Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur — Open Data - datasets

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat ta’ dawk id-datasets li kwalunkwe entità fil-Ministeru tagħha poġġiet fl-inizjattiva ta’ ‘Open Data’?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm diversi datasets li l-Amministrazzjoni Pubblika tipprovdi permezz ta’ diversi siti u portali tal-internet. Madankollu jekk wieħed jimxi fuq id-definizzjoni dejqa tat-terminu “Open Data” jiġifieri li d-datasets ikunu pprovduti bħala “machine-readable” u taħt liċenzja miftuħa (open licence) wieħed jista’ jgħid li s’issa għad m’għandniex dak in-numru li wieħed jistenna. F’dan il-kuntest biex Malta jkollha pjattaforma soda u numru adegwat ta’ datasets li jkunu jikkwalifikaw bħala “Open Data” tlesta abbozz ta’ avviż legali biex ikun ippubblikat taħt il-Kap. 546 li qed ipoġġi obbligu fuq dawk l-entitajiet kollha li għandhom tali datasets li jirreġistrawhom fuq il-portal nazzjonali tad-data u wara li jiġu kklassifikati. Jekk ikunu jaqgħu taħt il-klassi bħala data mhux sensittiva dawn għandhom ikunu ppubblikati l-ewwel nett fuq il-portal nazzjonali u jekk ikun il-każ fuq portal jew siti oħrajn.

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur — konsulenti ingaġġati

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-lista tal-konsulenti kollha ingaġġati mill-Ministeru tagħha minn Ġunju 2017 sal-lum u għal kull konsulent jgħid kif kien ingaġġat u x’inhuma t-termini tal-ħlas/benefiċċji tiegħu/tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-konsulenti fi ħdan il-Ministeru huma ngaġġati skont il-Manwal rispettiv. Minn Ġunju 2017 sal-lum dawk ingaġġati bħala tali huma kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt: Sena Konsulent Natura ta’ konsulenza Skala 2017 Alex Cutajar * Pariri dwar PR u materja relatata mal-midja. 3 2017 Jason Farrugia * Pariri dwar direzzjoni strateġika, ġestjoni tattika, ippjanar ta’ emerġenza, u rkupru ta’ diżastri fil-qasam turistiku. 3 2017 Lindsey Gambin * Pariri dwar kwistjonijiet amministrattivi tat-turiżmu 3 2017 Tanya Brown * Pariri dwar business policies fil-qasam tat-turiżmu 3 2018 Tony Zarb * Pariri tekniċi dwar kwistjonijiet ta’riżorsi umani u relazzjonijiet industrijali – fuq bażi part-time 3 2018 Joseph Fava * Pariri tekniċipartikularment dwar turiżmu reġjuż – fuq bażi part-time 3 2018 Manuel Cuschieri * Pariri dwar kwistjonijiet tat-turiżmu u kull dmir ieħor meħtieġ mill-Ministru – fuq bażi part-time 3 2019 Silvio Scerri * Pariri dwar sigurta’ taż-żoni turistiċiu l-assi kapitali u jipprovdi direzzjoni strateġika– fuq bażi part-time 3 2020 Paula Zahra Tassisti lill-Kap tas-Segretarjat fil-prijorizzazzjoni, il-koordinazzjoni u l-evalwazzjoni ta’ policies 5 2020 Frank Zammit Pariri dwar turiżmu reġjuż – fuq bażi part-time 4 2020 Pariri b’rabta mal-konsenjazzjoni tal-proġetti u l-immaniġġjar ġenerali tal-Park tal-Familja f’Birżebbuġa – fuq bażi part-time 7 2020 George Zahra Jipprovdi għajnuna fuq proġetti ta’ riġenerazzjoni– fuq bażi part-time 3 2020 Jipprovdi għajnuna fuq kwistjonijiet relatati mal-midja u relazzjonijiet pubbliċi – fuq bażi part-time 10 (*) kuntratt m’għadux fis-seħħ.

Ministeru għat-Turżimu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tagħha jew entitajiet li jaqgħu taħtha u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, qed jintużaw total ta’ 82 karozza, li minnhom 22 huma mikrija. 59 karozza ġew mixtrija b’10 minnhom ġew ittrassferiti lil Ministeru/entità. L-akkwist oriġinali ta' dawn il-vetturi huwa kklassifikat bhala 'Mixtrija' pero’ minn Ministeri/Dipartimenti/Entitajiet oħra.

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur – direct orders in konnessjoni ma’ supporters club ta’ teams ta’ futbol barranin

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma d-direct orders, id-dati u l-ammonti tagħhom li ta l-Ministeru tagħha minn Jannar 2017 sal-lum in konnessjoni ma’ supporters club ta’ teams ta’ football barranin, inkluż għal ikliet barra minn Malta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ingħata l-ebda direct order lill-supporters club ta’ teams ta’ futbol barranin.

