Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Marsa Junction Project, li qed isir b’investiment ta’ €70 miljun b’ko-finanzjament tal-Unjoni Ewropea, ser jelimina t-traffic lights ta’ ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata permezz ta’ aktar minn 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li se jgħaddu b’mod separat minn fuq xulxin fi tliet livelli differenti, u se joħolqu konnessjonijiet diretti kemm lejn it-tramuntana kif ukoll lejn in-nofsinhar bejn it-toroq arterjali li jingħaqdu f’din il-ħolqa. B’hekk se jispiċċa l-ħin ta’ stennija li kien ikun hemm tul din ir-rotta prinċipali lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta u jonqsu l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni fil-Marsa u lokalitajiet oħrajn fil-madwar. Bil-proġett se jiġu introdotti wkoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi ta’ trasport, fosthom bankini u korsiji għar-roti, pontijiet għall-mixi, waqfiet u korsiji għall-karozzi tal-linja, żona ta’ park and ride u żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti, fost infrastruttura oħra ġdida.
Infrastructure Malta fetħet l-ewwel żewġ strutturi ta’ flyovers tal-Marsa Junction Project għall-użu mill-publiku fl-20 ta’ Settembru 2019. Minn dakinhar, dawn il-flyovers diġa bdew jikkontribwixxu għal tnaqqis fil-ħin tal-ivvjaġġar fid-direzzjoni mill-Marsa lejn Ħal Luqa, l-Ajruport u lokalitajiet oħra f’dawn l-inħawi. S’issa aktar minn 500,000 vettura użaw dawn il-flyovers minflok is-sistema antika ta’ traffic lights li kienet saret fl-1997, sabiex jivvjaġġaw lejn in-nofsinhar ta’ Malta.
Iż-żewġ strutturi ta’ flyovers ġodda huma l-aktar waħda wiesgħa u l-iżjed waħda għolja li qatt inbnew f’Malta. Bi gverta t’erba’ korsiji, l-ewwel struttura ta’ flyover fi Triq Aldo Moro hija l-aktar struttura wiesgħa tax-xorta tagħha fil-pajjiż. Il-gverta hija ffurmata minn 56 travu tal-konkos, b’kull wieħed jiżen 36,000 kilo (36 tunnellata). Fl-ogħla parti tagħha, din il-flyover tingħaqad mat-tieni struttura ta’ flyover, li testendi minn Triq Giuseppe Garibaldi. It-tielet struttura ta’ flyover li qed tinbena bi dritt Vjal Santa Luċija se tingħaqad ma’ l-ewwel flyover u tinfetaħ għall-pubbliku sal-aħħar ta’ din is-sena.
It-tieni struttura ta’ flyover hija dik li se tkun l-iżjed fil-għoli, maqtugħa aktar minn erba’ sulari mill-art biex minn taħtha mbagħad tgħaddi flyover oħra u korsiji oħra fil-livell tal-art. It-13-il travu tal-azzar li jiffurmaw il-liwja ta’ din il-flyover inħadmu t-Turkija, imbagħad inġiebu Malta bil-baħar u fis-sajf ingħaqdu fuq is-sit u ttellgħu f’posthom. Uħud minn dawn it-travi huma itwal minn 100 metru.
Iż-żewġ strutturi ġodda jserrħu fuq 16-il kolonna magħmulin mill-azzar u l-konkos li nbnew fuq pedamenti li jinkludu 137 pilastru tal-konkos, li wħud minnhom tniżżlu mas-seba’ metri taħt l-art. Biex saret din il-konnessjoni ġdida, intużaw aktar minn 800 tunnellata azzar, 7,500 tunnellata konkos u 1,400 tunnellata asfalt.
Il-konkos u l-asfalt għal dan il-proġett qed jiġu manifatturati f’wieħed minn tliet impjanti temporanji li ntramaw fis-sit fejn kienet il-Malta Shipbuilding, ftit metri bogħod mis-sit tal-proġett. Dawn it-tliet impjanti qed jipproduċu t-350 travu li hemm bżonn għall-flyovers, kif ukoll il-konkos għall-istrutturi kollha tal-proġett u l-asfalt għall-uċuh tat-toroq ġodda. Kieku ma sarux dawn l-impjanti, il-materjali kollha kien ikollhom jiġu trasportati lejn is-sit tal-proġett minn impjanti lokali li jinsabu diversi kilometri bogħod. Bis-saħħa ta’ dawn l-impjanti li qed jipproduċu l-konkos u l-asfalt fis-sit, Infrastructure Malta qed tiffranka aktar minn 4,500 vjaġġ tat-trakkijiet mit-toroq fl-inħawi. B’hekk qed jiġu ffrankati 22 tunnellata tniġġis ta’ diossidju tal-karbonju fl-arja fil-lokalitajiet tal-madwar.
