Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3185 u jgħid jekk Malta għandhiex sistema nazzjonali operattiva ta’ twissijiet pubbliċi ta’ emerġenza li permezz tagħha jintbagħtu twissijiet u struzzjonijiet direttament lill-apparati ċellulari kollha konnessi mal-istazzjonijiet bażi jew l-antenni tan-networks mobbli f’Malta u Għawdex? Jista’ jgħid jekk is-sistema Reverse 112, li dwarha l-Gvern ħabbar fi Frar 2026 li kellha tibda topera sal-aħħar tas-sena, hijiex diġà operattiva u, jekk le: (a) f’liema stadju tinsab l-implimentazzjoni tagħha; (b) liema xogħol tekniku, testijiet jew proċessi ta’ interoperabbiltà għad iridu jitlestew; (c) x’inhi d-data preċiża meta mistennija tibda topera; u (d) x’inhu l-valur tal-kuntratt, lil min ingħata u x’inhuma l-istadji ewlenin tal-implimentazzjoni tiegħu? Jista’ jispeċifika jekk is-sistema hijiex se tuża Cell Broadcast, location based SMS jew iż-żewġ teknoloġiji, u jekk hijiex se: (a) tilħaq awtomatikament kull apparat kompatibbli konness ma’ stazzjon bażi Malti fiż-żona affettwata, irrispettivament minn jekk is-SIM card hijiex Maltija jew barranija; (b) tilħaq persuni li jkunu qed jużaw roaming, inklużi turisti u ċittadini ta’ pajjiżi terzi residenti jew preżenti f’Malta; (c) taħdem mingħajr il-ħtieġa ta’ reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, mobile data jew konnessjoni mal-internet; (d) tilħaq kemm smartphones kif ukoll cellular phones aktar antiki li jistgħu jirċievu SMS iżda mhux neċessarjament Cell Broadcast; (e) tibgħat twissijiet bil-Malti, bl-Ingliż u, fejn meħtieġ, b’lingwi oħra li jinftiehmu minn persuni barranin preżenti f’Malta; u (f) tipprovdi konferma teknika dwar kemm apparati u networks ikunu rċevew it-twissija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sistema Public Warning (Reverse 112) ġiet akkwistata u bħalissa jinsab għaddej ix-xogħol meħtieġ sabiex titlesta l-integrazzjoni tagħha man-networks tal-operaturi lokali tal-komunikazzjoni mobbli. L-implimentazzjoni tinsab għaddejja, bil-mira li titlesta matul l-ewwel kwart tal-2027. Il-pjattaforma ċentrali (CBC) hija operattiva u l-proġett jinsab fil-fażi ta’ integrazzjoni mal-Mobile Network Operators lokali. Bħalissa għaddej ix-xogħol li  huwa marbut prinċipalment mal-implimentazzjoni teknika, l-integrazzjoni u l-validazzjoni bejn is-sistema ċentrali u n-networks rispettivi. Għaddejjin ix-xogħlijiet biex jitlestew l-integrazzjoni end-to-end u t-testijiet ta’ aċċettazzjoni man-networks tal-operaturi mobbli, inkluż l-immappjar taż-żoni ġeografiċi maċ-ċelloli tan-network, kif ukoll it-testijiet meħtieġa sabiex jiġi vverifikat