Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi – Attentati ta’ ħarba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il attentat ta’ ħarba kien hemm miċ-Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi, u jipprovdi d-dati li fihom saru dawn l-attentati? Jista’ jgħid ukoll x’azzjonijiet ittieħdu f’dawn l-aħħar sentejn, wara kull attentat ta’ ħarba?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar sentejn ma kien hemm l-ebda attentat ta’ ħarba miċ-Ċentru għas-Servizzi Residenzjali u Restorattivi.
Infurmat illi l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi, tieħu ħsieb żgħażagħ b’challenging behaviour u persuni bi sfidi ta’ saħħa mentali. Dawn iż-żgħażagħ ħafna drabi jkunu għaddew minn diversi diffikultajiet f’ħajjithom u għalhekk importanti li nippruvaw nifhmu r-realtajiet tagħhom. Dawn jistgħu jesebixxu aġir impulsiv, li jkun hemm bżonn jiġi trattat b’ħafna sensittività, attenzjoni u kura. Fejn ikun hemm bżonn jiġu applikati wkoll miżuri ta’ dixxiplina. Ta’ min isemmi li fil-perjodu mistoqsi, kien hemm żewġ episodji ta’ challenging behaviour minn żagħżugħ residenti f’din il-faċilità u dawn ġraw wara li l-istess persuna irċieva aħbarijiet diffiċli. Dawn l-episodji fl-ebda ħin ma wasslu għal riskju ta’ ħarba. Fil-fatt, qatt ma nqabżet l-ewwel linja ta’ sigurtà fil-perimetru. Għalhekk tajjeb li kull membru jagħraf ir-responsabiltajiet tiegħu.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34330 u jgħid kemm-il persuna tressqet b'arrest quddiem il-Qorti matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minnhom tressqu fuq vjolenza domestika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni li ngħatatli b’rabta mal-mistoqsija tagħha.
Sena
Total ta’ persuni mressqa b'arrest quddiem il-Qorti għal kull reat inkluż DV
Total ta’ persuni mressqa b'arrest quddiem il-Qorti fuq vjolenza domestika mit-total ta’ dawk imressqa
2024
1,218
299
2025
1,635
446
Pjattaformi/strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar - Sigurtà marittima u rispons ta’ emerġenza
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju jew valutazzjoni dwar l-impatt li operat ta’ pjattaformi jew strutturi ta’ ospitalità f’wiċċ il-baħar jista’ jkollu fuq it-traffiku marittimu u s-sigurtà fil-baħar? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jiġu kkunsidrati sabiex jiġi żgurat li s-servizzi ta’ emerġenza marittimi, inklużi dawk tal-Forzi Dixxiplinati ta’ Malta u l-awtoritajiet kompetenti, ikunu jistgħu jirrispondu b’mod effettiv f’każ ta’ inċident jew emerġenza relatata ma’ dawn l-operazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-entitajiet ta’ sigurtá jaħdmu skont il-liġijiet tal-pajjiż, filwaqt li n-natura u klassifikazzjoni ta’ strutturi hija regolata minn awtoritajiet kompetenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm psikologi forensiċi fil-qasam tad-Domestic Violence Unit (DVU)?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Unit tal-Pulizija GBDVU għandha l-assistenza ta’ entitajiet oħra fil-pajjiż li jaħdmu fis-settur, partikolarment l-Aġenzija Appoġġ. Għalhekk taħdem f’tim multi dixxiplinarju bil-għan li l-ħtiġijiet tat-taqsima jkunu dejjem moqdija minn dawn il-professjonisti.
Port tal-Imġarr, Għawdex - Tqegħid ta’ containers/strutturi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 33722, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u jgħid għaliex f’dawn l-aħħar ġimgħat tpoġġew ammont ta’ containers/strutturi fuq xulxin maġenb l-uffiċini tal-Gozo Channel (Channel House) fil-port tal-Imġarr? Jista’ jgħid ukoll għal xiex qed jintużaw dawn il-containers/strutturi u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi kollha meħtieġa tal-awtoritajiet kollha konċernati sabiex taw l-approvazzjoni tagħhom għal dawn il-containers/strutturi fuq xulxin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-aħħar snin, il-Forzi Armati ta' Malta żiedet ir-riżorsi f' Għawdex sabiex tindirizza ż-żieda fl-operat tagħha f'din iż-żona, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf u l-perjodi ta’ vaganzi, meta l-attività marittima tiżdied b’mod sostanzjali. Konsegwentement, saru diskussjonijiet bejn l-entitajiet konċernati sabiex jiġi identifikat sit aktar adatt għall-allokazzjoni permanenti tal-unità tal-FAM stazzjonat fl-Imġarr Għawdex. Sakemm jiġi identifikat sit permanenti u sabiex tiġi indirizzata din il-ħtieġa urġenti, ġie deċiż li jitqiegħdu strutturi temporanji f’żona maġenb il-bini tal-uffiċini tal-Gozo Channel fil-port tal-Imġarr, u dan wara numru ta' diskussjonijiet mal-entitajiet konċernati.
