Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħidma dwar Traspożizzjoni tad-Direttiva (UE 2019/771)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward ta’ traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/771 li kellha tiġi riflessa fil-Liġi Maltija sal-1 ta’ Lulju 2021? Jista’ jgħid jekk saritx jew hux ser issir xi konsultazzjoni mal-istakeholders fosthom l-għaqdiet tal-konsumaturi u dawk li jirrappreżentaw is-settur privat? Jekk iva x’kienu r-riżultanzi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/771 qiegħdha fi stadju avvanzat u hu mistenni li din titpoġġa għall-ewwel qari quddiem il-Parlament. Konsultazzjoni pubblika ma saritx peress li d-Direttiva tistabbilixxi li l-Istati Membri m’għandhomx iżommu jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, fosthom dispożizzjonijiet aktar jew inqas strinġenti, sakemm din id-Direttiva ma tipprevedix mod ieħor. Għaldaqstant, it-traspożizzjoni hija kompletament konformi mad-Direttiva, u fejn id-Direttiva ipprevediet mod ieħor, it-traspożizzjoni kkunsidrat li jinżamm bilanċ sabiex jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-konsumaturi u anke dawk tal-kummerċjanti, kif ukoll żammet ma dak diġa’ stabbilit fl-Att kurrenti.

Implimentazzjoni tar-regolament UE 2017/2394

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22251, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tal-implimentazzjoni fir-rigward tal-bqija tad-direttivi / regolamenti ta’ l-UE elenkati fl-anness li ma jikkonċernawx id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) jew l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu – dan tenut kont tal-fatt li suppost dawn il-miżuri kellhom jittieħdu f’Jannar tal-2020 - fosthom is-segwenti: a. Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku fis-Suq Intern (Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1); b. Id-Direttiva 2001/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2001 dwar il-Kodiċi tal-Komunità li għandu x’jaqsam ma’ prodotti mediċinali għall-użu mill-bniedem; c. Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika); d. Id-Direttiva 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq b’distanza ta’ servizzi finanzjarji ta’ konsumaturi u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 90/619/KEE u d-Direttivi 97/7/KE u 98/27/KE; e. Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà u ta’ persuni b’mobilità mnaqqsa meta jivvjaġġaw bl-ajru; f. Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern; g. Ir-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità; h. Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il- koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva); i. Ir-Regolament (UE) Nru 1177/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri meta jivvjaġġaw bil-baħar jew minn passaġġi fuq l-ilma interni u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004; j. Ir-Regolament (UE) Nru 181/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri fit-trasport bix-xarabank u bil-kowċ u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004; k. Id-Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi; u l. Regolament (UE) 2017/1128 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar l-iżgurar tal-portabbiltà transkonfinali tas-servizzi tal-kontenut online fis-suq intern?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għad-Direttivi li jaqgħu taħt l-Awtorità tal-Mediċini, l-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data, u d-Direttorat għall-Avjazzjoni Ċivili, il-leġiżlazzjoni tagħhom diġa’ kienet qed tipprovdi għas-setgħat neċessarji għall-implimentazzjoni effettiva tar-Regolament (UE)2017/2394, filwaqt li l-Awtorita’ ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni implimentat b’mod sħiħ dan ir-Regolament permezz tal-Att Nru XXXIII tat-18 ta’ Ġunju 2021. L-Awtorita’ għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta qed tħejji regolamenti ġodda li ser jiġu promulgati taħt l-Att dwar l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (Kap. 330 tal-Ligijiet ta’ Malta), liema Regolamenti ser jkomplu jassiguraw il-konformita’ mar-Regolament (UE) 2017/2394. L-Awtorità tax-Xandir bħalissa għaddejja b’diskussjonijiet interni biex tipproponi tibdil fl-Att dwar ix-Xandir (Kap. 350) u r-Regolamenti dwar il-Poteri ta’ Infurzar li għandha l-Awtorita tax-Xandir (Leġislazzjoni Sussidjarja 350.12).

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza; b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali; c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha; d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din is-sena kelli żjara uffiċċjali fil-Vatikan, flimkien mas-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru u l-Kap tas-Segretarjat. L-ispiża totali kienet ta’ €3,569.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li la l-Ministeru u lanqas l-entitajiet’ li jaqgħu taħtu ma nnegozjaw u mhux qed jinnegozjaw xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-Quad Towers.

