B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11429, tista’ l-Ministru tikkonferma li attwalment wara l-emendi li saru fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap 379 tramite l-Att Numru XVI tal-2019, id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) f’kull istanza fir-rigward ta’ ħruġ ta’ deċiżjoni regolatorja – ukoll jekk id-deċiżjoni ma tittrattax dwar l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew xi forma ta’ penali finanzjarja – irid l-ewwel jagħmel talba lill-Qorti għal ħruġ ta’ deċiżjoni? Jekk dan hu l-każ, tista’ l-Ministru tispjega għalfejn ġiet introdotta tali proċedura wkoll f’istanzi fejn il-ħruġ ta’ deċiżjoni regolatorja mhijiex marbuta mal-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew xi forma ta’ penali finanzjarja?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mhux f’kull istanza fir-rigward ta’ ħruġ ta’ deċiżjoni, id-Direttur Ġenerali tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni irid jagħmel talba lill-Qorti.
Skond it-termini tal-artikolu 17 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni d-Direttur Ġenerali jista’ minflok jibda proċeduri ġudizzjari joħroġ deċiżjoni ta’ rabtiet fejn jagħmel l-irbit vinkolanti fuq l-intrapriża jew l-għaqda ta’ intrapriżi.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-Belt
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm għandha impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt u jekk humiex eżentati mis-CVA?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm l-ebda impjegati li għandhom permess li jipparkjaw il-karozza privata tagħhom il-Belt jew li huma eżentati mis-CVA.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Chairpersons u membri ta’ entitajiet pubbliċi
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma ċ-Chairpersons u l-membri ta’ kull entità pubblika - irrispettivament mill-mod kif deskritti - li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, u f’kull każ tgħid:
(a) kull persuna kemm ilha fil-ħatra; u
(b) meta tiġi fit-tmiem il-ħatra attwali ta’ kull persuna?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11677, tista’ l-Ministru tgħid l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) meta l-aħħar ippubblikat il-lista li fiha kienet tiġbor il-mediċini li l-prezz tagħhom kien raħas? Tista’ tgħid ukoll kull kemm kienet tiġi ppublikata f’dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2018 sal-lum, il-lista li tiġbor il-mediċini li l-prezz tagħhom raħas ġiet ippubblikata 4 darbiet kif inhu indikat mill-istqarrijiet li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Remunerazzoni ta’ individwi
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-individwi fi ħdan il-Ministeru tagħha, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Ministru nnifsu? Tista’ tgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12090.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew approvati permessi ta’ Disabled Parking f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma rispettivament, u tgħid ukoll f’liema lokalitajiet dawn ingħataw?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il blue badge ġiet irtirata jew ma ġietx imġedda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b' Diżabilità u mill-Aġenzija Sapport, separatament għal kull sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dokumenti tal-Blue Badge li ma ġewx imġedda jew ġew irtirati minn Aġenzija Sapport u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, hu kif ġej:
Dokumenti mhux imġedda
Dokumenti irtirati
Jannar – Diċembru 2022
873
0
Jannar – 10 ta’ Ottubru 2023
1,236
13
B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il blue badge ġdida nħarġet u kemm-il blue badge ġiet imġedda mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità u mill-Aġenzija Sapport, separatament għal kull sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ dokumenti tal-Blue Badge ġodda jew imġedda li ħarġu minn Aġenzija Sapport u mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, hu kif ġej:
Dokumenti ġodda
Dokumenti mġedda
Jannar – Diċembru 2022
1,796
903
Jannar – 10 ta’ Ottubru 2023
1,728
670
Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità — Rapporti foloz dwar blue badges
Question
B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid kemm-il rapport ta' blue badge falza wasal għand il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità? Minn dawn kemm-il każ fil-fatt instab li kien veritier, u kemm il-każ baqa’ biex jiġi verifikat separatament għal kull sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità matul l-2022 irċeviet 113-il rapport u matul l-2023 irċeviet 115-il rapport sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari. Minn dawn, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda każ li għad irid jiġi vverifikat.
Fl-2022 kien hemm sitt każijiet li spiċċaw il-Qorti, fejn f'erbgħa minnhom instabet ħtija u fi tnejn le. Minkejja dan, il-Kummissjoni xorta tħoss li l-każijiet kienu kollha veritieri. Fl-2023 kien hemm tliet każijiet li spiċċaw il-Qorti, fejn fi tnejn instabet ħtija u waħda għad trid tinqata' mill-Qorti.
