Legislature:
Category:
Reset
Active:

ilment rigward ħanut tal-animal grooming

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga x’passi ttieħdu wara rapporti li allegatament saru rigward servizzi veterinarji fil-ħanut li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ġieli użaw trattament mediku fuq annimali meta l-ħanut huwa biss wieħed ta' animal grooming u jingħad li l-operaturi tal-istabbiliment m'għandhomx liċenzja veterinarja? Iddaħħlu l-pulizija f’xi stadju jew ieħor?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li l-ilmenti ta’ abbuż ta’ professjoni veterinarja jiġu nvestigati mill-Kunsill Tal-Kirurgi Veterinarji. Sa fejn ninsab infurmat, fil-passat kien hemm rapporti fuq l-istabbiliment in kwestjoni fejn il-Kunsill Tal-Kirurgi Veterinarji kien irċieva ittra b’ilment li tirrigwarda s-sigurtà u l-kwalità tas-serivizz li jingħata minn dan l-istabiliment; b’mod partikolari fuq l-użu ta’ sedativi biex jikkalmaw l-annimali. Dan il-kunsill kien għamel l-investigazzjonijiet neċessarji li inkluda spezzjoni fuq il-post fejn isir dan ix-xogħol ta’ ‘grooming’. Il-konklużjonjiet ta’ dawn l-investigazjonijiet kienet li medicini minn dan l-istabbiliment jingħataw minn nies bi kwalifika. Instab ukoll li kull meta kien hemm il-bżonn tas-sedazzjoni biex jiffaċilita x-xogħol għal persuna li qiegħed/qiegħda jagħmel il- grooming , din is-sedazzjoni ngħatat biss minn veterinarju li huwa reġistrat mal-Kunsill u huwa maħruġ b’ warrant mogħti mill-President ta’ Malta biex jaħdem il-professjoni veterinarja f’Malta.

tender marbut mal-pannelli fotovoltajiċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37230 u jgħid fiex wasal il-proċess tal-aġġudikazzjoni tat-tender marbut mal-pannelli fotovoltajiċi fuq bjut tal-gvern u propjetajiet oħra u jekk l-aġġudikazzjoni saret, kemm hija l-feed in tariff maqbula kif ukoll jekk din il-feed in tariff hix se sservi ta' benchmark għal proġetti oħrajn simili?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-proċess tal-aġġudikazzjoni jinsab fi stadju avvanzat tali li r-rata l-aktar vantaġġuża ġiet referuta lill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi għall-approvazzjoni. Għaldaqstant f’dan l-istadju mhuwiex prudenti li fil-preżent tkun pubblikata aktar informazzjoni waqt li l-proċess ta’ aġġudikazzjoni għadu mhux konkluż.

Miżura 1 to 1 — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikanti fl-aħħar sejħa li kien hemm biex jieħdu għajnuna mill-fondi tal-miżura 1 to 1 taħt il-programm żvilupp rurali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni li m’hemmx Miżura “1 to 1” li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant, iżda Miżura 121, nixtieq ninfurmah li għall-aħħar sejħa ta’ din il-miżura kien hemm 501 applikanti.

Miżura 1 to 1 — riżultati tal-evalwazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta beħsibu joħroġ ir-riżultat tal-evalwazzjoni fuq l-għajnuna mill-fondi tal-miżura 1 to 1 taħt il-programm żvilupp rurali peress li wasalna fl-aħħar xhur ta’ din is-sena, fejn min applika ilhom jistennew l-għajnuna għal bosta xhur? X’qed iżomm lid-dipartiment li joħroġ ir-riżultat ta’ dawk li kwalifikaw u dawk li ma kwalifikawx?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-proċess biex ikun determinat liema huma dawk l-applikazzjonijiet eliġibbli għall-għajnuna mill-Miżura 121 hemm bżonn li jsiru l-iskrutinji neċċessarji liema proċess ta’ skrutinju għaldaqstant jieħu tul ta’ żmien. Madankollu huwa mistenni li r-riżultat jiġi ppubblikat lejn l-aħħar ta’ Novembru 2012.

Salina — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif liema partijiet mix-xogħlijiet marbutin mal-iżvilupp li qed iseħħu fis-Salina huma lesti, jew kważi lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fuq il-partijiet diversi separati tal-proġett għaddejjin kontemporanjament, il-mira finali hija li kollox ikun lest lejn l-aħħar tas-sena 2013. Il parti mill-proġett li kien komplut tinkludi r-restawr tax-Ximenes Redoubt.