Malta Fireworks Special – Għaqdiet tan-Nar

Question

B’referenza għal Malta Fireworks Special u s-suċċess li kellu u peress li ħadu sehem numru ta’ Għaqdiet tan-Nar li ma għandhomx liċenzja ta’ fabbrika, jista’ l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-entitajiet li ħadu sehem?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena 48 għaqda tan-nar ħadu sehem fil-Malta Fireworks Special. Kull entita’ li ħadet sehem kienet koperta bil-liċenzjar li hemm bżonn biex tipparteċipa f’tali festival. L-Għaqdiet huma: Sezzjoni Nar u Armar Soċjeta' Mużikali ta' Stella Attard Għaqda Piroteknika 10 ta' Awwissu Birgu Kummissjoni Nar Festa San Duminku Birgu Għaqda tan-Nar Santa Liena 18 ta' Awwissu Birkirkara Għaqda tan-Nar 22 ta' Frar Birżebbuġa Kummissjoni Nar San Pietru fil-Ktajjen Birżebbuġa Grupp Piroteknika 8 ta' Diċembru Bormla Kummissjoni Piroteknika - Għaqda Mużikali Santa Marija Dingli Kummissjoni Festa Esterna Fgura Għaqda tan-Nar Qalb ta' Ġesu' Fontana, Għawdex Sezzjoni Nar Sant' Andrija Fontana, Għawdex Għaqda Piroteknika 10 ta' Dicembru Għajnsielem, Għawdex Għaqda tan-Nar 31 ta' Mejju Għarb AD2013 Għarb, Għawdex Soċjeta Filarmonika Marija Annunzjata Ħal-Balzan Każin San Gabriel Ħal-Balzan Għaqda Dilettanti tan-Nar Kuncizzjoni Ħamrun Marija Bambina Isla Għaqda Mużikali San Ġużepp Kalkara Għaqda tan-Nar Kerċem Kerċem, Għawdex Kumitat Festi Esterni Marija Reġina Marsa A.D.1972 Marsa Kummissjoni Nar Għaqda Festi Esterni SSMA Trinita Marsa Għaqda tan-Nar Marija Bambina Mellieħa Soċjeta' Spetakklu Marija Assunta Mġarr Kummissjoni Nar Sancte Joseph Msida Sezzjoni Nar San Pawl Munxar, Għawdex Għaqda Mużikali Marija Bambina Banda Vittorja Naxxar Għaqda Tan-Nar Marija Bambina Naxxar Vampa Org / Soċjeta Filarmonika Leone Rabat, Għawdex Kummissjoni Festa Kristu Re - Sezzjoni Nar Raħal Ġdid Soċjeta' Filarmonika De Paule - Banda Kristu Re Raħal Ġdid Għaqda tan-Nar 11 ta' Frar San Ġwann Kummissjoni Nar Marija Sultana tal-Martri San Pawl il-Baħar Għaqda tan-Nar 20 ta' Lulju Sannat, Għawdex Għaqda tan-Nar 13 ta' Diċembru Santa Luċija, Għawdex Għaqda Tan-Nar 26 ta' Lulju Santa Venera Soċjeta' Filarmonika Stella Maris Sliema Għaqda Soċjali Madonna tad-Dutrina Tarxien Għaqda Tan-Nar San Gabriel Tarxien Għaqda tal-Pawlini Valletta Għaqda Nar Żgħażagħ La Stella Victoria, Għawdex Għaqda tan-Nar San Ġorġ Martri Victoria, Għawdex Marija Bambina VMB 1973 Xagħra, Għawdex Grupp Organizattiv tal-Ħamrija Xewkija, Għawdex Kummissjoni Nar tal-Grazzja Żabbar Għaqda Madonna tal-Grazzja Banda San Mikiel Żabbar A.D. 1883 Żabbar Għaqda tan-Nar Santa Marija Żebbuġ, Għawdex Kummissjoni Piroteknika Santa Katarina V.M Għaqda Band Żejtun Kummissjoni Nar Soċjeta' Mużikali Beland Żejtun

Comino Steering Committee — board

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20818 u 21392 jista’ l-Ministru jgħid minn min hu ffurmat il-'Comino Steering Committee' (isem u kunjom l-individwu u lil min jirrappreżenta)? Jista’ jgħid minn Jannar 2020 sal-lum, kemm-il darba ltaqa’ dan il-kumitat u fejn saru l-laqgħat? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aġenda u tal-minuti ta' kull laqgħa li saret?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20932.

