Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-bdiewa/delettanti li attendew xi wieħed mill-korsijiet indirizzati għal tagħlim dwar il-bexx li organizzat l-MCCAA?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi kienu 2,707 bidwi jew dilettant li attendew xi wieħed mill-korsijiet organizzati mill-MCCAA dwar it-tagħlim tal-bexx.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37104 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex minnu li l-proġett ta' Bormla se jkollu jieqaf fuq fin-naħa tar-regatta peress li dawn għandhom is-soqfa ikkundannati u li m'hemmx fondi għalihom?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern m'għandu l-ebda tagħrif jew involut fil-proġett ta' Bormla. Dwar is-soqfa ikkundannati fuq in-naħa tar-regatta, dan il-fond huwa amministrat mill-Kunsill Malti għall-Isport u għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna/skemi/inizjattivi joffru lil dawk li jixtiequ jiftħu negozju żgħir bħal persuna li d-dettajli dwaru qed jingħataw separatament?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Peress li mhux ċar għal liema jew x’tip ta’ għajnuna/skemi/inizjattivi qed jirreferi għalihom nitlob lill-Onorevoli Membru sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li huwa responsabbli mill-Malta Enterprise.
Jista' l-Ministru jinfurmani kif kjosk, donnu fixed f'Ta' Xbiex Seafront, mal-jottijiet u biswit upgrading tal-promenade, li qed ikun imwelli min wieħed għal ieħor u llum qiegħed f'idejn barranin, għandu permess kemm għal kjosk u għal post u b'xi sitt imwejjed u 24 siġġu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jindika fuq site-plan il-kjosk in kwistjoni sabiex id-Dipartiment ikun jista’ jidentifika dan il-kjosk u jwieġeb din il-mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jidhirlux li l-kundizzjonijiet imposti fuq il-fidi taċ-ċens fuq plots tal-gvern kienu ibsin wisq f'każ ta' persuni li akkwistaw id-djar mingħand terzi bi prezzijiet tas-suq u li ma kenux huma l-benefiċċjarji oriġinali tal-plots?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, l-Gvern jidhirlu li l-kundizzjonijiet għall-fidi taċ-ċens fuq proprjetajiet tal-gvern mhux talli mhumiex iebsin iżda huma meħtieġa. Tajjeb li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant, li qabel ma ġew introdotti l-emendi għall-Iskema dwar ix-Xiri tad-Dirett Dominju Temporanju ta’ proprjeta’ tal-Gvern, użata bħala residenza, ma kien hemm l-ebda kundizzjoni speċifika li kienet taħseb biex tirregola li ma ssirx spekulazzjoni tal-proprjeta li ċ-ċens tagħha jkun infeda. Il-Gvern kien ħass li l-bejgħ ta’ proprjeta’ li ċ-ċens tagħha ikun għadu kemm jinfeda ftit ġranet qabel, u dan bi prezz għexieren ta’ drabi ogħla mill-prezz tal-fidi, kien imur kontra l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern Malti u s-Santa Sede iffirmaw fil-1992 u għalhekk kellu jintervjeni u fl-2009 ħa l-miżuri neċessarji biex dan ma jibqax isir. Dan biex l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-iskema tkun tirrifletti fedelment l-iskop u l-ispirtu tal-Ftehim li l-Gvern ta’ Malta u s-Santa Sede iffirmaw u li jgħid, fost oħrajn, li l-proprjeta’ li ġiet mill-Knisja għandha tintuża “for the Country’s most pressing social requirements, such as social housing….”
Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern — aċċess għal persuni b'diżabilità
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Uffiċċju tan-Nutara tal-Gvern f'Malta hux konformi mal-istandards ta' aċċessibilità tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilità peress li dan l-uffiċċju jżuruh ħafna persuni inkluż anzjani bi problemi ta' mobilità?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern jikkonsisti f’żewg binjiet antiki fil-Belt Valletta, cioe’ l-uffiċċju prinċipali li jinsab f’ numru 2/3, Triq Mikiel Anton Vassalli, fejn huma arkivjati l-atti nutarili oriġinali, u dak f’ numru 24, Triq San Kristofru, fejn huma arkivjati r-reġistri tal-atti. Naturalment, peress li l-bini huwa antik, jeżistu certi restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam ma’ aċċessibilita’ sabiex ikun totalment konformi mal-istandards ta’ aċċessibilita’ għal persuni b’diżabilita’. Madankollu l-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern xorta jipprovdi faċilitajiet ta’ aċċess lill-persuni anzjani jew b’dizabilita’ fil-limitazzjonijiet tiegħu. Per eżempju, f’każ ta’ persuna fuq wheelchair tigi pprovduta rampa sabiex taghti aċċess minn fuq il-bankina għall-pjan terran tal-Ufficcju, minn fejn imbagħad jingħata s-servizz. Ta min isemmi wkoll illi persuni anzjani jew b’diżabilita’ li ma jifilħux jitilgħu taraġ jingħataw servizz fil-pjan terran mill-uffiċċjali f’dan id-dipartiment li dejjem ikunu lesti sabiex jagħtu l-assistenza meħtieġa. Dawn il-persuni jistgħu wkoll jordnaw kopji ta’ atti nutarili mill-Arkivji Nutarili permezz tal-posta elettronika (notarial.archives@gov.mt) u din is-sistema għenet ħafna sabiex jitjieb is-servizz offrut, speċjalment lill-persuni anzjani bi problemi ta’ mobilita’ kif ukoll persuni b’dizabilita.
