Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Nefqa fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 27130 u 27694 u jgħid kemm intefqu flus f’reklamar mill-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu separatament matul is-sena 2024 u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Interpellant. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jagħmel użu mill-mezzi tax-xandir (media houses) lokali sabiex ikun jista’ jwassal informazzjoni dwar servizzi, inizjattivi u informazzjoni oħra importanti għall-pubbliku ġenerali.

Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27514 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien applika biex issir riġenerazzjoni tal-pavimentar tal-bankini kollha mad-dawra tal-Ġnien Joanne u l-bankini ta’ toroq tal-madwar.

Kunsill Lokali tan-Naxxar — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27515 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali tan-Naxxar applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tan-Naxxar applika għal proġett taħt din l-iskema li jikkonsisti f’irranġar ta’ parti minn Masġar it-Tfal fi Triq V Boron (eskluż il-proġett tal-bandli li wasal fl-aħħar fażi tiegħu). Ix-xogħol jinkludi pavimentar ta’ żona li tifred żewġ partijiet tal-ġnien, tħawwil ta’ siġar bi gradilji fil-konok, installazzjoni ta’ bankijiet u raised zebra crossing li taqsam Triq V. Boron.

Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27516 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema applika sabiex isir ix-xogħol ta' żona pedonali ġdida fi Triq Sir Adrian Dingli ma’ Triq Ġużè Howard.

Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan — Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27517 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġiljan applika għal din l-iskema u x-xogħlijiet jikkonsistu fi tranġar ta’ bankini u asfaltar f’diversi toroq.

Burmarrad — San Pawl Milqi - Heritage Malta - Evalwazzjoni tal-ħtiġijiet tas-sit

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25428, billi jidher li n-nefqa fuq il-manutenzjoni ta’ fuq San Pawl Milqi, f’Burmarrad fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar matul l-aħħar snin hi waħda baxxa ħafna, u billi l-kappella li hemm fuq il-post, partikolarment min-naħa ta’ ġewwa għandha bżonn ta’ manutenzjoni sostanzjali, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex Heritage Malta tagħmel evalwazzjoni komprensiva tal-ħtiġijiet tas-sit biex tkun f’qagħda li tippjana l-investiment f’tiswija neċessarja fuq l-istess sit?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li t-tim ta’ manutenzjoni ta’ Heritage Malta huwa responsabbli mill-manutenzjoni ta’ dan is-sit. Il-ħidma fuq dan is-sit titwettaq mill-istess tim, u għalhekk in-nefqa relatata tidher baxxa minħabba l-użu tar-riżorsi interni. L-interventi fil-kappella huma parti minn programm usa’ ta’ manutenzjoni li jiġi ppjanat mit-tim tekniku flimkien ma’ xogħlijiet oħra meħtieġa f’diversi siti tal-Aġenzija. Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li Heritage Malta taħdem fuq bażi ta’ prijoritajiet. Filwaqt li qed isir sforz biex tiġi kkonservata l-kappella u s-sit ta’ San Pawl Milqi, hemm proġetti oħra taħt il-mandat tal-Aġenzija li bħalissa qed jiġu trattati bħala prijorità ogħla.

Burmarrad — San Pawl Milqi - Żjarat

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25428, billi fit-tweġiba jingħad li ż-żjarat fis-sit ta’ San Pawl Milqi f’Burmarrad fil-konfini ta’ San Pawl il-Baħar isiru b’appuntament (bl-eċċezzjoni ta’ open days), jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm talbiet biex ikun hemm żjarat f’dan is-sit, matul is-snin 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li attendew dawn iż-żjarat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li fis-sena 2022 kien 13-il talba għal żjara, fis-sena 2023 kien hemm 20 talba għal żjara, fis-sena 2024 kien 21 talba għal żjara u 2025 12-il tajba għal żjara. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bid-dettalji tal-ammont ta’ viżitaturi li żaru s-sit matul kull sena kif mitlub.