B'referenza għall-perjodu bejn Jannar 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, tista’ l-Ministru tgħid x'azzjoni ttieħdet fuq persuni li nqabdu jabbużaw mill-Blue Badge? X'kienet ir-raġuni tal-abbuż (blue badge falza, blue badge skaduta, blue badge ta' persuna li ma għadhiex ħajja eċċ.), separatament għal kull sena?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi malli l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità tirċievi rapport ta' abbuż minn Blue Badge, hija tagħmel il-verifiki tagħha. Dan jinkludi t-tqabbil tal-evidenza mad-database tal-Blue Badges, iċċekkjar tal-ġeneralitajiet tal-persuni ssuspettati u tal-vejikoli li jissemmew fir-rapporti. Imbagħad, il-Kummissjoni jew tkellem direttament lill-persuni illi allegatament qed jabbużaw, jew tirrappurtahom lill-Aġenzija Sapport sabiex isiru l-verifiki neċessarji min-naħa tal-istess Aġenzija, inkella tagħmel rapport lill-Pulizija sabiex tixlihom quddiem il-Qorti.
Matul l-2022 u l-2023 kien hemm każijiet ta' użu ta' Blue Badges skaduti, Blue Badges ikkupjati, użu ta' Blue Badges ta' persuni li ġew nieqsa, użu ta' Blue Badges li ġew irrappurtati mitlufa u Blue Badges iffalsifikati. F'dawn il-każijiet kollha, il-Blue Badges li ntużaw abbużivament inġabru mill-Kummissjoni.
Senjatament fl-2022 kien hemm każ fejn id-data ta' skadenza tal-Blue Badge ġiet imbagħbsa u fl-2023 kien hemm każ fejn ir-ritratt fuq il-Blue Badge ġie ssostitwit b'ritratt li jġib il-fattizzi ta' persuna oħra.
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – politika dwar is-saħħa mentali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha għandux politika għas-saħħa mentali biex is-saħħa mentali tiġi integrata fit-tfassil ta’ kull politika mill-istess Ministeru? Jekk le, tista’ tgħid jekk hemmx il-pjan li titfassal u tiġi adottata din il-politika (mental health policy)?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru, bħala parti mis-Servizz Pubbliku, huwa marbut mill-politika ċentrali fuq is-saħħa mentali. Minbarra hekk tajjeb li jingħad ukoll li fil-Ministeru tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.
Tista’ l-Ministru tipprovdi kopja tal-kodiċi ta’ kondotta li tirregola kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-uffiċċju għal kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u dan in konformi mad-Direttiva (UE) 2019/1?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kodiċi ta’ Kondotta li jirregola kunflitti ta’ interess fir-rigward tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni u li huwa riferut fi premessa 21 tad-Direttiva (UE) 2019/1 huwa l-istess kodiċi ta’ Etika li jinsab fil-Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri, fl-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika, li japplika għall-impjegati pubbliċi.
Illi dan ukoll skont l-artikolu 46(1) tal-Kap. 510 tal-Liġijiet ta’ Malta, jiġifieri tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, li jistipula illi “Uffiċjali u impjegati tal-Awtorità għandhom jimxu ma’ kull Kodiċi tal-Etika applikabbli għall-impjegati pubbliċi u għandu jkollhom, bla ħsara għal kull liġi kuntrarja, l-istess obbligi taħtu”.
Illi ssir referenza ukoll għall-artikoli 13A(a)(iii), 45, 46(2) tal-Att dwar l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur liema dispożizzjonijiet jirregolaw sitwazzjonijiet ta’ kunflitt ta’ interess.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm attwalment l-Uffiċċju għal Kompetizzjoni qed jinvestiga każijiet dwar allegat ksur tal-artikoli 5 u/jew 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379? Tista’ tgħid ukoll, f’kull każ, fir-rigward ta’ liema qasam qed isiru l-investigazzjonijiet, u l-istatus ta’ kull investigazzjoni?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għandu għaxar investigazzjonijiet pendenti dwar allegat ksur tal-artikoli 5 u/jew 9 tal-Att dwar il-Kompetizzjoni, Kap. 379.
L-investigazzjonijiet jikkonċernaw is-segwenti oqsma: Intrattiment, Enerġija, Telekomunikazzjoni, Saħħa, Annimali, Marittimu.
Nixtieq niċċara li din l-informazzjoni qed teskludi dawk is-sitwazzjonijiet fejn l-Uffiċċju jibgħat diversi talbiet għall-informazzjoni b’mod informali fejn l-intrapriżi jwieġbu fuq bażi volontarja u jagħmel diversi laqgħat mhux f’kuntest ta’ investigazzjoni formali sabiex jivvaluta jekk hemmx lok sabiex tinfetaħ investigazzjoni jew sabiex jieħu xi azzjoni oħra.