Direttiva UE 2019/770 u Direttiva (UE) 2019/771 — implimentazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19933, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-istatus tat-tfassil tal-liġijiet biex jiġu trasposti d-direttivi tal-Unjoni Ewropea 2019/770 u 2019/771 ukoll peress li dawn kellhom jiġu trasposti sal-1 ta’ Lulju 2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi sussidjarja għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/770 għandha tiġi ppubblikata fil-jiem li ġejjin, filwaqt li l-Abbozz għat-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE)2019/771 għandu wkoll jiġi mressaq quddiem il-Parlament fi żmien qasir.

Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) – public warning statements

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2020 s’issa kemm-il darba ħareg public warning statements id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) skont l-artikolu 8 tal-Kap. 378? Jekk inħarġu tali stqarrijiet jista’ jgħid fil-konfront ta’ liema setturi nħarġu? Jista’ l-Ministru jgħid mill-bidu tal-2017 s’issa jekk qatt kienx hemm xi kontestazzjoni ta’ xi public warning statement jew informazzjoni li nħarġet skont l-artikolu 8 tal-Kap. 378? Jekk kien hemm x’kienu r-raġunijiet għall-kontestazzjoni u x’kien l-eżitu finali ta’ tali kontestazzjoni?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tal-2020 sal-lum inħarġu tlett (3) dikjarazzjonijiet ta’ avviż pubbliku marbuta mas-setturi ta’ tqegħid tal-irħam, fotografija tat-tiġijiet u xogħlijiet f’dar privata. Nikkonferma wkoll illi mill-2017 ma kien hemm l-ebda kontestazzjoni fuq avviżi pubbliċi minn kummerċjanti wara li nħareġ l-avviż pubbliku.

Implimentazzjoni tar-regolament UE 2017/2394

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21163, jista’ l-Ministru jagħti update tal-istatus tal-miżuri meħuda jew li kellhhom jittieħdu biex jiġu effettivament implimentati l-miżuri ta’ infurzar fir-rigward tad-Direttivi u Regolamenti tal-UE kif elenkati fl-anness mar-Regolament UE 2017/2394?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ infurzar fir-rigward tad-Direttivi u Regolamenti tal-UE kif elenkati fl-anness mar-Regolament UE 2017/2394, safejn jirrigwardjaw l-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur saret permezz tal-promulgazzjoni tal-Att XLIV tal-2021 (Att biex jemenda l-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378 u liġijiet oħra, u sabiex jagħmel dispożizzjonijiet anċillari u konsegwenzjali għalihom) li daħal fis-seħħ fil-31 ta’ Awissu, 2021 permezz tal-Avviż Legali 338 tal-2021. Fir-rigward tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu qed jiġu mħejjija l-emendi fil-leġiżlazzjoni tagħha.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu fl-2012 u kemm kien l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2012 ma kelli l-ebda Ministeru.

Ministeru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — Persons of trust

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Persons of Trust fil-Ministeru tiegħu bħalissa u kemm hu l-ammont totali ta’ dawn il-pagi u benefiċċji?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant ghat-twegiba tal-mistoqsija parlamentari 20984.

Rapport tan-National Productivity Board

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

MCCAA – interessi tal-konsumaturi anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed tieħu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex tħares l-interessi tal-konsumaturi anzjani fid-dawl tal-enfażi tal-banek kummerċjali fuq aktar użu ta’ mezzi elettroniċi meta wieħed iqis li ħafna anzjani mhumiex daqstant familjari u mħarġa fl-użu ta’ tali mezzi?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dan l-istadju l-MCCAA qiegħdha ssegwi il-miżuri speċifiċi f’dan ir-rigward u tifhem li dawn qed isiru biex jissaħħu s-sistemi bankarji. Waqt li sal-illum l-Awtorita’ ma rċivietx ilmenti f’dan ir-rigward, mhux eskluż li l-Awtorità tindirizza d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom konsumaturi meta jieħdu servizzi bankarji, u tipprovdi wkoll l-għajnuna neċessarja skont il-każ.