Ministeru għat-Turżimu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — impjieg ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija m’għandha l-ebda impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru.

Ministeru għat-Turżimu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur — ħlas lil persuna

Question

Tista’ l-Ministru tagħti informazzjoni dwar kull ħlas li qatt sar mill-baġit tal-Ministeru tagħha lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Tista’ tagħti t-total għal kull sena bir-raġun għall-ħlas?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qatt ma ingħata xi tip ta’ ħlas lill-persuna msemmija.

Ġnien Duminku Mintoff — manutenzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x'passi qed jittieħdu sabiex Ġnien Duminku Mintoff jiġi miżmum sew billi jidher li jinsab mhux wisq ikkurat?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant, illi l-Fondazzjoni għall-Iżvilupp taż-Żoni Turistiċi qiegħdha tikkollabora mal-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid sabiex tiġi stabbilita skeda kontinwa ta’ tindif u manutenzjoni tal-ġnien imsemmi li tinvolvi l-kuntratturi tal-Kunsill.

MTA – hostels approvati

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 13096, tista’ l-Ministru tgħid il-hostels kemm huma awtorizzati li jraqdu persuni (sleeping capacity) f’kull każ li ssemmiet fit-tweġiba?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MTA — Konsulenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-konsulenti tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u l-ħlas rispettiv tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Intepellant li bħalissa l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu tingħata konsulenza mingħand 14-il individwu/kumpanija. Dawn il-konsulenzi huma fuq diversi aspetti turistiċi fosthom opportunitajiet kummerċjali u żviluppi ta’ swieq turistiċi ġodda; għajnuna fl-implimentazzjoni ta’ policies; awditjar u konsulenzi ambjentali fost l-oħrajn. Il-ħlas totali tagħhom għal din is-sena, s’issa jammonta għal € 128,617.

Masġar bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar — rijabilitazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed jittieħdu sabiex jiġi rijabilitat il-masġar li hemm bejn il-Fgura u Ħaż-Żabbar li qiegħed fuq ix-xellug u li jibda minn Triq Kottoner Fgura u jieħu għall-Triq il-Kunsill tal-Ewropa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14293.

HIV — Post-Exposure Prophylaxis - traħħis ta' prezz

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15089 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk għandhiex pjan li l-prezz tal-Post-Exposure Prophylaxis (PEP) li tgħin biex jitnaqqas it-tixrid tal-HIV jitraħħas, peress li bħalissa huwa ta’ €600?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ġejt infurmata li din il-mediċina ma tinbiegħx mill-ispiżerji fil-komunità u għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entità/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtha, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u tagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma tagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2017 sa l-aħħar ta’ Mejju 2020, fil-Cleansing & Maintenance Division ġew impjegati 43 persuna fl-2017, 51 persuna fl-2018, 39 persuna fl-2019 u 13-il persuna din is-sena. L-Istitut tal-Istudji Turistiċi mpjegaw 67 persuna fl-2017, 32 persuna fl-2018, 39 persuna fl-2019 u 9 persuni fl-2020. Dawn jinkludu Summer workers u ħaddiema akkademiċi fuq bażi part-time. Dar il-Mediterran għall-Konferenzi mpjegaw 11-il persuna fl-2017, 15-il persuna fl-2018 u 14-il persuna fl-2019. Dawn jinkludu Summer workers . L-MCCAA impjegaw total ta’ 38 persuna – 12 fl-2017, 11 fl-2018, 14 fl-2019 u persuna fl-2020. Il-Malta Film Commission impjegaw 5 persuni fl-2017, u persuna kull sena fl-2018 u 2019. F’dan il-każ ukoll hemm inkluż Summer workers. Il-Malta Freeport Corporation Ltd impjegaw 15-il persuna fl-2017, 8 persuni fl-2018, 13-il persuna fl-2019 u persuna fl-2020. Il-Malta Medicines Authority impjegaw 8 persuni fl-2017, 18 fl-2018, 21 persuna fl-2019 u 5 persuni fl-2020. L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu mpjegaw 26 persuna fl-2017, 17-il persuna fl-2018, 35 persuna fl-2019 u 4 persuni din is-sena.

Implimentazzjoni ta’ Direttiva – emendi

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11353 u dan fl-ambitu tal-implimentazzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1, tista’ l-Ministru tgħid x’xogħol sar fir-rigward tal-emendi li għalihom saret referenza f’dik it-tweġiba? Tista’ tgħid f’dan ir-rigward jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi konsultazzjoni pubblika dwar l-emendi li qed jiġu ppreparati jew għandhom jiġu ppreparati, u jekk iva meta u kif hu maħsub li ser jsir tali konsultazzjoni pubblika?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol fuq it-traspozizzjoni tad-Direttiva (UE) 2019/1 fil-liġi Maltija huwa fi stadju avvanzat. Għal dan il-għan l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni kellu wkoll diversi komunikazzjonjiet kemm mal-Kummissjoni Ewropeja u kemm mal-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat. La darba l-abbozzi jkunu ffinalizzati, l-għan huwa li ssir konsultazzjoni pubblika.

