Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parkeġġi personalizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-parkeġġi personalizzati humiex jinħarġu skont in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-karozza jew skont il-permess tal-blue badge? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura biex it-tabella tal-parkeġġ tinbidel min-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza għal numru tal-blue badge?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parkeġġi personalizzati jistgħu jinħarġu skont il-bżonn tal-persuna, jiġifieri jew billi jkun indikat in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-vettura jew inkella n-numru tal-Blue Badge tal-persuna konċernata, abbażi ta’ dak stipulat fl-Avviż Legali 113 tal-2024.

Karozzi tal-linja – Sound system

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kull meta jiġu ċċekkjati l-karozzi tal-linja biex jiġi assigurat li s-sound system tkun qiegħda tiffunzjona? Jista’ jgħid ukoll kif qed jiġi assigurat li din is-sound system tkun mixgħula biex b’hekk, persuni neqsin mill-viżta, ikunu jistgħu jużaw it-trasport pubbliku mingħajr xkiel?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta jwettqu medja ta’ 50 spezzjoni kuljum fuq il-karozzi tal-linja. Fost l-aspetti li jiġu vverifikati waqt dawn l-ispezzjonijiet hemm il-funzjonament xieraq tas-sistema tal-awdjoannunzji (Audio Announcement System). F’każijiet fejn din is-sistema ma tkunx qed tiffunzjona kif suppost, tinġibed l-attenzjoni tal-operatur sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa u s-sistema terġa’ titqiegħed f’kundizzjoni tajba għall-benefiċċju tal-passiġġieri.

Speed cameras – L-ogħla speed milħuq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2957 fl-intier tagħha u jgħid x’kien l-ogħla speed li ntlaħaq matul din is-sena minn kull waħda mill-ispeed cameras imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-Mistoqsija Parlamentari għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi tal-linja – Rotta X300 minn Mater Dei direzzjoni Ċirkewwa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ser jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-karozzi tal-linja tar-rotta X300 ikollhom biżżejjed spazju għall-passiġġieri li jitilgħu mill-waqfa tad-daħla prinċipali tal-Isptar Mater Dei, direzzjoni lejn iċ-Ċirkewwa fil-ħinijiet ta’ filgħodu b’mod partikolari għall-ħaddiema Għawdxin li jkunu temmew x-xiftijiet ta’ billejl?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta ser taghmel monitoraġġ mill-bus stop tal-Isptar Mater Dei fil-ħin imsemmi sabiex b’hekk ikollha stampa iktar ċara tad-domanda li hemm fuq ir-rotta X300 u X299.

Karozzi tal-linja – Rotta 150 minn Lascaris għal MCAST Paola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba mill-1 ta’ Ottubru 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, is-servizz tal-karozzi tal-linja tar-rotta 150, li hija skedata li tgħaddi u tieqaf fl-istage ta’ Lascaris fil-Belt Valletta (ħdejn it-terminal tal-fast ferry) għall-ħabta tas-7.45 a.m. u li tintuża mill-istudenti li jattendu l-MCAST ta’ Raħal Ġdid: i.    ma għaddietx mill-imsemmija waqfa; ii.   waslet tard meta mqabbel mal-ħin skedat; u iii.  naqset li tieqaf minħabba li kienet mimlija?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Il-Qala u r-Rabat, Għawdex – Trasport pubbliku dirett