L-istrutturi temporanji tqiegħdu sabiex jintużaw bħala faċilitajiet għas-suldati Għawdxin stazzjonati fil-port ta' l-Imġarr, biex b'hekk jittejbu l-kundizzjonijiet ta' dawn l-istess suldati, partikolarment sabiex jiġu salvagwardati s-sigurtà u l-benesseri tagħhom, kif ukoll sabiex b'dawn il- faċilitajiet il-FAM tkun f' pożizzjoni aħjar biex taqdi l-funzjoni tagħha fit-tramuntana tal-Gżejjer Maltin. Dan b'żieda mal-kundizzjonijiet wara l-ftehim settorjali li ġie maqbul ftit xhur ilu li tejjeb il-kundizzjonijiet u d-drittjiet.
Fit-2 ta’ Ġunju 2025, l-Awtorità tal-Ippjanar ġiet formalment notifikata dwar dawn ix-xogħlijiet temporanji skont il-proċeduri applikabbli taħt LN 211 tal-2016.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' storbju eċċessiv minn residenti fil-Mosta fl-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li, matul is-sena 2025, skont tagħrif miġbur mis-sistema tal-Pulizija, taħt il-kategorija ta’ ksur tal-paċi u l-ordni pubblika, fil-Mosta kien hemm ħmistax (15)-il każ rreġistrat. Dawn jinkludu każijiet relatati ma’ storbju kkawżat minn argumenti, daqq ta’ mużika qawwija, rrevjar ta’ vetturi, kif ukoll storbju waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' storbju eċċessiv minn residenti f’Ħ'Attard fl-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li, matul is-sena 2025, skont tagħrif miġbur mis-sistema tal-Pulizija, taħt il-kategorija ta’ ksur tal-paċi u l-ordni pubblika, f’Ħ’Attard ġew irreġistrati ħames (5) każijiet. Dawn jinkludu każijiet relatati ma’ storbju kkawżat minn argumenti, daqq ta’ mużika qawwija, rrevjar ta’ vetturi, kif ukoll storbju waqt xogħlijiet ta’ kostruzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' storbju eċċessiv fl-2025 madwar Malta u Għawdex, maqsuma xahar b'xahar?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li t-tagħrif fit-tabella li tinsab ma’ din it-tweġiba, miġbur mis-sistema tal-Pulizija, ikopri l-figuri ta’ rapporti rreġistrati fis-sistema dwar każi ta’ ksur tal-paċi u l-ordni pubblika matul is-sena 2025. Dawn jinkludu każi relatati ma’ storbju kkawżat minn annimali, storbju kkawżat bħala konsegwenza ta’ argumenti, ħruq ta’ nar pirotekniku, daqq ta’ mużika qawwija, irrevjar ta’ vetturi u storbju waqt xogħol ta’ kostruzzjoni.
Jannar
31
Frar
20
Marzu
21
April
50
Mejju
43
Ġunju
48
Lulju
50
Awwissu
48
Settembru
49
Ottubru
53
Novembru
27
Diċembru
26
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx assi tal-Forzi Armati ta’ Malta li qed jgħassu l-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament biex jaraw jekk ikunx hemm impatt ambjentali fuq Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li sal-mument li tħejjiet din it-tweġiba parlamentari il-vapur, kien jinsab f’ibħra internazzjonali u l-bogħod minn xtut Maltin. Ninsab infurmat li l-bastiment qed jiġi osservat b’assi tal-ajru tal-Forzi Armati ta' Malta u ta’ pajjiżi ġirien, u ta’ operazzjonijiet militari Ewropej.