Fejn ikun possibbli, it-terrapien li jinqala’ bit-tħaffir biex isiru l-pedamenti tal-isturtturi ġodda mhux jintrema f’siti għall-iskart jew fil-barrieri. Minflok, dan qed jiġi pproċessat mill-kuntratturi u jerġa’ jintuża għar-radam fil-proġett stess.
Iż-żewġ strutturi ta’ flyovers ġodda, li magħqudin flimkien ikopru distanza ta’ madwar nofs kilometru, ħolqu rotta diretta bejn il-Marsa u Ħal Luqa, lejn l-Ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop, flok dik li konna nużaw qabel mit-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata.
Sa tmiem din is-sena, malli tiftaħ it-tielet flyover, Infrastructure Malta tkun tista’ żżarma darba għal dejjem is-sistema tat-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju tal-Addolorata, u jkompli jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar għal aktar minn 100,000 persuna li ta’ kuljum jivvjaġġaw minn din il-junction.
Din it-tielet flyover se tkun l-itwal waħda tat-tip tagħha f’Malta, biex toħloq konnessjoni diretta bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija. Il-gverta tagħha se tkun magħmula minn 65 travu tal-konkos li se jiffurmaw rotta ta’ 227 metru (it-tul ta’ żewġ grounds tal-football) minn Vjal Santa Luċija sakemm tingħaqad mal-ogħla parti tal-ewwel flyover fi Triq Aldo Moro. Uħud mit-travi ta’ din l-istruttura huma l-itwal travi tal-konkos li ntużaw f’dan il-proġett, b’tul ta’ 31.2 metri ’l wieħed.
Din l-itwal struttura ser isserraħ fuq 16-il kolonna, li 12 minnhom diġà nbnew. Għall-pedamenti tagħha tpoġġew 66 pilastru tal-konkos taħt l-art. L-iżjed parti għolja tal-gverta tagħha se tkun 15.9 metri ’l fuq mit-triq li tgħaddi minn taħtha fil-livell tal-art.
Ir-raba’ flyover, li mistennija titlesta sal-aħħar ta’ Jannar ser tkun waħda iqsar, b’tul ta’ 85.5 metri. Din qed tinbena biswit il-parkeġġ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u se tipprovdi rotta eħfef u diretta bejn Vjal Santa Luċija u Ħal Qormi (minn Triq il-Gvern Lokali u Triq il-Marsa, ħdejn iċ-Ċimiterju tat-Torok) kif ukoll twassal għall-faċlità ta’ Park and Ride ġdida li se ssir bħala parti mill-proġett. Il-gverta ta’ din il-flyover se tkun iffurmata minn 12-il travu li minnhom diġà hemm erbgħa f’posthom. Se tkun fuq tliet kolonni.
Żewġ flyovers oħrajn ta’ dan il-proġett, ippjanati li jinfetħu għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Marzu li ġej, qed jinbnew taħt iż-żewġ flyovers li diġà huma lesti, biex jiffurmaw iż-żewġ korsiji li finalment se jgħaqqdu r-rotta tan-nofsinhar, minn Triq Aldo Moro lejn Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa, il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Ajruport. L-ewwel żewġ flyovers li temporanjament qed jintużaw għal din ir-rotta, imbagħad jibdew jintużaw fir-rotta lejn it-tramuntana, biex b’hekk tkun kompluta l-konnessjoni f’żewġ direzzjonijiet bejn Triq Aldo Moro u Triq Garibaldi.
