Emendi għal-liġi dwar il-bouncers u l-uffiċjali għarfu tas-sigurtà
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15350, jista’ l-Ministru jwieġeb l-istess mistoqsija u ċjoè jgħid jekk għandux il-ħsieb li jemenda l-liġi dwar il-bouncers u jekk hux se jagħmel talba lill-Ministru tal-Ġustizzja biex isiru tali emendi? Jekk għandu l-ħsieb li jagħmel dan, jista’ jgħid meta, u jekk le, jista’ jgħid għaliex?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15351, fejn il-Ministru stqarr li ‘jsiru verifiki kontinwament mill-pulizija’, jista’ l-Ministru jispjega x’tip ta’ verifiki jsiru u b’liema mod? Jista’ jgħid ukoll jekk isirux spot checks u/jew ittestjar għal xi sustanzi illegali waqt il-qadi ta’ dmirijiethom?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi kull darba li tkun ser tiġġedded liċenzja ta’ bouncer, il-pulizija tivverifika u tara illi l-persuna fil-pussess ta’ din il-liċenzja tkun għada tissodisfa il-kriterji illi taħthom il-liċenzja tkun ħarget oriġinarjament, abbażi tal-Artikolu 10 tal-Kap 389 tal-liġijiet ta’ Malta. Infurmat li minn żmien għal żmien il-Korp tal-Pulizija jagħmel spot checks u jittieħdu passi fil-konfront ta' min ma jsegwix il-liġi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15341, fejn il-Ministru qal li mhux l-intenzjoni tal-Korp li ma jibqax iservi fl-għassa ta’ San Ġiljan, jista’ l-Ministru jgħid meta ser isir investiment għar-refurbishment tagħha peress li għandha bżonn ħafna manutenzjoni biex mhux biss tkun tista’ taqdi l-funzjoni tagħha għall-bżonnijiet tal-lokalità, imma wkoll biex tipprovdi ambjent dinjituż lill-istess pulizija li jservu f’din l-għassa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi dwar manutenzjoni tal-għassa ta’ San Ġiljan, diġà sar ħafna xogħol ta’ manutenzjoni u tiġdid fis-sular t’isfel ta’ l-istess bini. Dan ġie renovat b’mod ħolistiku, u x-xogħol jinkludi titjib fis-sistema tal-elettriku, tiġdid, titjieb tal-faċilitajiet għal-pulizija li jkunu jaqdu l-pubbliku, tiġdid ta’ parquet u bibien, madum ġdid f’xi żoni tal-binja u xogħol relatat ieħor. Bħalissa qed jitkompla x-xogħol ta’ renovar estensiv, fis-sular ta’ fuq tal-istess għassa.
Awtorità independenti dwar id-drittijiet tal-bniedem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-pjan li jkun hemm awtorità independenti dwar id-drittijiet tal-bniedem, liema awtorità jkollha:
i. saħħa kostituzzjonali u li tirrapporta direttament lill-Parlament u mhux lill-Ministru;
ii. jinġabru fi ħdanha l-kummissarji kollha li b’xi mod jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem u
iii. li jkollha l-istess tifsila li għandu l-Uffiċċju tal-Ombudsman li fi ħdan dan l-uffiċċju hemm tliet kummissarji?
Jekk diġà hemm dan il-pjan, jista’ jagħti iktar dettalji?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif imwiegħed fil-manifest elettorali Malta Flimkien, il-Gvern jinsab għaddej bil-ħidma tiegħu sabiex jimplimenta pakkett leġiżlattiv bla preċedent li jafferma l-prinċipji ewlenin ta’ x’nifhmu b’ugwaljanza f’pajjiżna. Dan il-pakkett leġiżlattiv jagħti funzjonijiet ġodda lill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza biex tevolvi f’Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Ugwaljanza, b’iktar garanziji ta’ indipendenza u awtonomija. Fl-istess waqt ser jinħolqu strutturi legali ġodda li b’rispett lejn il-Kostituzzjoni, ikollhom l-għan li jagħtu rimedji iktar effettivi, iktar spediti u aħjar meta jiġi ppruvat li xi ħadd sofra ksur inġust tal-prinċipju ta’ ugwaljanza. Huwa maħsub li l-Kummissjoni tmexxi Kumitat Konsultattiv Permanenti li jkun magħmul minn Kummissarji li b’xi mod jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem. Dan ikun qed isir biex ikun hemm element b’saħħtu ta’ koordinazzjoni u koerenza fit-tisħieħ tad-drittijiet tal-bniedem f’pajjiżna.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11220 fejn jingħad li jekk ‘aġenzija Identità tirċievi rapport sostanzjat dwar allegat abbuż, isiru l-verifiki meħtieġa u tittieħed l-azzjoni neċessarja’, jista’ l-Ministru jgħid kemm l-aġenzija Identità irċeviet rapporti ta’ sfruttament ta’ immigranti minn pajjiżi terzi, maqsuma sena b'sena, mill-2013 sal-aħħar tas-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom kienu sostanzjati u investigati, sena b'sena, mill-2013 sa l-aħħar tas-sena 2023?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li l-Aġenzija Identità tinvestiga kwalunkwe rapport li jidħlilha.