Jista’ l-Ministru jgħid x’bandiera kien qed itajjar il-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament meta seħħet l-isplużjoni u jekk dan jinsabx fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-bandiera li kien qed itajjar il-vapur hija dik Russa. Rigward jekk dan jinsabx fuq il-lista ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn kien jinsab il-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament fid-data meta qed issir din il-mistoqsija parlamentari u jagħti l-coordinates:
i) fejn kien il-vapur fil-mument meta seħħet l-isplużjoni u l-ħin x'kien; u
ii) fejn kien il-vapur wara li seħħet l-isplużjoni sat-8 ta’ filgħaxija tat-3 ta’ Marzu 2026, maqsuma siegħa b’siegħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant għal-informazzjoni mogħtija waqt l-Istqarrija Ministerjali tas-seduta 441 tal-4 ta' Marzu, 2026, fejn fiha anke ġie komunikat dak riċevut miċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni tas-Salvataġġ ta’ Malta, tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġie infurmat b’sitwazzjoni ta’ periklu barra ż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta. Għaldaqstant dan il-vapur la kien fit-territorju Malti u lanqas fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid liema bastiment tal-Forzi Armati ta’ Malta mar fil-viċinanzi tal-vapur li t-tagħrif dwaru qed jingħataw separatament, x’ħin telqu minn Malta u kemm kien hemm suldati Maltin abbord?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli interpellant ghal-informazzjoni moghtija waqt l-Istqarrija Ministerjali tas-seduta 441 tal-4 ta' Marzu, 2026, fejn diga gie spjegat li din id-dikjarazzjoni mhux korretta.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 34687, rigward sessjonijiet ta’ taħriġ tal-isparar tal-armi tan-nar li saru mill-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija f’dawn l-aħħar tliet snin, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha u jagħti d-data tas-sessjonijiet ta’ taħriġ, f'liema sezzjoni, fejn saru u liema tip ta’ arma sparaw b'mod separat?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal tweġiba parlamentari 34687. Iktar minn hekk ninsab infurmat li s-sessjonijiet jkunu dejjem imqassma matul is-sena u huma kontinwi skont l-esiġenzi tas-servizz.
Infurmat li kontinwament ikunu għaddejin sessjonijiet ta’ taħriġ diversi kif imsemmija u t-taħriġ fil-pulizija jkopri dawk l-armi li huma wżati mill-korp.
Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Infiq fuq reklamar u promozzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34151 u 34302 u jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll:
i. it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.);
ii. data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u
iii. ammont totali tal-infiq?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' serq minn Ħ'Attard fl-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li Is-serq naqas b’mod sinifikanti, tant li fl-2025 ġie rreġistrat l-inqas numru ta’ każijiet ta’ serq f’għexieren ta’ snin. In-numru naqas b’790 każ, minn 5,218 każ fl-2024 għal rekord baxx ta’ 4,428 fl-2025, saħansitra inqas mis-sena tal-COVID fl-2020. Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025 ġew irreġistrati ħamsa u erbgħin (45) rapport ta' serq ġewwa Ħ’Attard.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' serq mill-Mosta fl-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li is-serq naqas b’mod sinifikanti, tant li fl-2025 ġie rreġistrat l-inqas numru ta’ każijiet ta’ serq f’għexieren ta’ snin. In-numru naqas b’790 każ, minn 5,218 każ fl-2024 għal rekord baxx ta’ 4,428 fl-2025, saħansitra inqas mis-sena tal-COVID fl-2020. Ninsab infurmat illi matul is-sena 2025 ġew irreġistrati seba’ u disgħin (97) rapport ta' serq fil-Mosta.
Trabi li twieldu lil ommijiet barranin – Unknown Father
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trabi mwielda minn ommijiet ta’ nazzjonalità barranija, f’Malta u Għawdex fl-2024 u l-2025, kienu reġistrati b’unknown father’, maqsuma sena b’sena?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-2025 kien hemm 36 tarbija li twieldu f’Malta u f’Għawdex.
Stabbilimenti ta’ divertiment - Persuni mħarrka li nqabbdu jpejpu
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imħarrka persuni li nqabbdu jpejpu fi stabbilimenti ta’ divertiment fl-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ kontravenzjonijiet li nħarġu lill-persuni li nqabdu mill-Pulizija jpejpu fi stabbilimenti, matul is-sena 2025 kien ta’ erba’ mija u tlettax (413) -il każ u tmienja u tletin (38) kontravenzjoni kontra individwi li ppermettew it-tipjip ta’ dan it-tip fuq il-proprjetà tagħhom.