L-istadju tal-investigazzjonijiet quddiem l-Uffiċċju jvarjaw. Pereżempju hemm investigazzjonijiet li jkunu għadhom fi stadju inizjali tal-ġbir tal-informazzjoni, oħrajn fejn progressaw iktar u l-Uffiċċju jkun qiegħed jistenna għall-informazzjoni ulterjuri qabel ma jiddetermina l-pass li jmiss, oħrajn fejn ikunu waslu fi stadju avvanzat fejn l-Uffiċċju jkun beda jabbozza r-riżultanzi proviżorji tiegħu. Hemm investigazzjonijiet oħra li jkunu fi stadju aktar avvanzat fejn l-Uffiċċju jkun ħareġ riżultanzi proviżorji u jkun qiegħed jeżamina r-risposti riċevuti.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mid-Direttur Ġenerali għal Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), fejn telenka fir-rigward ta’ liema settur inħarġet id-deċiżjoni, mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll f’kull istanza, jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontestata u x’kien l-eżitu finali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2018 inħarġu żewġ deċiżjonijiet amministrattivi: waħda fir-rigward ta’ operatur ta’ online dating website li ġiet appellata, fejn waqt l-appell l-operatur istitwixxa kawża kostituzzjonali li ġiet akkolta mill-Qorti u għalhekk ċeda l-imsemmi appell peress li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat id-deċiżjoni amministrattiva bħala nulla peress li tilledi d-drittijiet fondamentali tal-operatur li jinsabu fl-artikolu 39 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta; u oħra fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet li minnha ma sarx appell.
Fl-2019 inħarġet deċiżjoni amministrattiva fir-rigward ta’ operatur tal-komunikazzjonijiet li minnha ma sarx appell.
Sussegwentement il-liġi ġiet emendata permezz tal-Att XVI tal-2019 sabiex tkun il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Kummerċ) li toħroġ deċiżjonijiet u mhux id-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur).
Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti (Kap. 427) — Irtitar ta’ Prodotti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid fl-ambitu tal-Att dwar is-Sigurezza tal-Prodotti, Kap. 427, kemm il-prodott ġie irtirat mis-suq u għaliex, għax mhux konformi man-normi tal-istess Kap 427 u/jew mar-regolamenti magħmula skont dik il-liġi mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Tista’ tgħid ukoll f’kull każ, x’kien il-prodott u x’passi regolatorji ttieħdu apparti l-irtirar tal-prodott mis-suq?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2016 u l-aħħar ta’ Settembru 2023 ġew irtirati 678-il prodott minn fuq is-suq wara l-intervent tal-MCCAA, maqsuma sena b’sena skont it-tip ta’ prodott kif indikat fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk, il-Kummissjoni Ewropea, Membri Stati oħrajn u l-awtoritajiet ikkonċernati ġew innotifikati bil-miżuri regolatorji meħuda bl-għan li tiġi pprevenuta l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-prodotti fis-suq Ewropew.
Tista' l-Ministru tgħid meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta’ rinovar li ilu għaddej għal numru ta’ xhur fl-Uffiċċju tas-Servizzi Soċjali fil-Mosta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
MCCAA — Lista ta’ deċiżjonijiet regolatorji meħuda mid-Direttur Ġenerali
Question
Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mid-Direttur Ġenerali, Kompetizzjoni f’ħdan l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), sena b’sena mill-2016 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fejn telenka fir-rigward ta’ liema settur inħarġet id-deċiżjoni? F’kull istanza, tista’ tgħid jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontesta u x’kien l-eżitu finali?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba rigward deċiżjonijiet regolatorji maħruġa mill-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni mill-2016 u li tinkludi s-settur konċernat, jekk id-deċiżjoni ġietx ikkontestata u x’kien l-eżitu finali.
Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur — Reviżjoni tad-danni morali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hiex lesta li tqis li l-ammont ta’ danni morali skont l-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378, jiżdied mill-attwali massimu ta’ €500 għal €1,000, u dan meta wieħed iqis li dan l-ammont kien ġie l-aħħar rivedut fl-2011?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament qed jiġi kkunsidrat jekk l-ammont attwali ta’ danni morali skont l-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kapitlu 378) għandux jiġi miżjud.
Tista’ l-Ministru tgħid, mis-sena 2018 sal ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fir-rigward ta’ kull liġi li saret li kienet tittratta xi aspett relatat mal-ħarsien tad-drittijiet tal-konsumatur (Kap 378), jew mal-liġijiet li jirregolaw il-kompetizzjoni (Kap 379), f’kull istanza fejn saret liġi ġdida jew ġiet emendata xi liġi, jekk kinitx ġiet inkarigata xi ditta ta’ avukati biex tassisti fit-tfassil tal-liġi u f’kull każ liema kienet id-ditta?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2018 sal-lum ma ġiet inkarigata l-ebda ditta ta’ avukati sabiex tassisti fit-tfassil tal-liġi. Dan japplika kemm għal-liġijiet relatati mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 378) kif ukoll għall-Att dwar il-Kompetizzjoni (Kap. 379).
Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — defibrillators
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha fejn hemm defibrillator?
Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi fejn hemm defibrillator huma il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) u l-Aġenzija Sapport.
Il-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat preżentement għandu żewġ defibrillators (AED), wieħed fiċ-ċentru għall-Volontarjat Valletta, u ieħor fiċ-ċentru għall-Volontarjat B’Kara, filwaqt li l-Aġenzija Sapport għandha defibrillators fiċ-ċentri ta’ matul il-jum, residenzi, community hubs u l-uffiċini kollha tagħha.