Is-Salini — Katakombi - Żjarat organizzati

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25429, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba kien hemm appuntamenti biex il-Katakombi tas-Salini jkunu miftuħa għal żjarat organizzati, matul is-snin 2022, 2023, 2024 u 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, separatament għal kull sena? Jista’ jgħid ukoll kemm kien in-numru ta’ persuni li attendew f’dawn iż-żjarat, separatament għal kull sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li fis-sena 2022 kien hemm talba waħda għal żjara, fis-sena 2023 kien hemm 27 talba għal żjara, fis-sena 2024 u 2025 ma’ sarux talbiet għal żjarat. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bid-dettalji tal-ammont ta’ viżitaturi li żaru s-sit matul kull sena kif mitlub.

Marsaxlokk — Delimara - Campsite

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed topera l-campsite ta’ ħdejn il-Power Station ta’ Delimara f’Marsaxlokk? Jista’ jgħid ukoll kif persuna tista’ tibbukkja biex tuża dan is-sit u kif jista’ japplika, jekk hux għal perjodu sħiħ jew jekk iridx japplika għal kull darba li jkun irid jużah?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali li ma hemmx campsite ġewwa Marsaxlokk u li t-tqegħid temporanju ta’ karavans f’din il-lokalità jeħtieġ il permess tal-Kunsill Lokali skont L.S. 363.176 u L.S. 363.239.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — TCNs - Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li ġejjin minn pajjiżi terzi (TCNs) jaħdmu fid-dekasteru tiegħu u kemm hu twil il-kuntratt tagħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20914.

Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija – Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27510 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija applika għal fondi tal-imsemmija skema sabiex isiru Triq il-Ġibjun u Triq Ġuljetta Lopez.

Kunsill Lokali tal-Gudja – Applikazzjoni għal fondi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 27511 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Gudja applikax għal fondi mill-€10 miljun li kienu tħabbru fis-26 ta’ April 2024 bħala skema bejn il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi għal xogħlijiet fil-lokalità? Jekk iva, jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Gudja kien wera diversi xewqat biex jissottometti applikazzjoni għall-imsemmija skema imma sfortunatament x-xogħlijiet li ntalbu ma kienux jaqgħu taħt il-kriterji ta’ din l-iskema.

Il-Mellieħa — Sit Tal-Latnija

Question

Ġaladarba s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali kienet a konoxxenza tal-importanza tas-sit f’Tal-Latnija fil-Mellieħa għal dawn l-aħħar xhur u snin, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għażlet li tinkludi dan is-sit fl-inventarju nazzjonali tal-patrimonju storiku issa u mhux qabel?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li s-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali stenniet li r-riżultati tal-investigazzjonijiet ta’ dawn l-aħħar ħames snin ikunu ippubblikati sabiex ma tiġbidx l-attenzjoni fuq is-sit u tikkomprometti tali studji. Ninsab ukoll informat li kien hemm “press embargo” impost fuq pubblikazzjoni ta’ kull tip ta’ informazzjoni relatata ma’ dan is-sit.

Kummissjoni tal-Films — Cultural Test - Programmi lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jitħaddem il-‘cultural test’ li jikkwalifika programmi lokali ta’ reality tv għal grants mill-Kummissjoni tal-Films? Jista’ jagħti lista ta’ programmi televiżivi lokali li bbenefikaw minn fondi tal-Kummissjoni tal-Films sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jgħid il-valur ta’ fondi li ngħata kull programm?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Valletta Cultural Agency — Impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta rendikont tan-numru ta’ impjegati ġodda li bdew jaħdmu mal-MICAS, Spazju Kreattiv, Orkestra Filarmonika ta’ Malta u mal-Arts Council fi ħdan il-Valletta Cultural Agency, bejn Jannar 2022 u Diċembru 2024? Jista’ jgħid jekk dawn il-ħaddiema ġewx impjegati b’kuntratt fiss (permanenti) jew temporanju, jekk ġewx seconded minn entitajiet oħra jew jekk ġewx impjegati taħt xi forma oħra ta’ kuntratt jew arranġament? Għal dawk il-ħaddiema li ġew issekondati minn dipartimenti jew aġenziji tal-Gvern jista’ jgħid ukoll jekk ġewx impjegati b’kuntratt fiss (permanenti) jew temporanju, jekk ġewx seconded minn entitajiet oħra jew jekk ġewx impjegati taħt xi forma oħra ta’ kuntratt jew arranġament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif suppost taf l-entitajiet msemmija fil-mistoqsija parlamentari 27797 huma separati u ma jaqgħux fi ħdan il-Valletta Cultural Agency.