L-Imqabba, il-Qrendi, is-Siġġiewi, ir-Rabat, l-Imġarr u l-Mellieħa – investiment biex jissaħħaħ it-turiżmu rurali

Question

Tista' l-Ministru tindika x'investiment sar fl-aħħar seba' snin biex jissaħħaħ it-turiżmu rurali fl-lokalitajiet bħal l-Imqabba, il-Qrendi, is-Siġġiewi, ir-Rabat, l-Imġarr, il-Mellieħa u oħrajn? Tista' tindika kemm kien l-investiment tal-Gvern fit-turiżmu rurali fl-aħħar seba' snin mill-MTA u minn entitajiet oħra tal-Gvern? Tista' tindika wkoll kemm il-kunsill lokali relevanti kienu kkonsultati biex jagħtu ideat u jikkoperaw fi proġetti ta' investiment fit-turiżmu rurali, liema huma dawn il-kunsilli lokali, xi proġetti qed isiru u xi pjani hemm għall-futur għat-tisħiħ ta' dan l-aspett tal-prodott turistiku ta' pajjiżna?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lit-tagħrif għadu qed jinġabar.

Malta Tourism Authority – ground advertising minn Manchester United – talba għal flus lura

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm staqsiet flus lura mill-Manchester United, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġaladarba ma hemmx futbol u għalhekk ma hemmx ground advertising?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-partnership tmur lil hinn mill-ground advertising. Saru diskussjonijiet ta’ natura kummerċjali biex ikun assigurat li dawk l-assets li ma setgħux ikunu utilizzati, jiġu mċaqalqa għal xhur oħra sabiex ikunu aktar effettivi.

Mellieħa – Bajja tal-Għadira — parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru terġa' tikkunsidra li xogħol fuq il-proġett tal-parkeġġ eżistenti biswit il-Bajja tal-Għadira fil-Mellieħa jsir b’mod aktar sostenibbli u jitħaffer l-ispazju fejn hemm l-istess parkeġġ eżistenti minflok sempliċiment jingħata wiċċ ġdid bit-tarmak u b’hekk allura jkun qed jiġi mmassimizzat l-uniku spazju disponibbli fiż-żona indikata? Jista’ ukoll jiġi kkunsidrat li parti mill-istess sit indikat f’dan il-proġett issir bħala wesgħa pubblika għat-tgawdija tal-familji li jżuru ż-żona mhux biss fis-sajf iżda wkoll matul il-kumplament tas-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur — ħaddiema li rriżenjaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm persuni li kienu impjegati fis-Segretarjat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari u li wara l-25 ta’ Jannar 2020 u sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, telqu/irriżenjaw minn dan l-impjieg? Jekk iva, kemm?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara d-data msemmija rriżenjaw żewġ persuni mis-Segretarjat tiegħi, u persuna oħra fi ħdan is-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari.

Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur Kap.378 – konsultazzjoni pubblika

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm sottomissjonijiet fir-rigward tal-konsultazzjoni pubblika li saret fit-12 ta’ Mejju 2020 fir-rigward ta’ emendi proposti għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur Kap.378 u xi liġijiet oħra? Jekk kien hemm, kemm kienu u fis-sustanza f’kull każ x’kienu s-sottomissjonijiet li saru u jekk jista’ jingħad, minn min saru? Tista’ tpoġġi kopja tas-sottomissjonijiet li saru fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li fir-rigward tal-konsultazzjoni pubblika li saret bejn bejn it-22 ta’ April u t-12 ta’ Mejju 2020 dwar emendi proposti għall-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur Kap.378 u xi liġijiet oħra, kien hemm żewġ sottomissjonijiet, li saru rispettivament mill-Association for Consumer Rights (Malta) u minn Mamo TCV Advocates. Dawn is-sottomissjonijiet bħalissa qiegħdin jiġu evalwati u r-rapport għandu jiġi ppubblikat sal-15 ta’ Ġunju, 2020. Kopji taż-żewġ sottomissjonijiet imsemmija hawn fuq qiegħdin jiġu mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Turiżmu u Protezzjoni tal-Konsumatur – impjieg ta’ persuna

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lil din il-Kamra jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew konsulenza jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna msemmija ma ingħatat l-ebda impjieg jew konsulenza jew kuntratt la mill-Ministeru u lanqas mill-entitajiet taħt ir-responsabbilita’ tal-Ministeru.