Talbiet da parti tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni għal ħrug ta’ mandat mill-Qorti għal-finijiet tal-artikolu 12(7) tal-Kap. 379

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-2019 s’issa kemm-il talba saret da parti tad-Direttur Ġenerali tal-Kompetizzjoni, għall-ħrug ta’ mandat mill-Qorti għal-finijiet tal-artikolu 12(7) tal-Kap. 379? Jekk saru, jista’ jgħid f’kull każ jekk il-Qorti tatx l-ordni għal ħrug tal-mandat rikjest?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li filwaqt li bħalissa għaddejjin numru ta’ investigazzjonijiet, għad ma kienx hemm il-ħtiega ta’ ħruġ ta’ mandat biex issir tfittxija f’fondi, artijiet jew mezzi ta’ trasport biex tinstab informazzjoni relevanti għall-investigazzjoni.

Direttiva UE 2019/770 u Direttiva (UE) 2019/771 — implimentazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19933, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret s’issa fir-rigward ta’ transpożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 li kellha tiġi riflessa fil-liġi Maltija sal-1 ta’ Lulju? Jista jgħid wkoll x’konsultazzjoni saret mal-istakeholders Maltin u jekk saret ma’ min?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-transpożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/770 qiegħda fi stadju avvanzat u hu mistenni li l-liġi sussidjarja li se tagħmel din it-transpożizzjoni, tiġi ppubblikata fi żmien qasir. Peress li din hi transpożizzjoni ta’ Direttiva b’armonizzazzjoni massima, ġie rikonsiderat li mhemmx lok għal konsultazzjoni pubblika għar-raġuni li l-armonizzazzjoni massima ma tagħtix lok għal kambjamenti mit-test tad-Direttiva.