Ħaddiema ta' Skala 5 — xogħol mhux tal-grad tagħhom
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37170 u 36966 u jgħid kemm hemm persuni minn skala 5 'l fuq li huma on secondment ma' xi entità oħra u allura mhux qed jagħmlu xogħol fil-grad tagħhom? X'inhi r-raġuni għal dan is-secondment u ma' liema entità oħra qegħdin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda persuna minn skala 5 ‘il fuq li hija on secondment ma xi entita’ oħra taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur.
Madanakollu hemm sitt persuni
detailed
mal-Awtorita ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur waqt li hemm persuna waħda li hija
deployed
mal-Awtorita’ dwar il-Mediċini.
Siġġiewi — Triq Karmenu Vassallo - kuntratt ta' akkwist ta' art
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37206, jista' l-Ministru jgħid meta l-kuntratt mas-sidien tad-djar se jkun konkluż? Jista' jagħti time frame?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-gvern ta' Malta għandux xi titolu jkun li jkun fuq din il-proprjetà?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36918 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32818, jista' l-Ministru jgħid jekk dan iffisirx li l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità politika tal-Ministru ma jżommu l-ebda kontroll fuq l-impjegati u dawk li jingħataw xi xogħol xi jwettqu? Jekk fin-negattiv, l-mistoqsija oriġinali tkun tista' tiġi mwieġba?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema stat tinsab il-Fortizza Campbell, limiti tal-Mellieħa? Xi pjanti għandu d-dipartiment ikkonċernat ta' din il-fortizza?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet minn bejjiegħa tal-monti sabiex il-permess tagħhom jiġi trasferit/irtirat? Kemm iħallas il-gvern filkaż li l-permess jiġi irtirat fil-Belt Valletta?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li m'hemmx talbiet minn bejjiegħa tal-Monti sabiex il-permess tagħhom jiġi trasferit/rtirat. Fil-preżent ma teżisti l-ebda skema biex permess tal-bejjiegħa tal-Monti jiġi rtirat fil-Belt Valletta.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux se tiddaħħal is-sistema tal-palm readers fid-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jekk fl-affermattiv, inħarġet it-tender għal dan ix-xogħol? Kemm se jitwaħħlu palm readers minn min rebaħ dan il-kuntratt u x'inhu l-valur tal-kuntratt?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kienu l-bdiewa/delettanti li attendew xi wieħed mill-korsijiet indirizzati għal tagħlim dwar il-bexx li organizzat l-MCCAA?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta. Negozji Żgħar u Konsumatur — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Somma lis-sidien tal-artijiet ħdejn l-Għalqa ta' Kola
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet is-somma li tħallset lis-sidien tal-art magħrufa bħala l-Għalqa ta' Kola fejn illum hemm il-car park meta ġiet esproprijatha għal bini tal-istess car parks fir-Rabat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-art indikata mill-Onorevoli Interpellant magħrufa bħala l-Għalqa ta’ Kola fir-Rabat fiha kejl ta’ 3579 metri kwadri. Minn din l-art ġie akkwistat 17/40 sehem indiviż ta’ 1557 metri kwadri għal prezz ta’ €245,960.87 u imgħax ta’ €299,902.16. Ġie akkwistat ukoll 1/4 ta’ 23/40 sehem indiviż tal-istess art bil-prezz ta’ €267,006.70 u imgħax ta’ €283,733.59 kif ġie stabbilit b’deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet. Għalhekk b’kollox sa issa tħallset is-somma ta’ €1,096,603.32. L-art rimanenti għada mhiex akkwistata mill-gvern peress li għadhom għaddejjin proċeduri quddiem il-Bord ta’ l-Arbitraġġ u għalhekk il-prezz tagħha għadu mhux stabbilit.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36505 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega d-differenza enormi li teżisti fil-prezz kif jinbiegħu l-pilloli Tamoxifen, 20mg. Pakkett ta’ 30 pillola, li fil-Polonja (Krakow) inxtraw għall-prezz ta’ 14.34 ZLT, equivalenti għal madwar €3.5. filwaqt li f’Malta, jekk persuna jkollha bżonn tixtri dawn l-istess pilloli, per eżempju, jekk dawn il-pilloli jkunu out-of-stock (għax normalment, dawn jingħataw b’xejn fis-sistema tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.), ċittadini Maltin ikollhom iħallsu l-prezz ta’ madwar €19? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b’liema prezz qiegħed jixtri dawn l-istess pilloli mingħand l-importatur?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li ‘Tamoxifin’ huwa l-ingredjent attiv tal-mediċina u mhux id-ditta tal-mediċina. Skond il-prezz indikat, il-mediċina Novardex D (20mg tablets X 30), u li għandha ‘Tamoxifin’ tinbiegħ għal-prezz ta’ €19.72 f’Malta. Wieħed irid jara jekk il-marka li qed jalludi l-interpellant hiex din jew ditta oħra li għandha it-‘Tamoxifin’.
Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, peress li applikat biex tifdi ċ-ċens imma għadha mingħajr risposta?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi minkejja li l-persuna, li d-dettalji tagħha ngħataw separatament, kienet applikat biex tifdi ċ-ċens perpetwu rivedibbli tal-proprjetà, hija ma kinitx iċ-ċenswalista rikonoxxuta. Għal dan il-għan hija ntalbet biex tibgħat id-dokumenti neċessarji. Dawn id-dokumenti ntbagħtu u qed jiġu verifikati biex hija tkun tista’ tiġi rikonoxxuta bħala ċ-ċenswalista. Appena jsir ir-rikonoxximent, id-dipartiment ikun jista’ jkompli bil-proċess biex isir il-fidi taċ-ċens.