Infurmat ukoll li t-Taqsima tal-Compliance twaqqfet reċentement fi ħdan din l-Aġenzija, u matul is-sena 2023 fetħet 197 investigazzjoni li minnhom 122 huma magħluqa.
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont tat-total ta' gwardjani lokali, u jipprovdi informazzjoni dwar kemm irtiraw, kemm waqfu volontarjament milli jkomplu fis-servizz, u kemm żdiedu sal-31 ta' Diċembru 2022?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li r-rendikont mitlub jinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt.
2022
Bidu tas-sena
Irtiraw
Waqfu volontarjament
Kemm żdiedu
Total ta' Uffiċjali tal-komunità
122
0
16
19
125
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont tat-total ta' gwardjani lokali, u jipprovdi informazzjoni dwar kemm irtiraw, kemm waqfu volontarjament milli jkomplu fis-servizz, u kemm żdiedu sal-31 ta' Diċembru 2021?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi l-informazzjoni mitluba mil-Onorevoli Interpellant, qiegħda fit-tabella riprodotta hawn taħt.
2021
Bidu tas-sena
Irtiraw
Waqfu volontarjament
Kemm żdiedu
Total ta' Uffiċjali tal-komunità
112
3
14
27
122
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont tat-total ta' gwardjani lokali, u jipprovdi informazzjoni dwar kemm irtiraw, kemm waqfu volontarjament milli jkomplu fis-servizz, u kemm żdiedu sal-31 ta' Diċembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li r-rendikont mitlub jinsab fit-tabella riprodotta hawn taħt.
2020
Bidu tas-sena
Irtiraw
Waqfu volontarjament
Kemm żdiedu
Total ta' Uffiċjali tal-Komunità
86
0
0
26
112
Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li tħallew jagħmlu użu mill-faċilità fil-Marsa
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il-priġunier tħalla jagħmel użu mill-faċilità fil-Marsa fejn jistgħu jiltaqgħu mat-tfal tagħhom? Jista' jgħid ukoll kemm kien it-total ta' tfal li tħallew jiltaqgħu mal-ġenituri tagħhom li jinsabu priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Fl-aħħar xhur sar proġett mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza b’kollaborazzjoni bejn l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-Fondazzjoni mid-Dlam għad-Dawl, fejn għall-ewwel darba beda jkun possibli li priġunieri li qed jiskontaw sentenza fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jiltaqgħu u jqattgħu ftit ħin ma’ wliedhom u l-membri tal-familja tagħhom f’binja apposta fil-Marsa, ’il bogħod mill-ħitan tal-ħabs taħt il-ħarsien ta’ professjonisti soċjali. Din il-binja hija waħda adattata biex tilqa’ tfal f’ambjent ferm aktar rilassat iżda fejn xorta waħda se jkun assigurat l-aqwa u l-ogħla livell ta’ sigurtà. Dan sar sabiex ikun offrut ambjent aħjar fejn persuni li jkunu qed jiskontaw sentenza jkollhom ċans aqwa li tinbena relazzjoni ma’ minuri f’ambjent li huwa differenti minn ħabs. Dan huwa parti mill-isforz kbir rijabilitattiv li qed isir fl-aħħar snin u ser ikompli jsir. F’dan iż-żmien kien hemm 73 tifel u tifla li ltaqgħu mal-familjari tagħhom li qed jiskontaw sentenza, għal total ta’ 42 priġunier/a differenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il salvataġġ fuq il-baħar għamlu l-Forzi Armati ta' Malta fis-sena 2023, u jagħti d-dettalji ta' kull każ, inkluż kemm-il persuna kien hemm li kellhom bżonn l-għajnuna, x'nazzjonalità kienu, l-etajiet u x'kien l-eżitu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Il-Forzi Armati ta’ Malta wettqet mija’ tnejn u għoxrin (122) każ ta’ salvataġġ fuq il-baħar, b’total ta 494 persuna (461 adulti u 33 minuri) li ġew salvati u mgħoddija lill-awtoritajiet kompetenti. In-Nazzjonalitajiet ivarjaw minn ċittadini Maltin, Ewropej u ċittadini minn pajjiżi terzi.