MCC – spejjeż u infieq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu u qegħdin l-ispejjeż u infiq tal-Mediterranean Conference Centre għas-snin 2018, 2019, 2020 u fl-ewwel 6 xhur tal-2021?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul dawn is-snin Dar il-Mediterran wettqet proġetti kapitali kbar u ta’ importanza nazzjonali, uħud minnhom bl-għajnuna tal-Unjoni Ewropea. Sar titjib fis-servizzi li jingħataw lill-industrija tal-Arti u Kultura filwaqt li nħolqu niċeċ ġodda bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku . L-għan aħħari kien li l-binja storika tiġi mħarsa għall-ġenerazzjonijiet tal-futur, titjieb l-aċċessibilita’ u tkun tista’ titgawda aktar mill-pubbliku in ġenerali. Dawn il-proġetti ilhom li nbdew mill-2015 imma l-maġġoranza tagħhom tlestew matul dawn l-aħħar sentejn. Proġetti oħrajn għadhom għaddejjin u mistennija jitlestew sas-sena d-dieħla. Uħud minn dawn il-proġetti li twettqu u tlestew fis-snin imsemmija jinkludu: · proġett innovattiv ta’ sistema tal-arja kundizzjonata sostenibbli fis-sala Repubblika bil-għan li jiżdiedu l-ispazji xierqa għas-settur tal-MICE sabiex Malta tkun id-destinazzjoni tal-għażla tagħhom kif ukoll għall-qasam tal-Arti u Kultura u l-pubbliku in ġenerali; · restawr ta’ sala magħrufa bħala Tank Room fi spazju ġdid storiku mgħammar bl-aħħar teknoloġija, bl-għan prinċipali li tiżdied l-aċċessibilita’ għall-binjiet storiċi u jitjieb il-qliegħ taċ-Ċentru, liema qliegħ jerġa’ jintefaq f’investiment u preservazzjoni tal-binja; · twettaq il-proġett tal-Grand Harbour Terrace li joffri spazju eċċellenti fl-arja aperta li minnu tista’ titgawda veduta mill-isbaħ li tagħti fuq il-Port il-Kbir. Dan il-proġett qed jiġġenera interess qawwi minn bosta setturi ; · sar restawr tal-kappella ewlenija li tinstab fiċ-Ċentru liema binja tmur lura għas-seklu sittax. Dan sar bl-għan ewlieni li jiġi mħares il-wirt kulturali dinji u jkun jista’ jitgawda mill-ġenerazzjoni tal-futur; · sar immodernizzar tal-makkinarju tal-arja kundizzjonata ta’ bosta swali sabiex jitnaqqas il-konsum u fl-istess waqt tneħħa l-inkonvenjenza għall-ġirien; · tnehida proġett marbut mal-kunċett “Reliving the Sacra Infermeria” li jikkonsisti f’installazzjoni ta’ sistema ta’ teknoloġija avvanzata magħrufa bħala Holographic Technology u Augmented Reality, li toffri esperjenza virtwali għall-viżitaturi li permezz tagħha jgawdu l-istorja unika taċ-Ċentru u ta’ Malta tul il-milja taż-żmien; · sar xogħol estensiv ta’ manutenzjoni u tisbiħ fis-sala Repubblika u l-madwar, fosthom tibdil ta’ dwal, restawr tal-gallariji tal-ġebel, restawr tat-tapizzeriji, titjib fid-dressing rooms u oħrajn, bl-intenzjoni li jitjiebu dejjem iżjed is-servizzi li jingħataw; · inxtara bosta tagħmir u makkinarju modern ieħor sabiex jiffaċilita’ l-attivitajiet tal-Catering; · ġie mniedi sit (website) li jixraq aktar id-dehra l-ġdida taċ-Ċentru u li hu aktar addattat għaż-żminijiet tal-lum; · saret manutenzjoni estensiva fuq it-travi kollha taċ-Ċentru fosthom dawk tal-injam, xogħol illi sfortunatament kellu jsir diversi snin ilu imma baqa’ ma sarx. B’hekk l-ispiża sabiex dawn setgħu jiġu ippreservati, kienet ferm akbar; · inbidlu numru ta’ kontrabejtijiet li sfortunatament minħabba illi ma sar l-ebda tip ta’ manutenzjoni matul is-snin ta’ qabel, ix-xogħol fuqhom kellu jitwettaq mill-ġdid; · sar xogħol siewi fuq is-sistema sħiħa tad-drenaġġ biex din tkun tista tilqa’ aħjar għad-domanda; · sar u qiegħed isir xogħol fuq strutturi ta’ natura perikoluża f’uħud mill-partijiet taċ-Ċentru qabel dawn jerġgħu jinfetħu għall-pubbliku. Xogħol illi sfortunatament kellu jitwettaq minħabba n-nuqqas ta’ moniteraġġ mistħoqq matul is-snin ta’ qabel; · sar u qiegħed isir xogħol ta’ immodernizzar tas-sit okkupat minn ŻFIN Malta kif ukoll dak okkupat mill-kuntratturi tal-Catering; · qed isir xogħol ta’ immodernizzar tat-toilets pubbliċi kollha taċ-Ċentru; · sar tibdil u restawr estensiv fuq numru sostanzjali ta’ aperturi tal-injam. Aħna kommessi illi nkomplu ninvestu f’dan il-ġojjell biex inħalluh fi stat aqwa milli sibnieh għall-benefiċċju tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. L-ispejjeż u l-infiq li saru f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi għas-snin imsemmija huma s-segwenti: · 2018 - € 2,930,323 · 2019 - € 3,189,227 · 2020 - € 6,517,250 · 2021 - € 1,434,436 (l-ewwel 6 xhur). Dan fid-dawl li l-MCC dejjem ikollha finanzi pożittivi.

Studenti – repatriation flights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm swew ir-repatriation flights li tnedew biex jittieħdu lura d-dar dawk l-istudenti li ġew imġiegħla jagħmlu kwarantina?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox ġew ripatrijati ħames mija, disgħa u sebgħin student (579) kollha minorenni. Il-ħames titjiriet ġew jiswew €297,658.

Studenti – repatriation flight

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn dawk l-istudenti kollha li spiċċaw intbagħtu lura permezz tal-repatriation flight, kemm minnhom ingħataw il-flus biex jiġu hawn?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 22 student marru lura pajjiżhom permezz ta’ repatriation flightsu bbenefikaw mill-iskema tal-vouchers.

Kemmuna –permessi għal deckchairs u sunbeds -

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi kopja tal-permessi mogħtija lill-kumpaniji tad-deckchairs u sunbeds li hemm Kemmuna u jekk huwiex permess li joħorġu d-deckchairs qabel ma jaslu in-nies isaqsu għalihom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Kemmuna – Bajja ta’ San Niklaw — aċċess

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn huwa magħluq l-aċċess mill-art għall-Bajja ta’ San Niklaw f’Kemmuna meta hija bajja pubblika?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.