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2134 u jgħid jekk jeżistix servizz tat-trasport pubbliku dirett bejn il-Qala u r-Rabat, Għawdex? Jekk le, liema servizz ta’ trasport pubbliku jistgħu jużaw ir-residenti tal-Qala biex imorru r-Rabat? Minn liema toroq jgħaddi dan is-servizz u x’inhu l-ħin stmat tal-vjaġġ? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu jew huma ppjanati sabiex is-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex isir aktar effiċjenti, konvenjenti u attraenti għall-utenti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa ma hemmx rotta diretta bejn il-Qala u r-Rabat, Għawdex. Madankollu, ir-residenti jistgħu jużaw ir-rotta 303, li sservi l-Qala u r-Rabat b’ħin medju tal-vjaġġ ta’ bejn 30 u 32 minuta. Din ir-rotta tgħaddi mill-Port tal-Imġarr, Għajnsielem, il-Qala, in-Nadur, ix-Xewkija u r-Rabat. Fil-futur qarib huwa ppjanat li r-rotta 322 tiġi estiża sabiex isservi wkoll il-Qala. Matul dawn l-aħħar xhur saru diversi tibdiliet fis-servizz tat-trasport pubbliku f’Għawdex, fosthom żidiet fil-frekwenza ta’ ċerti rotot, estensjonijiet u modifiki f’rotot oħrajn, kif ukoll konnessjoni bejn il-Modal Hub ta’ Ta’ Xħajma u r-Rabat. Ġiet imsaħħa wkoll il-konnettività bejn Għawdex u Malta, inklużi s-servizzi miċ-Ċirkewwa lejn il-Belt Valletta, l-Isptar Mater Dei u l-Università, kif ukoll mit-terminal tal-Fast Ferry f’Lascaris lejn l-MCAST, Mater Dei u l-Università. Ġiet introdotta wkoll rotta ċirkolari f’Buġibba li tgħaqqad it-terminal tal-Fast Ferry mat-terminal tal-karozzi tal-linja. Barra minn hekk, f’Ġunju 2026, il-flotta kollha tal-karozzi tal-linja li topera f’Għawdex inbidlet minn vetturi li jaħdmu bid-diesel għal vetturi elettriċi.

Ix-Xewkija, Għawdex – Pjan għal Airfield

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2130 u jgħid jekk għadx hemm il-pjan li ssir airfield fix-Xewkija, Għawdex? Jekk iva, jista’ jgħid fiex wasal dan il-proġett u meta huwa mistenni li jitlesta u jibda jopera? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ servizzi se jkunu qegħdin jiġu provduti?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi tal-linja mibjugħa jew trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2761 u 4051 u jgħid kemm-il karozza tal-linja li kienet tifforma parti mis-servizz antik tat-trasport pubbliku u li nbiegħet jew ġiet trasferita minn Transport Malta jew minn entità governattiva oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: i. inbiegħet bil-kundizzjoni li tiġi restawrata; ii. inbiegħet wara dikjarazzjoni mix-xerrej li kellha tiġi restawrata; iii. kienet intiża biex tintuża bħala attrazzjoni turistika jew ta’ wirt nazzjonali; jew iv. kienet intiża biex tintuża għal sightseeing jew għal servizzi oħra tal-passiġġieri? Jista’ wkoll jipprovdi n-numru tar-reġistrazzjoni jew tal-flotta għal kull waħda minn dawn il-karozzi tal-linja, id-data tal-bejgħ, il-prezz tal-bejgħ, l-użu ddikjarat, l-istat tar-restawr u jekk bħalissa hijiex effettivament tintuża għall-iskop indikat meta nbiegħet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2011, Transport Malta ittrasferiet 118 karozza tal-linja, li kienu jifformaw parti mill-flotta tas-servizz tat-trasport pubbliku, lil Heritage Malta.

Trasport pubbliku - Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2759 u 4049 u jgħid kemm-il karozza tal-linja marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku ġiet akkwistata, riċevuta, ikkontrollata, mibjugħa jew trasferita minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-vetturi u għal kull vettura jipprovdi: i. in-numru tar-reġistrazzjoni u n-numru preċedenti tal-flotta; ii. il-marka, il-mudell, ix-chassis u s-sena tal-manifattura; iii. l-entità li rċeviet il-vettura; iv. jekk il-vettura nżammitx, inbiegħetx, ingħatatx bħala donazzjoni, ġietx skrappjata jew esportata; v. id-data u l-metodu tad-disponiment; vi. il-prezz tal-bejgħ jew korrispettiv ieħor; u vii. kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-bejgħ jew mat-trasferiment?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 4396.