it-tħaddim korrett u reżiljenti tas-servizz. Barra minn hekk, qed nistennew mingħand fornitur globali ewlieni ta’ apparati ċellulari l-ħtiġijiet operattivi standard tiegħu sabiex inkunu nistgħu niżguraw li s-soluzzjoni u l-konfigurazzjoni tas-servizz jissodisfaw ir-rekwiżiti meħtieġa u jkunu jistgħu jiġu vvalidati fuq l-apparati kompatibbli. Il-mira operattiva hija li l-implimentazzjoni titlesta fl-ewwel kwart tal-2027. Il-kuntratt huwa skont il-proċeduri tal-public procurement regulations mgħoti lil GO plc, Epic u Melita abbażi ta’ żewġ fażijiet, l-installazzjoni u l-ġestjoni tas-CBC u l-istabbiliment, l-integrazzjoni, l-interoperabilita’ u l-monitoraġġ tal-operazzjonijiet mal-operaturi kollha rilevanti tan-Netwerk mobbli. Is-soluzzjoni li qed tiġi implimentata hija bbażata fuq teknoloġija Cell Broadcast. Iżda l-location based SMS ser jiġi kkunsidrat jekk jinħass il-ħtieġa ladarba s-CBC ikun kompletament operattiv. Ic-Cell Broadcast huwa mfassal biex ixandar twissija one-to-many permezz taċ-ċelloli tan-network magħżula fiż-żona affettwata jew dawk ta’ Malta u Għawdex kollha. Għaldaqstant, apparat kompatibbli konness maċ-ċelloli magħżula għandu jirċievi t-twissija irrispettivament min-nazzjonalità tas-SIM, suġġett għall-kompatibbiltà u l-konfigurazzjoni tal-apparat u tan-network.Il-kopertura ta’ persuni fuq roaming, inklużi turisti u persuni barranin temporanjament preżenti fiż-żona affettwata, hija parti mill-għan u r-rekwiżiti tas-soluzzjoni. Ic-Cell Broadcast ma jeħtieġx reġistrazzjoni minn qabel, mobile application, lista ta’ numri tat-telefon, mobile data, Wi-Fi jew konnessjoni mal-internet sabiex titwassal it-twissija lill-apparat kompatibbli fiż-żona magħżula. Is-servizz Cell Broadcast jilħaq apparati li huma kompatibbli ma’ din it-teknoloġija. Hemm possibilita li telefon antik li ma jappoġġjax Cell Broadcast mhux se jirċievi tali twissija. Għalhekk eventwalment tista tiġi kkunsidrata s-soluzzjoni addizzjonali tal-location based SMS. Il-pjattaforma tipprovdi kapaċità għal twissijiet multilingwi. L-Ingliż u l-Malti huma l-lingwi prinċipali previsti, filwaqt li l-użu ta’ lingwi oħra jista’ jiġi determinat skont in-natura tal-emerġenza u l-ħtiġijiet operattivi. Is-sistema tipprovdi kapaċitajiet ta’ monitoraġġ, logging u audit dwar it-trażmissjoni u l-ipproċessar tat-twissijiet min-networks. Madankollu, billi Cell Broadcast huwa mekkaniżmu one-to-many u ma jiddependix fuq lista ta’ numri individwali, il-konferma li messaġġ intbagħat jew ġie pproċessat minn network mhijiex neċessarjament ekwivalenti għal konferma ta’ riċevuta minn kull handset individwali