Uffiċjali adetti biex jużaw l-ispeed guns — Taħriġ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ ingħataw, minn min u kemm dam dan it-taħriġ lill-uffiċjali adetti għall-użu tal-ispeed guns?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-uffiċċjali tal-Pulizija u l-aġenzija LESA indikati fit-tweġiba għal mistoqsija numru 15522, ingħataw it-taħrig tagħhom biex jużaw l-ispeed guns mill-fornitur tal-apparat kif ukoll minn professjonisti fil-qasam relatat mas-suġġetti indikati hawn taħt. It-taħriġ ġie mogħti kemm fiżikament, virtwalment u anke permezz ta’ dokumentazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk jeżistux linji gwida kif jintużaw l-ispeed guns?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi waqt illi l-użu ta’ speed guns ilu użat minn membri tal-korp tal-pulizija u allura l-għarfien u l-ħiliet miksuba dwar l-u¿u tal-apparat ilu għal żmien konsiderevoli, dan barra li teżisti informazzjoni mportanti fuq l-użu tal-ispeed cameras li hi aċċessibbli fil-website tal-Korp. L-użu tal-apparat minn uffiċċjali tal-LESA huwa iktar riċenti u huwa wkoll kopert b’linji gwida interni maħruġa apposta għal dan il-għan, permezz ta’ proċeduri operattivi standard dwar is-suġġett.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ġew ikkalibrati l-ispeed guns u minn min?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-speed gun iġorr it-“type approval” ta’ kumpanija li zviluppat dan l-apparat, fejn jinħareġ ċertifikat ta’ konformita’. L-ispeed guns jiġu ikkalibrati skont ir-rekwiziti legali, u fil-pre¿ent dan isir darba kull sentejn billi l-apparat jintbagħat barra minn Malta għand kumpanija ċertifikata internazzjonalment. Bħalissa, il-kalibrazzjoni qed issir minn kumpanija fejn tintu¿a proċedura iebsa ta’ kalibrazzjoni f’laboratorju akkreditat tal-United Kingdom Accreditation Service (UKAS). Iċ-ċertifikazzjonijiet kollha huma approvati ukoll lokalment mill-MCCAA. Dan l-apparat huwa approvat ukoll mill-Ministru tat-Trasport abba¿i tar-rekwi¿it fl-artikolu 127 tal-Ligi Sussidjarja 65.11, ippublikata fil-Gażżetta tal-Gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid xi protocols intużaw meta ġew użati l-ispeed guns?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-għan huwa li jkunu evitati aktar inċidenti u disgrazzji li jġib miegħu sewqan eċċessiv. Ukoll il-protokolli li jintużaw huma dawk li l-Pulizija u l-Aġenzija jistabilixxu li hu l-aħjar skond kif jitlob is-sit, fejn ikun ser isir l-użu tal-ispeed guns. Dan sintendi jsir abbażi tal-provedimenti tal-Ligi Sussudijarja dwar l-użu ta’ speed guns jew apparat simili kif tipprovidi l-istess liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar l-ispeed guns dwar fejn għandhom jintużaw u kif?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-għan tal-użu tal-ispeed guns huwa li jservu ta' deterrent kontra s-sewqan eċċessiv li jista’ jwassal għal inċidenti, disgrazzji u mwiet. Ninsab infurmat illi barra minn dak li diġa ingħad f'risposti oħrajn, dawn li speed guns jintużaw l-aktar fejn l-abbuż fis-sewqan ikun apertament ċar u regulari, u ħafna drabi dan jiġi diskuss kemm mal-Pulizija, inkluż il-pulizja tal-Komunità, Kunsilli Lokali u partijiet interessati oħra.
Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħad-Dingli — użu tal-kannabis fil-pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni li nqabdu jpejpu l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-lokalitajiet ta' Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħad-Dingli matul dawn l-aħħar erba' xhur?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar erba' xhur ma kien hemm ebda persuna li nqabdet tpejjep l-kannabis fil-pubbliku ġewwa l-lokalitajiet ta' Ħaż-Żebbuġ, ir-Rabat u Ħad-Dingli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjani biex f’pajjiżna jkollna servizz professjonali u aċċessibli ta’ tradutturi (translators) biex ħaddiema fis-servizz pubbliku, fil-qasam tas-saħħa, edukazzjoni, soċjali u legali jkunu jistgħu jikkomunikaw b’mod effettiv ma’ min qed jirċievi s-servizz?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Is-settur pubbliku jieħu inizjattivi kontinwi biex isaħħaħ is-servizz li joffri lill-klijenti tiegħu.
L-inizjattivi meħtieġa jvarjaw skont il-każ.
Il-qtil ta’ Karin Grech — Investigazzjoni tal-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-qtil ta’ Karin Grech għadhiex miftuħa jew le? Jekk magħluqa, jista’ jgħid meta ngħalaq il-każ uffiċjalment u għalfejn ingħalaq?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant investigazzjonijiet f’allegati illegalitajiet isiru mill-istituzzjonijiet relevanti li jaħdmu lil hinn mill-politiku. Infurmat li bħala regola ġenerali każ ma jkunx magħluq jekk ma jkunx solvut.