Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Frar 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Malta u Għawdex – Libreriji pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34003, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, u jgħid kemm hawn libreriji pubbliċi f’Malta u Għawdex u jelenka l-lokalitajiet ta’ fejn jinsabu u l-ħinijiet tal-ftuħ tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm attwalment hemm persuni reġistrati biex jissellfu kotba minn dawn il-libreriji?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li f’Malta hawn 44 -il librerija: -1 Ċentrali -7 Reġjonali -36 fergħa B’ kollox, in-numru ta’ libreriji F’Malta u F’Għawdex huwa ta’ 56 (12 -il librerija oħra F’Għawdex) Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-ħinijiet tal-ftuħ ta’ kull librerija pubblika fin-network ta’ Malta Libraries. In-numru ta’ persuni rreġistrati biex jissellfu kotba minn dawn il-libreriji huwa ta’ 48,985.

Ix-Xgħajra - Sqaq Dungur - Ħajt tas-sejjieħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li l-ħajt tas-sejjieħ inti u dieħel fi Sqaq Dungur, ix-Xgħajra, jiġi rranġat?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Ix-Xgħajra li l-ħajt tas-sejjiegħ imsemmi, huwa proprjetà privata, għaldaqstant, il-Kunsill mhuwiex f’pożizzjoni li jwettaq xogħol ta’ manutenzjoni fuqu. Minkejja dan, sar rapport mal-Għassa tal-Pulizija dwar l-istat ta’ dan il-ħajt u tpoġġa t-tape sabiex ir-residenti jkunu konxji minn xi periklu li jista' jkun hemm.

Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Jannar 2024?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Arkivju nazzjonali - Lok ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34083 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32667, jista’ l-Ministru jgħid jekk instabx lok ġdid għall-arkivju nazzjonali kif preċedentement kien ippjanat?

Response (BONNICI, OWEN)

M'għandix xi nżid mar-risposti li tajt fis-seduti riċenti dwar l-istess suġġett.

L-Imġarr - Bajja tal-Ġnejna - Latrina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li tiġi upgraded il-latrina tal-Bajja tal-Ġnejna fl-Imġarr?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali L-Imġarr li hemm pjanijiet sabiex il-latrina fil-Bajja tal-Ġnejna tiġi ristrutturata. Barra minn hekk, riċentament intlaħaq ftehim mad-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika sabiex il-latrini fil-lokalità jkollhom attendant fuq bażi regolari, bil-għan li jiġi evitat il-vandaliżmu.

Raħal Ġdid – Triq Għajn Dwieli – Xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9432 dwar in-nefqa fuq ix-xogħlijiet li saru fi Triq Għajn Dwieli, f’Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-pożizzjoni tad-dipartiment issa li jidher li din reġgħet għandha bżonn ta’ tiswijiet serji u possibbilment li ssir mill-ġdid?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Kunsilli lokali - Siti, artijiet u/jew binjiet - Devoluzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tas-siti, artijiet u/jew binjiet kollha li ġew devoluti lil kull kunsill lokali ta’ Malta u Għawdex, u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità u għal kull sit jindika l-indirizz tas-sit, id-deskrizzjoni tas-sit, l-ammont tal-ħlas mitlub mill-kunsill lokali bl-ammonti mħallsa, l-użu attwali tas-sit, id-data ta’ meta s-sit ġie devolut u t-terminu jew it-tul tad-devoluzzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Devoluzzjoni ta’ art/proprjetà – Talbiet pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti minn kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex għal devoluzzjoni ta’ proprjetà lill-istess kunsilli, maqsumin lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma t-talbiet mingħand il-kunsilli rispettivi?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif miżmuma mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali.

Ministeru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34145, 34292, 34648 u 34881 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ nfiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.       it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.      data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.     ammont totali tal-infiq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Bormla - Dar it-Tama

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33959 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32806, jista’ l-Ministru jgħid lil min kienet qed issejjaħ Dar it-Tama fi Triq Matty Grima, Bormla, f’dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ix-Xatt tax-Xgħajra - Ħsarat ikkawżati bil-maltemp

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34071 u 34074 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fix-Xatt tax-Xgħajra, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34074.

Bandli maqlugħin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bandli maqlugħin madwar Malta u Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onorevoli interpellant kjarifika dwar x’qed jiġi riferut meta ssir riferenza għall-‘bandli’, jekk hux għall-playing field  jew għall-bandli individwali sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba korretta.

L-Imtarfa - Military Officers’ Mess - Restawr

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan li l-binja tal-‘Military Officers’ Mess’ fl-Imtarfa, tiġi rrestawrata, peress li tinsab mitluqa? Jekk iva, jista’ jgħid jekk hemmx xi pjanti u permessi u meta ser isir dan ir-restawr?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali - Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali - Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 maħruġa mis-segretarjat parlamentari konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, matul Jannar 2025?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 25190.

Segretarjat għall-Gvern Lokali – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34161, 34616 u 34835 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-pubblikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Kalkara - Bajja ta’ Rinella - Ħsarat ikkawżati bil-maltemp

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34072 u 34075 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp fil-Bajja tar-Rinella fil-Kalkara, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Il-Kalkara li b’żieda mat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34072 u 34411, twettaq xogħol ta’ tindif sabiex tneħħa ammont ta’ ġebel li nġabar fit-triq ta' madwar il-bajja kif ukoll minn fuq ir-ramel, filwaqt li r-ramel li tela’ fit-triq reġa’ tqiegħed lura f’postu fil-bajja.

Ix-Xatt ta’ Wied il-Għajn - Ħsarat ikkawżati bil-maltemp

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 34073 u 34076 fir-rigward tal-ħsarat ikkawżati bil-maltemp f’Wied il-Għajn, jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret jew hemm ippjanata li ssir f’dawn ix-xhur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Wied il-Għajn li qed iżomm kuntatt dirett mal-periti ta’ Infrastructure Malta u x-xogħol miexi sew. Il-ħsarat ikkawżati mill-maltemp se jiġu rranġati kollha, peress li l-promenade qed issir mill-ġdid.