġa l-veraċità tad-dokumenti preżentati fir-reġistrazzjoni taż-żiemel/żwiemel? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kif tkun iċċekjata l-veraċità tad-dokumenti? Jekk le, jista’ jgħid għalfejn dawn ma jiġux iċċekjati, meta jistgħu jwasslu għal abbużi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Awtorità tal-Ippjanar — passi fir-rigward ta’ żvilupp f’Tal Pietà
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11862 dwar żvilupp li sar, u li huwa kontra l-liġi, fejn il-Ministru qal li nħargu avviżi ta’ infurzar lis-sidien, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-pass li jmiss fid-dawl li l-avviżi huma biss avviżi?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li nħarġu l-avviżi ta’ nfurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar, kienu sottomessi appelli fuq uħud minn dawn l-avviżi, kif ukoll kienu sottomessi applikazzjonijiet biex jissanzjonaw l-istess żvilupp imsemmi fi wħud minn avviżi oħra. Għalhekk l-Awtorità tal-Ippjanar ma tistax tieħu passi ulterjuri sakemm jiġu deċiżi l-appelli u l-applikazzjonijiet.
Żviluppi high-rise — policy dwar ħarsien minn terremoti
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12303 fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11863 fejn intqal pajjiżna dejjem għamel referenza għall-EN1998 Eurocode 8, jista’ l-Ministru jagħti garanzija li t-torrijiet (high-risers) huma mħarsa mill-eventwalità ta’ terremot, jew le? Jista’ jagħti wkoll time frame għall “pjan li titfassal policy fiż-żmien li ġej” li ssemma fl-istess tweġiba?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-responsabilità tad-disinn tal-istruttura ta’ kull binja hija tal-Perit tal-proġett.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10691 u jqiegħed kopja tal-ftehim legali li sar bejn l-Awtorita’ tal-Ipjannar, l-Awtorita’ tal-Turizmu u l-applikant fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif kien mitlub?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11855.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm/kien hemm applikazzjonijiet pendenti tal-Ippjanar u tad-Development Notification Order (DNO) quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar għal swimming pools li mhumiex f’żona ta’ żvilupp jew f’żona ta’ konservazzjoni urbana, sena b’sena mill-2018 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u f'liema lokalità jinsabu? Jista’ jgħid ukoll f'kull każ, f'liema stadju jinsabu dawn l-applikazzjonijiet quddiem l-Awtorità u liema minn dawn l-applikazzjonijiet ħarġilhom il-permess neċessarju?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazjoni mitluba. Ma kien hemm l-ebda Notifika Għal Żvilupp (DNO) fil-perjodu msemmi. Il-figuri jistgħu jinkludu siti li ma jkunux jaqgħu kompletament barra miż-żona tal-iżvilupp, kif ukoll applikazzjonijiet għal żvilupp ieħor (eżempju ħitan) f’proprjetajiet li għandhom (jew qed jipproponu) pixxina.
L-istatistika għal din ir-risposta tinkludi applikazzjonijiet li ġew ippubblikati bħala applikazzjonijiet kompluti mill-1 ta' Jannar 2018 sas-26 ta’ Ottubru 2023, fejn il-proposta tal-iżvilupp provduta mill-perit tal-każ, kif miżmuma fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar, tinkludi l-kliem swimming pool jew pixxina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) li ħadu kors bażiku ta' ‘Fire Safety’ matul is-snin 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid min attenda, f'liema sena ngħata dan il-kors bażiku, kemm-il siegħa kien kull kors u jekk dan wassalx biex dawn l-istess ħaddiema jsiru Fire Marshalls? Jekk iva, jista' jgħid min intgħażel u jekk dawn hux qed jibbenefikaw minn xi allowance fil-paga? Jista' jgħid ukoll minn meta dawn il-ħaddiema bdew jieħdu allowance fil-paga (sena u xahar), jekk dawn l-istess ħaddiema humiex effettivament intitolati għal xi forma ta' allowance minħabba l-iskala tagħhom, u jekk din l-allowance hijiex skont il-ftehim kollettiv li kien ġie ffirmat f'Diċembru 2021?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tnejn u għoxrin (22) impjegat fi ħdan l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ħadu kors bażiku ta' ‘Fire Safety’ matul is-snin 2022 u 2023. Disa’ (9) ħaddiema għas-sena 2022 u tlettax-il ħaddiem (13) għas-sena 2023. Il-kors kien ta’ erba’ siegħat. Dan il-kors wassal biex dawn il-ħaddiema kollha jsiru ‘Fire Marshalls’. Preżentament ħadd ma qed jibbenifika minn xi allowance relatata fil-paga.