Wasteserv — flus minn skart riċiklabbli

Question

Jista' l-Ministru responsabbli mill-Wasteserv jgħid kemm għandom jieħdu flus iż-żewġ kumpaniji tal-iskart riċiklabbli u għal kemm żmien dawn l-istess flus ilhom dovuti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Wasteserv għaddiet il-flus kollha dovuti skond il-kontijiet li nħarġu u ġew maqbula maż-żewg kumpaniji tal-iskart riċiklabbli. Nieħu l-opportunità biex niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li dettalji kummerċjali huma ta’ natura sensittiva.

Applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-miżura 1:2:3? Kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li intlagħqu favevoralment? Kien hemm xi appelli minn dawk l-applikanti li ma intgħażluz? Kemm saru appelli? Meta se joħroġ ir-riżultat ta' dawn l-appelli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess riesaq lejn tmiemu fejn huwa mistenni li r-riżultati se jkunu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin, mhuwiex prudenti li jinħarġu dettalji f’dan l-istadju.

Miżura 123 — flus allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-inqas ammont ta' flus li ġew allokati fl-aħħar sejħa għall-miżura 123 u kemm kien l-iktar ammont?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-aħħar sejħa tal-Miżura 123, l-inqas ammont li ġie allokat kien ta’ €23,874.50 u l-ikbar ammont li ġie allokat kien ta’ €1,919,341.00.

Restoration Unit — proprjetajiet restawrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il restawr sar mir-Restoration Unit fuq proprjetajiet tal-Fondazzjoni Wirt Artna u ta' Din l-Art Helwa u kemm hu l-valur ta' dan ir-restawr?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda restawr fuq propjetajiet tal-Fondazzjoni Wirt Artna u/jew Din l-Art Helwa, iżda sar xogħol fuq proprjetà li ġiet devoluta lil waħda minn dawn l-NGOs.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Salini — salt pans u huts - proġett ta' restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-salt pans u l-huts tas-Salini li bħalissa għaddej proġett ta' restawr b'fondi tal-Unjoni Ewropea humiex proprjetà privata jew humiex qed jiġi mikrija lil xi individwu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li s-salt pans u l-huts tas-Salini huma proprjetà tal-Gvern u ma hemm ebda kirja lil xi individwu.

Biċċerija tal-Marsa — cold store bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issewwietx il-cold store li kienet bil-ħsara fil-biċċerija tal-Marsa u jekk dan seħħ, kemm ġiet tiswa? Jista' jgħid kemm damet bil-ħsara l-cold store u fejn kien qed jinġemgħa l-materjal sakemm saret it-tiswija sabiex dan jinħaraq fl-inċineratur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Biċċerija tal-Marsa ma kienx hemm cold stores bil-ħsara, ninfurmah ukoll li fil-Biccerija ma jinżammx materjal peress li l-materjal kollu li joħroġ minn fuq il-linja tal-qatla jinġarr mill-ewwel f’bins apposta u jittieħdu direttament għall-inċineratur. Kien ippjanat mill-bidu fid-disinn tal-istess impjant tal-inċineratur li dan ikollu l- cold store tiegħu sabiex fih jinħażen il-materjal waqt il-waqfien tal-inċineratur, inkluż meta tkun qed issir il-manutenzjoni meħtiega.

Inċineratur tal-Marsa — ħruq tal-karkassi - irwejjaħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri ttieħdu sabiex il-ħruq tal-karkassi li jseħħ fl-inċineratur tal-Marsa, ma jarmux irwejjaħ insapportabbli li jeffettwaw kemm lir-residenti kif ukoll lill-ħaddiema tal-madwar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjant jaħdem b’tali mod li l ħruq innifsu tal materjal ma jiġġenerax irwejjaħ. Għal dan l-iskop isir b’mod regolari manutenzjoni tal-istess impjant. Barra minn hekk, bil-mod ikkontrollat li dan l-impjant jitħaddem, ikun aċċerta li l-emissjonijiet ikunu skont ma jesiġu l-kundizzjonijiet imposti mill-MEPA. Meta l-inċineratur ikun wieqaf għall-manutenzzjoni l-WasteServ tieħu ħsieb li materjal ikkunsinjat jiġi ffriżat sakemm jasal biex jinħaraq. B’hekk ikunu qed jiġu rispettati r regoli tal-permess u evitati l-irwejjah.

Distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers

Question

B'referenza għad-distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers, jista' l-Ministru jgħid: a) jekk humiex se jitħallew jkomplu jtellgħu l-ilma mill- boreholes ; b) jekk hux se jiġu imposti kwoti fuq kemm jittella ilma mill-boreholes; ċ) il-prezz li ħa jkun stabbilit għal kulll metru kubu tal-istess ilma; d) jekk huwiex minnu li se tkun imposta sistema ta' e-tracking għal kull vettura li għandhom is-sidien tal-water bowsers u xi ħlasijiet se jintalbu għal din l-istess e-tracking; e) Jekk humiex se jkunu kostreti jirriklamaw fuq il-vetturi tagħhom it-tip ta' ilma li jkunu qed iġorru; u f) x'inhuma li skali stabbiliti mil-gvern għar-rigward first class water u l-kontenut ta' nitrates?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li huwa kkontemplat li d-distributuri tal-ilma permezz tal-water bowsers se jitħallew itellgħu l-ilma mill-boreholes, iżda meħtieġ li jkun hemm kontroll kemm il-darba jinstab li mhux sostenibbli li jibqa jkun estratt ilma minn dak is-sors f’dak il-post. Il-kwoti imsemmija mill-Onorevoli Interpellant se jkunu stabbiliti skont il-kwalità tal-ilma li jkun qiegħed jittella mill-borehole; dan wara testijiet / analiżi kimiċi. It-tariffi jistgħu jkunu stabbiliti biss wara sena moniteraġġ minn meta jkunu twaħħlu l-meters kollha. L-Avviż Leġali 252 ta’ l-2004 jeżiġi li kull water bowsers irid ikunu speċifikament liċenzjati għalhekk bil-ħieġa li fost l-oħrajn jkollhom e-tracking system u l-ħlas ta’ dan se jkun ta’ €50 fis-sena. L-istess Avviż jitlob li sid il-bowzer irid jindika fuq kull bowser it-tip ta' ilma li jkun qed jinġarr. Ilma klassifikat bħal ‘First class water’ irid jissodisfa l-livelli mandatorji kollha kif elenkati fid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar l-ilma għall konsum tal-bniedem (Drinking Water Directive). Wieħed mill-parametri mandatorji elenkati f’din id-Direttiva huwa l-livell ta’ nitrat, fejn id-Direttiva tirrikjedi li l-livell ikun anqas minn 50mg/l.

Farms għat-trobbija tal-mogħoż/ngħaġ u fniek

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif inhuma mqassma, lokal lokal, il-farms għat-trobbija tal-mogħoż/nagħaġ u fniek madwar Malta u Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li għar-rigward ta’ farms għat-trobbija tal-mogħoż/nagħaġ nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36007, ninfurmah li preżentement hemm reġistrati 64 farm għat-trobbija tal-fniek. Din ir-reġistrazzjoni hija meħtieġa fejn hemm dikjarati aktar minn ħamsin fenka.

persuni reġistrati li jkabbru l-fjuri

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn persuni reġistrati bħala li jrabbu l-fjuri f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet huma reġistrati dawk li jkabbru l-fjuri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont ir-regolamenti maħruġa fl-Avviz Legali 97 tal-2004 u l-emendi sussegwenti, kull min huwa involut f’attivitatjiet ta' importazzjoni, moviment, tkabbir u bejgħ ta' fjuri irid ikun reġistrat mad-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti. Fil-preżent hemm reġistrati sitta u sittin (66) l-attività f’dan is-settur tal-fjuri. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward il-lokalità ta’ dawk reġistrati.

