Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — mandat ta' inibizzjoni kontra xi trade union

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema kienu l-entitajiet fi ħdanha, u meta, li talbu l-ħruġ ta’ mandat ta’ inibizzjoni kontra xi trade union wara l-2017?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-2 ta' Frar 2018, il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ippreżentat rikors fejn talbet il-ħruġ ta' mandat ta' inibizzjoni kontra l-Malta Union of Teachers u l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol.

Aġenzija Sapport: Ilmenti minn klijenti/residenti

Question

Tista’ l-Ministru tindika n-numru ta’ ilmenti li resqu l-klijenti/residenti u/jew il-familjari tagħhom mill-għoti tas-Servizzi ta’ Matul il-Jum u d-Djar Residenzjali matul is-snin 2018, 2019 u s-sena l-oħra? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti u jekk dawn l-ilmenti ġewx indirizzati?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tilqa’ l-ilmenti u s-suġġerimenti tal-persuni b’diżabilità u l-familjari tagħhom, tara kif tista’ ttejjeb il-livell tas-servizzi u li tibqa’ tilħaq l-istandards mistennija. Dawn l-ilmenti, f’każ tas-servizzi ta’ matul il-jum u s-servizzi residenzjali normalment ivarjaw minn ħrug għal aktar servizzi personalizzati. Fl-aħħar xhur l-Aġenzija waqqfet dipartiment fi ħdanha li jassessja l-kwalità tas-servizzi u jara li l-livell tas-servizzi mogħtija huma dejjem ta’ livell għoli u skont l-interessi tal-persuni b’diżabilità.

CRPD — kontravenzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inqabdu kontravenzjonijiet mis-CRPD tul l-aħħar sentejn?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità m'għandiex poteri legali li toħroġ kontravenzjonijiet.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — impjieg, tender jew direct order lill-persuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha jew xi entità li taqa' taħtha tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqaw taħtu ma taw l-ebda impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.

Skema ‘Care at Home’ għal persuni b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se tintroduċi Skema Carer at Home bħalma għandhom l-anzjani sabiex persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Aġenzija Sapport tmexxi diversi servizzi u skemi fosthom dawk li jagħtu sostenn lil persuni b’diżabilità u lill-familjari tagħhom fil-komunità. Permezz ta’ dawn is-servizzi u skemi, persuna b’diżabilità jista’ jkollha għajnuna ta’ Support Worker mill-Aġenzija jew carer tal-għażla tagħha, inkluż assistent personali, skont is-sigħat ta’ għajnuna li din ikollha bżonn u skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ kull każ. Professjonisti jassessjaw u jsegwu l-każijiet. Dawn is-servizzi u skemi huma kumplimentati wkoll minn diversi servizzi u skemi oħrajn li kollha huma intenzjonati li jżidu l-indipendenza tal-persuna b’diżabilità u ċ-ċans li jibqgħu jgħixu fil-komunità.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-entitajiet u awtoritajiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-mistoqsijiet parlamentari 12908 u 18171.

Każijiet ta’ abbuż fuq tfal b’diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew irraportati każi ta’ abbuż fuq tfal b’diżabilità matul is-snin 2018, 2019 u s-sena l-oħra? X’tip ta’ abbuż kien u kemm tressqu persuni l-Qorti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità irċeviet rapport ta’ każ ta’ abbuż fl-2018, tnejn fl-2019 u l-ebda wieħed fl-2020. Dawn kienu kollha każijiet ta’ telqa jew abbandun. F’żewġ każijiet, il-Kummissjoni ffaċilitat diskussjoni bejn l-entitajiet kollha kkonċernati sabiex il-ħtiġijiet tal-minuri jiġu ndukrati, u f’każ ieħor saret laqgħa mal-Aġenzija Appoġġ, peress li dan kien każ ta’ minuri li dik l-Aġenzija kienet diġa infurmata dwaru. Il-Kummissjoni m’hijex f’pożizzjoni li tgħid kemm tressqu persuni l-Qorti peress li hi tinvestiga każijiet ta’ diskriminazzjoni, filwaqt li dawk ta’ abbuż ma jaqgħux taħt il-kompetenza tagħha.

Aġenzija Sapport: Ħidma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ħidma twettqet mill-Aġenzija Sapport fis-sena 2019 u s-sena l-oħra?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħidma ta’ Aġenzija Sapport matul il-perjodu msemmi qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra. Dawn l-proġetti huma apparti proġetti u programmi li jitwettqu fil-ħidma tal-Aġenzija b’mod regolari direttament mal-klijenti u l-familjari tagħhom.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji — impjegati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-persuni li preżentement jinsabu impjegati fl-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji preżentement jirrisjedu fi kwalunkwe waħda mil-lokalitajiet imniżżla hawn isfel? Birżebbuġa, Ħal Kirkop, L-Imqabba, Ħal Farruġ, Ħal Luqa, Il-Qrendi, Ħal Safi, Iż-Żurrieq, u Bubaqra, Iż-Żurrieq