BCA – Kors ta’ fire safety għall-ħaddiema – allowance
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-management tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) kienx ħareġ sejħa interna għall-attenzjoni tal-ħaddiema kollha biex ikunu informati bid-dettall tal-kors tal-‘Fire Safety’ u li setgħu jibbenefikaw minn allowance fil-paga? Jista' jgħid liema kriterji adottat il-BCA biex waslet tagħżel ħaddiema fuq oħrajn li ta’ dan bdew jirċievu allowance fil-paga? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-inkartament li juri l-eżerċizzju li wassal biex l-Awtorità tagħżel ħaddiema fuq oħrajn, minkejja li kollha għamlu l-istess kors? Jista' jgħid ukoll x’inhu l-valur annwali ta' din l-allowance u fuq liema kriterji ġie bbażat dan il-valur? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettall li fih jinkludi d-dħul minn allowance li akkwista kull ħaddiem magħżul, xahar b'xahar, sena b'sena, irrispettivament min-nomina li ngħatat lil din l-allowance u ċjoè jekk din tissejjaħx ‘Fire Marshall Allowance’, ‘Deputising Allowance’ jew xi ħaġa oħra?
BCA – Sejħa pubblika għall-kariga ta’ Chief Officer
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12648 jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika maħruġa mill-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) li qed issir referenza għaliha f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid:
a. fejn kienet ġiet ippubblikata għall-attenzjoni tal-pubbliku;
b. kemm-il ġurnata damet ippubblikata;
ċ. kemm-il persuna applikat għall-pożizzjoni ta' Chief Officer;
d. kemm kien hemm applikanti eliġibbli;
e. kemm saru interviews; u
f. kemm minn dawn ikklassifikaw fil-klassifika finali?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li infurmat li l-proċess tal-għażla sar b’konformità mal-proċedura stabbilita. Is-sejħa ntbagħtet lill-Jobsplus kif mitlub u ġew elenkati l-kandidati prospettivi. Minn dawn it-tliet kandidati li ġew identifikati fil-lista tal-Jobsplus, wieħed biss wera interess u applika. Il-kandidat li applika ġie kkonfermat bħala eliġibbli, saret l-intervista u nħareġ ir-riżultat.
Jista' l-Ministru jelenka l-apparat tal-bandli li ser ikunu installati fi Ġnien il-Kunsill tal-Ewropa, f’ Birżebbuġa, u jgħid meta dawn ser ikunu installati?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Awtorità tal-Ippjanar – Komunikazzjoni mal-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali jiġux infurmati mill-Awtorità tal-Ippjanar dwar applikazzjoni ta' żvilupp fil-lokalità u/jew reġjun rispettiv tagħhom? Jekk iva, jista' jgħid kif dan isir u jekk hemmx sistema ta' tfakkir (reminders)?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsilli Lokali huma meħtieġa (skond ir-Regolament 10 tal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 552.13) li jirreġistraw fis-sistema elettronika tal-Awtorità tal-Ippjanar. Dawk kollha rreġistrati jirċievu talba għal konsultazzjoni speċifika dwar kull applikazzjoni fil-lokalità tagħhom li tgħaddi mill-proċess sħiħ (kif deskritt fl-istess Leġiżlazzjoni Sussidjarja) u jinatgħu 30 ġurnata għal tweġiba li trid tittellgħa fl-istess sistema elettronika. Meta l-applikazzjoni tkun tikkwalifika li tgħaddi biss mill-proċess sommarju (li ma jinkludix konsultazzjonijiet esterni) din il-komunika ma ssirx.