Esperimenti għat-trobbija tal-annimali u tjur

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi progress sar f'dawk li huma esperimenti għat-trobbija tal-annimali/tjur li huma meqjusa bħala tradizzjonalment Maltin, u li fuqhom kienu qed isiru esperimenti fl-għammieri?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li preżentament qed issiru dawn it-trials fis-sezzjoni tal-animali; 1. Din is-sena saru provi fuq forma alternativa ta’ magħlef. Ir-rizultati jkunu disponibli fi xhur li ġejjien. 2. Ir-riċerka u t-tkattir ta’ speci awtoktoni li jinkludu fost oħrajn; § il-gendus Malti, § it-tiġieġa Maltija, § il-mogħza Maltija. It-tkattir ta dawn l-animali ġewwa dan iċ-ċentru qed tirriżulta f’ żieda fin-numru ta’ dawn l-animali u tjur b’hekk tkun assigurata li dawn l-animali ma jiġux estinti. Tajjeb li nsemmi li tingħata assistenza lil studenti kemm lokali u barranin fir-riċerka tagħhom dwar is-settur agrikolu. Għaddej il-proċess biex fil-ġimgħat li ġejjin ikun maħtur Kumitat ta’ Riċerka Agrikola li jkun inkarigat li jħejji u jimplimenta pjan għal riċerka li tkun xjentifikament aktar rigoruża.

Tal-Kmand — Ċentru tal-Mikroprobazzjoni - esperimenti fuq xtieli u pjanti

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi pjanti/xtieli li fuqhom qed isiru esperimenti għat-tkabbir fiċ-ċentru tal-Mikroprobazzjoni f'Tal-Kmand?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34091, ninfurmah li x-xogħol imsemmi fl-istess tweġiba għadu għaddej.

Sliema Ferries Car Park — informazzjoni

Question

B'referenza għas-Sliema Ferries Car Park, jista' l-Ministru jagħti dettalji sħaħ tal-proċess tat-tenders involuti? Min u liema ditti ssottomettew tenders s’issa jekk saret is-sejħa? Is-sejħa meta saret jekk saret? Jikkonferma li l-proġett se jkun xi 1/2 metri 'l fuq mill-ground level? Dan se jwassal biex il-MEPA CPS Funds se jiġu utilizzati kważi kollha? Jikkonferma jekk huwiex il-Ministeru tiegħu waħdu jew flimkien ma' xi Ministeru ieħor li sejrin tieħdu ħsieb il-finanzjament ta’ dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37320 partikolarment dwar il-proċess ta’ sejħiet li saru sa llum rigward dan il-proċess, ninfurmaħ li għal din is-sejħa għal “Expression of Interest” li nħarġet fil-11 ta’ Ottubru 2011kien hemm żewġ ditti li tefġħu l-offerta tagħhom. Fil-futur qarib mistennija li jinħarġu tenders inkonnessjoni ma’ rilokazzjoni tas-servizzi tad-drenaġġ u l-ewwel tender għat-taħmil tas-sit u xogħol ta’ inġinerija ċivili marbut mal-bini tal-carpark. Skont il-pjanti sottomessi lill-MEPA u sussegwentement approvati, huwa mistenni li bejn wieħed u ieħor is-saqaf tal- carpark ikun xi nofs metru l-fuq mill-livell tal-triq eżistenti. Għal talba li saret lill-MEPA biex l-MEPA talloka s-CPPS Funds għal dan il-proġett, din it-talba ġiet milqugħa mill-istess MEPA u b’hekk il-proġett se jkun kofinanzjat kemm bil-fondi tas-CPPS kif ukoll mill-voti kapitali għall-proġetti allokati lil dan il-Ministeru.

Wied tal-Imsida — Tindif tar-reservoir

Question

Jista' l-Ministru jintervjeni u joffri għajnuna meħtieġa sabiex jitnaddaf ir-reservoir li hemm fil-Wied tal-Imsida billi jingħad li l-kunsill lokali m'għandux flus biżżejjed biex jagħmel dan waħdu? Huwa minnu li talba simili ilha pendenti xi sentejn? Jista' jara li jitnaddaf peress li t-tfal ikun hemm fil-qrib ikunu aktar fil-possibilità ta' xi infezzjoni u billi hu mifhum li r-residenti fl-inħawi qed jilmentaw ukoll li l-post spiċċa f'breeding ground tan-nemus tal-Asian Tiger?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li diġa saru attentati mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u Servizzi fi ħdan dan il-Ministeru flimkien mall-Water Services Corporation u b’kordinament mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali biex tittieħed azzjoni. Filfatt diġà f’ aktar minn okkażżjoni waħda ntefa chlorline fl-ilma ta’ dan il-ġibjun. Din l-azzjoni ħalliet effett pożittiv iżda ma eliminatx għal kollox din il-problema. Għaldaqstant l-entitajiet li semmejt qiegħdin jikkoordinaw bejniethom biex tinstab soluzzjoni ulterjuri biex tiġi eliminata l-inkonvenjenza lill-pubbliku.