Malta Biennale — Ħatra tal-membri tal-bord eżekuttiv

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 27096 fejn il-Ministru jsemmi il-membri tat-team eżekuttiv li għażel id-direttur artistiku tal-MaltaBiennale.art, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittra tal-ħatra tal-membri tal-bord eżekuttiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-ittri ta’ ħatra ta’ dawk li qed jikkontribwixxu fit-tim eżekuttiv tal-maltabiennale.art 2026.

Maltabeinnale — Impact Assessment Report

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Impact Assessment Report dwar il-Maltabeinnale.art li ġie kkummissjonat minn Heritage Malta fl-2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li r-rapport imsemmi huwa wieħed intern li jikkonċerna l-organizzazzjoni tal-maltabiennale.art. Madankollu qed nagħti s-sejbiet ewlenin li ħarġu minn dar-rapport kif mgħoddija lili mill-Heritage Malta: 74% tal-artisti li ħadu sehem fil-Malta Biennale 2024 kienu sodisfatti bl-esperjenza li tahom il-biennale, 75% jaqblu li l-Malta Biennale ġġenera diskussjoni ġenerali fuq temi kurrenti, 70% jgħidu li l-Malta Biennale għen biex kabbar il-kreattivita tagħhom, 72% jirrakkomandaw il-Malta Biennale lil artisti u kuraturi ohra u 75% lesti jerġgħu jieħdu sehem. Minn dawk li żaru s-siti storiċi kemm ta’ Heritage Malta u kemm dawk fejn kienu qed jittellgħu il-wirjiet tal-Malta Biennale 87% jindikaw li kienu sodisfatti bl-esperjenza. 68% tal-poplu Malti u Għawdxi kienu jafu bil-Malta Biennale, 78% qalu li l-arti kontemporanja fil-mużewijiet u siti storiċi ittejjeb l-esperjenza fis-sit inniffsu u 80% jgħidu li l-Malta Biennale huwa opportunita’ kbira biex timbotta ‘l quddiem kemm lill-artisti Maltin u kemm ix-xena artistika lokali.

Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali — Segretarjat għall-Gvern Lokali - Gazzetta tal-Gvern - Avviżi pendenti

Question

Jista' l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ avviżi pendenti li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Ministru biex jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu, għall-perjodi bejn Jannar sa Ġunju 2024, Lulju sa Diċembru 2024 u Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’kull każ, jista’ jindika x’inhi r-raġuni għalfejn dawn l-avviżi għadhom ma’ ġewx approvati u ppubblikati?

Response (BONNICI, OWEN)

L-avviżi tal-Gvern jiġu ppubblikati fuq il-Gazzetta tal-Gvern kif meħtieġ.

Raħal Ġdid — Triq il-Knisja - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Triq il-Knisja, f’Raħal Ġdid u x’fadal isir matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet fit-triq indikata huma kkordinati minn Infrastructure Malta. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Marsaxlokk — Triq Barthelemy - Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fi Triq Barthelemy, f’Marsaxlokk u x’fadal isir matul din is-sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk li fi Triq Barthelemy, sar xogħol ta’ installazzjoni tad-drenaġġ. Il-fażi li jmiss hija l-kisi mill-ġdid tat-triq.