F’kull każ, kull applikazjoni li tkun meqjusa kompluta u tkun tista’ tibda tiġi pproċessata mill-Awtorità (irrispettiv minn liema proċess tkun ser issegwi) tiġi ppublikata fuq il-websajt tad-Dipartiment tal-Informazzjoni kull nhar t’Erbgħa. Din tkun imqassma lokalità b’lokalità biex wieħed ikun jista’ faċilment isib il-każijiet li jolqtu l-lokalità li tinteressaħ. Il-pubbliku flimkien mal-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Reġjonali jistgħu jdaħħlu l-kummenti tagħhom fil-perjodu speċifikat fl-istess pubblikazzjoni.
Din il-lista hija provduta ukoll fl-istess sit li huma meħtieġa jirreġistraw fiħ, magħruf bħala l-eApplications, fejn l-applikazzjonijiet għall-proċess sommarju huma mifruda minn dak għal proċess sħiħ minħabba li l-Kunsill ikun diġà rċieva korrispondenza diretta dwar dawk li jikkwalifikaw għal proċess sħiħ u għalhekk minn din il-lista jkunu jistgħu jikkonċentraw fuq il-każijiet li jikkwalifikaw għall-proċess sommarju.
Ma hemm l-ebda sistema ta’ tfakkir (reminders).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-inċidenti fuq siti ta’ kostruzzjoni li seħħew kull sena mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, wasslu għal korrimenti ħfief, gravi jew mewt?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li jien infurmat li l-istatistika uffiċjali miġbura f’kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea tirreferi għal korrimenti u mwiet u mhux għal inċidenti. Dan għaliex inċident mhux bilfors iwassal għal korriment. Għaldaqstant, waqt li l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol tiġbor statistika dwar imwiet fuq il-post tax-xogħol, statistika dwar korrimenti tista’ tinkiseb mingħand id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali. L-okkorrenzi joħorġu mit-talbiet għal ħlas ta’ benefiċċju taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Qed inpoġġi l-lista tal-inċidenti fatali mit-2002 sa’ 2023 fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn permessi ta' swimming pools f'residenzi privati, maqsuma skont il-lokalità li qegħdin fihom?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar mhijiex responsabbli tal-liċenzjar ta’ swimming pools, u dan it-tip ta’ żvilupp, ħafna drabi, jkun komponent żgħir minn proġett akbar li jista’ lanqas biss jissemma fil-proposta tal-iżvilupp u jkun jidher biss fil-pjanti sottomessi.
Ix-Xemxija — Rapporti fuq is-sit fejn kien hemm Mistra Village
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12378 dwar rapporti fuq is-sit fejn kien il-Mistra Village, ix-Xemxija, jista' l-Ministru jgħid dwar xiex kienu s-60 rapport li waslu għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità (email, ittra, telefon eċċ)? Jista’ jgħid ukoll x'passi ttieħdu fuq kull wieħed minn dawn l-ilmenti?
Response (ZRINZO AZZOPARDI, STEFAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ 60 rapport li waslu għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) u kif dawn ir-rapporti ġew ikkomunikati lill-istess Awtorità. Ninfurmak li d-dipartiment tal-infurzar fi ħdan l-Awtorità ħa ħsieb li jagħmel spezzjoni immedjata fuq is-sit għal kull rapport li l-Awtorità irċeviet, tant li saru 40 spezzjoni lkoll relatati mar-rapporti imsemmija fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Awtorità imponiet erba’ penali u waqqfet ix-xogħlijiet fuq is-sit imsemmi tliet darbiet.