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel referenza ghal PQ 20607

Servizz Star 25

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4978, tista’ l-Ministru tindika kemm hawn klijenti li qed jagħmu użu mis-servizz Star 25? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan is-servizz tant importanti?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li fid-data ta’ din it-tweġiba, 29 persuna b’diżabilità huma reġistrati mas-servizz Star 25. Studenti li jattendu Resource Centres jistgħu jiġu referuti lejn dan is-servizz wara li jsir il-proċess tal-assessjar neċessarju. Familjari ta’ persuni b’diżabilità li jixtiequ jibdew jaċċessaw dan is-servizz jistgħu wkoll iċemplu fuq il-Helpline tal-Aġenzija Freephone 153 sabiex professjonisti jkunu jistgħu jagħmlu l-assessjar meħtieġ. Persuni li jkunu diġà qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum mill-Aġenzija Sapport jistgħu wkoll jibdew jagħmlu użu mis-servizz ta’ Star 25 jekk il-bżonnijiet tagħhom jinbidlu u għaldaqstant ikun ġie deċiż li dan is-servizz ikun ta’ aktar benefiċċju. Il-proċeduri kollha msemmija hawn fuq isiru bi qbil mal-familji involuti.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – ċentri ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tindika jekk u meta se jinfetħu aktar Ċentri ta’ Matul il-Jum sabiex jiġu megħjuna aktar persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Aġenzija Sapport għandha pjan li jiġu żviluppati u eventwalment jinfetħu żewġ (2) ċentri ta’ matul il-jum ġodda, wieħed f’Ħal Tarxien u ieħor f’Wied il-Għajn. Dan minbarra li fil-preżent l-Aġenzija tmexxi 11-il Ċentru f’Malta u Għawdex waqt li żewġ Ċentri oħra f’Malta jitmexxew bi qbil ma’ entitajiet oħra.

Proġett Disability Hub

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-Proġett Disability Hub u fejn wieħed għandu jmur sabiex jagħmel użu minn dan is-servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal-liema Proġett ta’ Disability Hub qed jirreferi.

EquestriMalta – CEO — Membri tal-Interviewing board

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min kien kompost l-interviewing board għall-ħatra ta' CEO ta’ EquestriMalta, u kemm mill-membri kienu f'isem il-Malta Racing Club, il-Malta Polo Club u EquestriMalta?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat f’din il-leġiżlatura għall-PQ 20679.

Vouchers għal Cat Feeders — xiri ta' ikel minn petshops

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsjiet parlamentari 20767 u 19520 li saru lill-Ministru għall-Agrikolutra, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali u 19368 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u ġentilment jgħid jekk meta cat feeder imur għand il-kunsill lokali biex jieħu vouchers biex jagħtihom lil cat feeders hux obbligat li jixtri ikel minn pet shop partikulari magħżul mill-Kunsill Lokali jew inkella hux fil-libertà li jixtri minn fejn irrid? Jekk il-pet shop ikun magħżul mill-Kunsill Lokali fuq liema mertu jintagħżel?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex tressaq din id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Aġenzija Sapport: Każijiet pendenti

Question

Tista’ l-Ministru tindika n-numru ta’ każijiet pendenti fis-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ każijiet pendenti fuq il-lista ta’ stennija fis-servizzi ta’ Aġenzija Sapport sad-data tat-30 ta’ April, qed titpoġġa fuq l-Mejda tal-Kamra.

Marigold Foundation — accounts

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-accounts tal-Marigold Foundation li ġew ippreżentati lill-Kummissarju tal-Għaqdiet volontarji sena b'sena mill-2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista' jindika liema kienu audited u liema le?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jitpoġġew fuq l-Mejda tal-Kamra l-accounts tal-organizzazzjoni volontarja Marigold Foundation għas-snin 2014, 2015, 2016, 2017, 2018 u 2019 li ġew sottomessi lill-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji. Dawn l-accounts kollha huma awditjati. L-accounts huma dokumenti pubbliċi skont l-Att għall-Organizzjonijiet Volontarji (Kap 492 tal-Liġijiet ta’ Malta). Kull persuna tista’ titlob kopja tal-accounts tal-organizzazzjonijiet iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.

Allowances ta’ diżabilità

Question

B’referenza għal punt 85 fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-2017, tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġux allowances ta’ diżabilità għal kundizzjonijiet “moħbija” bħal Fibromyalgia?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex tressaq id-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja – persuni b’diżabilità impjegati

Question

Tista’ l-Ministru, bħala Ministru għall-persuni b’diżabilità tgħid kemm hemm nies b’diżabilità impjegati fis-segretarjat tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-Segretarjat tiegħi hemm impjegata persuna waħda b’diżabilità.

Malta Racing Club — elezjoni għal rappreżenanti tal-horse owners

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari fejn il-Ministru qed tikkonferma li ma saritx elezzjoni ġdida għal rappreżentanti tal-horse owners fil-kunsilll tal-Malta Racing Club, u ġaladarba l-Ministru qed tirrikonoxxi lil HOADA bħal assoċjazzjoni sportiva indipendenti, tista' l-Ministru tgħid jekk qattx assistiet lill-assoċjazzjoni tal-horse owners biex jorganizzaw ruħhom u l-isport tagħhom kif isir ma’ għaqdiet sportivi oħra?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li assistenza lill-HOADA tingħata fil-kuntest tar-realtajiet speċifiċi tal-isport in kwistjoni. Differenza minn dak li kien isir fil-passat, huwa kommess pubblikament li se tingħata għajnuna sabiex għall-ewwel darba fl-istorja il-HOADA ikollha bażi solida li minnha tkun tista’ twettaq ħidma u tirrapreżenta lis-sidien u s-sewwieqa.

Korsa tal-Marsa – ramel

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 20653, tista' l-Ministru tgħid jekk dak il-persuna/persuni li semmiet li approvaw r-ramel li għadu kif inġib huwiex/humiex l-istess persuna/persuni li approvaw r-ramel ħażin li għadu kif tneħħa?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma l-istess persuna/persuni li waqqfu l-konsenja preċedenti tar-ramel li kien se jingħata fil-Korsa taż-Żwiemel fil-Marsa.