Bl-istess mod, il-konnessjoni diretta fid-direzzjoni opposta lejn in-nofsinhar se tkun iffurmata minn żewġ strutturi ta’ flyovers separati, li qed jinbnew bħalissa u li se jingħaqdu flimkien. Il-gverta tal-istruttura li qed tinbena fuq in-naħa ta’ Triq Aldo Moro se tkun bi tliet korsiji ffurmata minn 10 travi tal-konkos ħdejn xulxin, b’tul ta’ 30.4 metri ’l wieħed. Waqt li l-gverta tal-flyover l-oħra li twassal għal Triq Garibaldi se tkun twila 86 metru. Din se tkun ġejja għat-tond, bil-liwja tagħha diġà hija ffurmata minn 19-il travu tal-azzar u bħalissa qed tinbena l-gverta fuqhom. L-istrutturi ta’ dawn iż-żewġ flyovers se jkunu qed iserrħu fuq seba’ kolonni u għall-pedamenti tagħhom tpoġġew 48 pilastru ieħor tal-konkos taħt l-art.
Is-seba’ flyover se tkun dik li se toħloq konnessjoni diretta lejn in-nofsinhar bejn Triq Aldo Moro u Vjal Santa Luċija. Din se tkun magħmula minn 73 travu li flimkien jiffurmaw rotta ta’ 128 metru. Il-gverta ta’ din il-flyover se tibda b’żewġ korsiji, imbagħad tirdoppja fil-wisgħa u ssir b’erba’ korsiji b’dik tax-xellug tipprovdi rotta lejn Triq il-Palma, it-tnejn tan-nofs jibqgħu sejrin dritt għal Vjal Santa Luċija u l-korsija tal-lemin twassal għaċ-Ċimiterju tal-Addolorata u l-Park and Ride.
L-ogħla parti ta’ din il-flyover se tkun disa’ metri ’l fuq mit-toroq li jgħaddu minn taħtha u l-istruttura se sserraħ fuq 13-il kolonna li minnhom diġà hemm tnejn f’posthom. Għall-pedamenti tagħha kellhom jitpoġġew 114-il pilastru tal-konkos taħt l-art.
Ix-xogħol kollu ta’ dan il-proġett huwa suġġetti għal skrutinju kontinwu minn timijiet differenti ta’ periti, inġiniera u esperti oħra, fosthom dawk ta’ Infrastructure Malta, tal-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol, kif ukoll ta’ tim ieħor ta’ kumpanija t’esperti internazzjonali li tqabbad apposta biex jissorvelja x-xogħol kollu u jiċċertifika l-kwalità u s-sigurezza ta’ kull infrastruttura ġdida li qed tinħoloq. Dawn it-timijiet ta’ spetturi tax-xogħol qed isegwu kull ħidma biex jaraw li l-metodi u l-materjali użati jkunu tal-aqwa kwalità u li jilħqu r-rekwiżiti tekniċi u l-istandards internazzjonali kollha applikabbli. Jiżguraw ukoll li x-xogħol isir bl-aktar mod sigur, kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-persuni li jgħixu jew jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi. Minbarra testijiet fuq il-post, waqt u meta jitlesta x-xogħol, isiru wkoll testijiet tal-materjali użati f’laboratorji differenti. It-testijiet fuq l-istess materjali jsiru aktar minn darba, biex jiġi żgurat li r-riżultati jkunu konfermati għal darba darbtejn. Tajjeb jingħad li dan il-proġett ġie ddisinjat li jsir b’materjali u metodi li jiżguraw li l-istrutturi ewlenin tiegħu, fosthom il-flyovers, ikunu jistgħu jibqgħu jintużaw bl-inqas interventi ta’ tiswijiet u manutenzjoni possibbli, għal aktar minn 100 sena.
L-esperti li qed isegwu u jiċċertifikaw l-istrutturi ta’ dan il-proġett ma kienx jeħtieġ li jagħmlu t-test speċifiku indikat f’din il-mistoqsija, peress li ċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa tal-istruttura ġiet determinata b’metodi oħra li normalment isiru waqt u wara l-bini tal-istess strutturi. It-tagħrif tekniku li jista’ jinkiseb mit-test indikat ġie miġbur b’metodi oħra applikabbli.
Infrastructure Malta ser tkompli tesiġi li x-xogħol meħtieġ isir fl-inqas żmien possibbli u bl-ogħla livelli ta’ kwalità u sigurezza sabiex il-pubbliku jibda jgawdi minn dan it-titjib fir-rotta ewlenija lejn in-nofsinhar ta’ Malta mill-aktar fis u bl-aqwa valur b’rendiment fit-tul għal dan l-akbar investiment infrastrutturali f’pajjiżna.