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tiegħu u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Ministeru għall- Intern u s-Sigurtà , flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Multi/pieni relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1752 u 2004 u jgħid kemm inħarġu multi jew pieni relatati ma’ storbju eċċessiv, imġiba anti-soċjali jew ksur tal-ordni pubblika fis-Swieqi, f’San Ġiljan u f’Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x'kien il-valur totali ta' dawn il-multi u kemm minn dawn ġew effettivament imħallsa?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Community Police - Servizz għal matul il-lejl

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1791, jista’ l-Ministru jgħid liema skwadri jipprovdu servizz ta’ 24 siegħa kuljum? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx bżonn ta’ iktar uffiċjali tal-pulizija fl-għases tad-distrett u b’kemm hu mistenni jiżdied il-complement tal-pulizija f’dak id-distrett?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li fil-lokalitajiet fosthom fil-kostitwenza tal-Onor. Interpellanta jsiru patrols tal-Pulizija mid-distrett u kif ukoll minn uffiċjali b’vetturi mill-RIU, erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Dwar żieda fil-complement kif dejjem ġie rimarkat, dan jiżdied skont l-eżiġenzi tas-servizz

Is-Swieqi u Pembroke – Għases li joffru servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema għases tal-pulizija jservu l-lokalitajiet tas-Swieqi u ta' Pembroke? Jista' jgħid ukoll f'liema ħinijiet joperaw dawn l-għases?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li Swieqi u Pembroke jaqgħu taħt id-Distrett tal-Pulizija ta’ San Ġiljan, fejn l-għassa prinċipali hija miftuħa 24 siegħa kuljum. Barra minn hekk, f’Swieqi jingħataw servizzi mill-uffiċjali tal-Pulizija tal-Komunità u jsiru rondi regolari mill-RIU u mill-uffiċjali tad-distrett. Ir-residenti għandhom faċilitajiet ta’ remote reporting, li jippermettulhom jagħmlu rapporti mill-kumdità ta’ darhom. Dan l-approċċ ta’ prevenzjoni mill-Pulizija qed jikkontribwixxi għat-tnaqqis fil-kriminalità li ġie rreġistrat f’dawn il-lokalitajiet matul dawn l-aħħar snin. Il-pilizija huma aċċessibbli 24 siegħa kuljum.

Forzi Armati ta’ Malta – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jikkwantifika l-ammont ta’ investiment f’inġenji, f’apparat, f’munizzjon u fl-infrastruttura fil-Forzi Armati ta’ Malta, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 ’il hawn, l-investiment totali fil-Forzi Armati ta’ Malta f’inġenji, apparat, munizzjon u infrastruttura ammonta għal €76 miljun, li minnhom €7.5 miljun intefqu matul is-sena 2026, sal-aħħar ta’ Settembru

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jikkwantifika l-ammont ta’ investiment f’inġenji, f’apparat u fl-infrastruttura fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 ’il hawn, l-investiment totali fi ħdan id- Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f’inġenji, f’apparat u fl-infrastruttura tammonta għal €21 miljun.

Santa Venera – Rata ta’ kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-aħħar statistika marbuta mar-rata ta’ kriminalità f’Santa Venera u jgħid x’qed isir abbażi tad-data li tinkiseb sabiex tissaħħaħ is-sigurtà?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Is-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema – Rapporti relatati ma’ storbju, diżordni u mġiba antisoċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1751 u 2003 u jgħid kemm ġew irrappurtati każijiet relatati ma' storbju eċċessiv, imġiba anti-soċjali, ġlied jew diżordni fiż-żoni residenzjali tas-Swieqi, San Ġiljan u Tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn ir-rapporti wasslu għal prosekuzzjonijiet jew għal xi forma ta’ azzjoni legali?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat illi t-tabelli hawn taħt juru każi ta’ ksur  ta’ bon ordni u paċi pubblika li ġew irrapurtati mal-Pulizija u rreġistrati fin-National Police System, f’San Ġiljan, is-Swieqi u tas-Sliema matul l-2024, l-2025 u sa l-15 ta’ Settembru 2026. Dawn il-figuri ma jinkludux ilmenti li jsiru mill-pubbliku lill-Pulizija waqt ir-rondi tagħhom, telefonati dirett lilhom jew tramite messaġġi fuq WhatsApp jew mezzi oħra fejn il-pulizija tintervjeni mill-ewwel fuq tali ilment. Ksur ta’ paċi u ordni pubblika San Ġiljan fis-snin 2024, 2025 and 2026 sa 15/09/2026 irreġistrati fin-NPS 2024 2025 2026 San Ġiljan 34 58 37 Swieqi 7 22 23 Sliema 32 17 21 Kontravenzjonijiet taħt il-Kodici Kriminali, Kap. 9, tal-Ligijiet ta’ Malta, mahruga mill-Pulizija mill-ewwel ta’Jannar, 2024 sas-15 ta’ Settembru f’ San Ġiljan, Sliema u Swieqi. ( tinkludi persuni mhux residenti f’Malta) 2024 2025 2026 San Giljan 3 22 302 Sliema 3 4 122 Swieqi 14 3 351