Karozzi tal-linja antiki

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2760 u 4050 u jgħid kemm mill-karozzi tal-linja antiki marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku li ġew akkwistati, riċevuti, ikkontrollati, mibjugħin jew trasferiti minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bħalissa huma: i. irreġistrati f’Malta jew Għawdex; ii. liċenzjati biex jintużaw fit-toroq pubbliċi; iii. koperti b’liċenzja għat-trasport tal-passiġġieri jew b’Malta Heritage Bus Licence; iv. irreġistrati bħala li ntużaw fit-toroq pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar; v. użati għal sightseeing tours, eskursjonijiet, tiġijiet jew attivitajiet oħra marbuta mat-turiżmu; vi. ippreservati biss għall-wiri; vii. qegħdin jiġu restawrati; viii. maħżuna iżda mhux restawrati; ix. esportati; jew x. skrappjati? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tar-reġistrazzjoni u l-klassifikazzjoni attwali ta’ kull vettura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Tenders għal sinjali tat-traffiku – Kumpaniji/koperattivi – Ksur tal-kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar ħames snin qatt itteħdux passi kontra l-kumpaniji/koperattivi li ngħataw tenders biex jipprovdu sinjali tat-traffiku għal xi ksur tal-kuntratti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta – Sinjali tat-traffiku – Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar ħames snin qatt sarux spezzjonijiet biex ikun żgurat li s-sinjali tat-traffiku li tqiegħdu huma konformi mal-istandards mitluba minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jgħid x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Tenders għal sinjali tat-traffiku – Kumpaniji/koperattivi – Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset kull waħda mill-kumpaniji/koperattivi li ngħataw tenders biex jipprovdu sinjali tat-traffiku matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Speed cameras – Kalibrazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2957 fl-intier tagħha u jgħid meta l-aħħar li ġew kalibrati kull waħda mill-ispeed cameras imsemmija fl-istess tweġiba?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kapuċċini – Salib it-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3020 u jgħid kemm ġew irreġistrati inċidenti tat-traffiku din is-sena fi Triq il-Kapuċċini, Ħaż-Żabbar, b’mod partikolari fiż-żona ta’ salib it-toroq li tgħaqqad Triq il-Kapuċċini mat-toroq tal-inħawi ta’ Sant’Andrija? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux studji jew risk assessment dwar is-sigurtà ta’ dan is-salib it-toroq, u x’miżuri konkreti ttieħdu jew qed jiġu kkunsidrati sabiex titjieb is-sigurtà f’dan il-punt, inkluż jekk hemmx pjanijiet għal tibdil fit-toroq, fis-sinjali tat-traffiku, markings, traffic calming, dawl jew miżuri oħra ta’ prevenzjoni?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-post eżatt fi Triq il-Kappuċċini li għalih qed jirreferi, billi jimmarkah fuq pjanta tas-sit (sit map)

Servizz tal-Fast Ferry – Reviżjoni tal-iskeda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jirrevedi l-iskeda tas-servizz tal-Fast Ferry sabiex: i.    jiġi introdott vjaġġ fit-8:45 ta’ filgħodu mill-Imġarr, Għawdex lejn il-Belt Valletta, biex jiġu moqdija aħjar l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin; u ii.   kull nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex jitlaq fil-23:45, biex ir-residenti Għawdxin jiġu moqdija aħjar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Ministeru naħdmu sabiex niżguraw li s-servizz ikompli jilħaq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri u joffri konnessjonijiet li jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jagħmlu użu minnu, b’mod partikolari r-residenti Għawdxin. Fil-fatt, wara r-rispons pożittiv ħafna għall-estensjoni tal-ħinijiet tas-servizz matul ix-xhur tas-sajf, saru diskussjonijiet mal-operatur sabiex dawn il-ħinijiet estiżi jkunu jistgħu jinżammu wkoll matul l-iskeda tax-xitwa. Kien proprju għalhekk li lbieraħ ħabbart li s-servizz tal-Fast Ferry se jibqa’ jopera sa tard filgħaxija anke matul ix-xhur tax-xitwa, fejn nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex, se jitlaq fil-23:45.

Il-Belt Valletta – Parking spots

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parking spots fil-Belt Valletta li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Belt Valletta, hemm total ta’ 217 parking spots li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet oħra.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Aċċess f’każ ta’ inċident/għeluq tat-triq/emerġenza

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid liema studju jew evalwazzjoni saret dwar l-aċċess lejn il-Mellieħa, l-Għadira u l-Qammieħ f’każ li jkun hemm inċident, għeluq ta’ triq jew emerġenza fuq waħda mir-rotot ewlenin waqt li l-impjant ikun qed jopera?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Kapaċità tat-toroq

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni tal-kapaċità tat-toroq ewlenin li jwasslu lejn il-Mellieħa, l-Għadira u l-Qammieħ biex jifilħu għan-numru addizzjonali ta’ vetturi tqal marbuta ma’ dan il-proġett, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf? Jekk iva, jista' jqiegħed din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Traffic Impact Assessment

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx Traffic Impact Assessment dwar dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid meta sar, minn min sar u fuq liema volum ta’ traffiku kien ibbażat? Jekk għadu ma sarx, jista’ jgħid għaliex il-proċess tal-konċessjoni tnieda qabel ma sar dan l-istudju?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.