Qorti t’Għawdex - Każijiet ta’ traffikar tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 464 u 1114 u jgħid kemm-il każ ta’ traffikar ta’ droga tressaq quddiem il-Qrati f’Għawdex matul is-snin 2024, 2025 u 2026, maqsuma sena b’sena, u jindika x’tip ta’ sustanzi kienu involuti f’kull każ?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed nippreżenta tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Sena Numru ta’ każi ta’ pussess sempliċi ta’ droga rrapurtati f'Għawdex Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti skond data tal-Pulizija Numru ta’ persuni mressqa fit-Tribunal skond data mis-sistema LES 2024 14 Nil 3 pussess ta’ kannabis 3 pussess ta’ kokaina 4 pussess ta’ eroina 2025 9 2 pussess ta’ kokaina 2 pussess ta’ kannabis 2 pussess ta’ kokaina 3 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku 2026 sa Settembru 8 1 Pussess ta’ Kannabis 1 pussess ta’ kokaina 1 pussess ta’ kannabis 5 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku

Għawdex - Pulizija, Forzi Armati u Protezzjoni Ċivili – Żieda fl-uffiċjali u membri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 458 u 1048 u jgħid jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu l-uffiċjali tal-Pulizija, il-Membri tal-Forzi Armati u tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex u jekk huwa l-każ, meta huwa ppjanat li jsir dan u kemm huwa n-numru ta’ persuni/uffiċjali li se jiżdiedu, kif ukoll ir-rank tagħhom?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-korpi dixxiplinati kollha minn żmien għal żmien ikun hemm ingaġġ skont il-ħtieġa. F’kull ingaġġ dejjem nieħdu t-taqsimiet kollha in konsiderazzjoni, inkluż it-taqsimiet li jservu f’Għawdex.

Stabbilimenti u każini – Mużika qawwija – Ħinijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid sa x'ħin tista' tindaqq mużika qawwija minn stabbilimenti jew każini, kemm matul is-sena, kemm f'avvenimenti speċjali bħall-aħħar tas-sena u l-Milied, u kemm fi żminijiet partikolari bħal żmien il-festa? Jista' jgħid ukoll jekk issirx differenza bejn stabbilimenti skont il-post fejn qegħdin (żona residenzjali jew le)?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal avvenimenti ta’ darba fuq ġewwa, organizzati fi stabbilimenti jew każini, li jinvolvu daqq ta’ mużika, dawn huma rregolati mill-Artikolu 10 tal-Att dwar il-Liċenzji Kummerċjali (Kap. 441 tal-Liġijiet ta’ Malta), sakemm il-post ma jkunx diġà liċenzjat għal dak it-tip ta’ divertiment. F’dawn il-każijiet, hija meħtieġa awtorizzazzjoni minn qabel mill-Pulizija. Dawn l-avvenimenti jistgħu jibqgħu għaddejjin sas-2:00 ta’ filgħodu, sakemm il-permess maħruġ mill-Pulizija ma jispeċifikax ħin aktar kmieni. Il-Pulizija tista’ wkoll timponi kundizzjonijiet jew restrizzjonijiet oħra fil-permess, li għandhom jiġu osservati mill-organizzaturi.

Membri tal-Korp tal-Pulizija – Miżuri ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika jew ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Il-Furjana – Rata ta’ kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-aħħar statistika marbuta mar-rata ta’ kriminalità fil-Furjana u jgħid x’qed isir abbażi tad-data li tinkiseb sabiex tissaħħaħ is-sigurtà?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Pietà/G’manġa – Rata ta’ kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-aħħar statistika marbuta mar-rata ta’ kriminalità fil-Pietà/G’manġa u jgħid x’qed isir abbażi tad-data li tinkiseb sabiex tissaħħaħ is-sigurtà?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Il-Belt Valletta – Rata ta’ kriminalità

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi l-aħħar statistika marbuta mar-rata ta’ kriminalità fil-Belt Valletta u jgħid x’qed isir abbażi tad-data li tinkiseb sabiex tissaħħaħ is-sigurtà?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.