Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) bħala:
i. Ekonomisti;
ii. Avukati;
iii. Accountants;
iv. IT Professionals; u
v. Inġiniera?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
IMPJEGAT
NUMRU
Ekonomisti
21
Avukati
53
Accountants
38
IT Professionals
51
Inġiniera
5
Tax Rate for Income from Sports Activities – Investigazzjoni
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi investigazzjoni mill-Kummissarju għat-Taxxi Interni fuq xi tip ta’ abbuż rigward Tax Rate for Income from Sports Activities u jekk iva, fuq liema dixxiplina saret din l-investigazzjoni?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ilil l-MTCA twettaq verifiki bbażati fuq ir-riskju f’diversi oqsma, inkluż fir-rigward tar-rata tat-taxxa applikabbli għal dħul minn attivitajiet sportivi.
Dettalji dwar każijiet jew verifiki speċifiċi, inkluż id-dixxiplina sportiva kkonċernata, ma jistgħux jiġu żvelati minħabba d-dispożizzjonijiet dwar is-segretezza skont il-liġijiet tat-taxxa.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex is-Selmun Palace Hotel ma tibqax abbandunata? Jista’ jgħid ukoll x’tip ta’ security hemm ipprovduta, preżentement, f’din l-istess lukanda?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-pjanijiet tal-Gvern biex isir ir-restawr tal-Palazz ta’ Selmun? Jista’ jgħid ukoll x’sar s’issa biex jiġi assigurat li t-tenders neċessarji jiġu ppubblikati/aġġudikati?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ residenti fil-Belt Valletta mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm mir-residenti attwali għandhom ’il fuq minn sittin sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt:
Sena
Popolazzjoni
2013
5,516
2014
5,466
2015
5,421
2016
5,332
2017
5,288
2018
5,296
2019
5,303
2020
5,195
2021
5,163
2022
5,182
2023
5,201
2024
5,197
2025
5,189
Sa’ l-aħħar tas-sena 2025, ir-residenti tal-Belt Valletta li għandhom ‘il fuq minn sittin sena kien ta’ 1,849.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jippubblika lista ta’ kumpaniji multinazzjonali li qed jibbenefikaw minn arranġamenti fiskali partikolari permezz ta’ sussidjarji Maltin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-lista li qed jirreferi għaliha ma tistax tiġi ppubblikata peress li tinkludi informazzjoni li taqa’ taħt ir-reġim fiskali u lskont id-dispożizzjonijiet tal-Atti dwar it-Taxxa Kap. 372.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta hijiex qed tapplika b’mod sħiħ il-ftehim internazzjonali dwar minimum corporate tax globali ta’ 15% għall-kumpaniji multinazzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-regoli Globali Kontra l-Erosjoni tal-Bażi tat-Taxxa (Pillar Two) ġew implimentati fl-UE permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 2022/2523 tal-14 ta’ Diċembru 2022. Skont l-Artikolu 50(1) ta’ dik id-Direttiva tal-UE, Stati Membri li għandhom mhux aktar minn
12 ultimate parent entities
ta' gruppi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva setgħu jagħżlu li ma japplikawx ir-regola ta' inklużjoni tal-introjtu (IIR) u ir-regola dwar il-profitti sottontaxxati (UTPR) għal sitt snin fiskali konsekuttivi li jibdew mill-31 ta’ Diċembru 2023.
Malta nnotifikat lill-Kummissjoni tal-UE f’Settembru 2023 bl-interess tagħha li tapplika tali deroga, u dan sussegwentement ġie rreġistrat uffiċjalment mill-Kummissjoni tal-UE fil-Ġurnal Uffiċjali
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern iqisx li strutturi fiskali relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni internazzjonali ta’ Malta fil-qasam tat-taxxa u l-governanza finanzjarja?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern jirrikonoxxi li r-reputazzjoni internazzjonali ta’ pajjiż fil-qasam tat-taxxa u l-governanza finanzjarja hija element kruċjali għall-fiduċja tal-investituri u għall-pożizzjoni ta’ Malta fis-sistema ekonomika globali. Kien għalhekk li s-sistema ta’ tassazzjoni tagħna ġiet approvata mill-Kummissjoni Ewropeja fil-proċess li Malta wettqet meta saret Stat Membru tal-Unjoni. Dan sar wara proċess ta’ diskussjoni fl-għola livell.
F’dan il-kuntest, il-Gvern iqis li dak li jista’ potenzjalment jagħmel ħsara lir-reputazzjoni mhuwiex l-eżistenza ta’ strutturi fiskali leġittimi relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali, iżda kwalunkwe użu abbużiv jew mhux trasparenti ta’ tali strutturi li ma jkunx konformi mal-istandards internazzjonali.
Għaldaqstant, il-Gvern ma jqisx li strutturi fiskali leġittimi fihom infushom jagħmlu ħsara lir-reputazzjoni ta’ Malta, iżda jenfasizza li kull forma ta’ abbuż jew nuqqas ta’ konformità għandha tiġi indirizzata b’mod determinat sabiex tiġi mħarsa u msaħħa r-reputazzjoni tal-pajjiż.
Bħal ma dejjem sar, iż-żewġ naħat tal-kamra dejjem ġibdu l-istess ħabel fuq is-sistema fiskali tal-pajjiż u nittama li l-oppożizzjoni ma tbiddilx tali approċċ fl-aħjar interess tal-pajjiż.
Ministeru għall-Finanzi – Awditur Ġenerali – Rakkomandazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rakkomandazzjonijiet mill-Awditur Ġenerali jew minn awtoritajiet regolatorji li ġew implimentati mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet li jaqgħu taħtu matul l-aħħar ħames snin?
Ministeru għall-Finanzi – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 3037.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull studju jew analiżi li saru mill-Ministeru tal-Finanzi dwar ir-riskju reputazzjonali għal Malta bħala ċentru finanzjarju minħabba l-arranġamenti fiskali għal kumpaniji multinazzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma sar ebda studju jew analiżi dwar riskju reputazzjonali għal Malta bħala ċentru finanzjarju minħabba l-arranġamenti fiskali għal kumpaniji multinazzjonali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija reġistrata f’Malta m’għandhomx impjegati iżda tirraporta dħul jew profitti ta’ aktar minn €10 miljun fis-sena?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-formoli tat-taxxa mibgħuta, jirriżulta li kien hemm 81 kumpannija reġistrata f’Malta li m’għandhiex impejgati u li ddikjarat dħul taxxabbli f’Malta li jaqbeż l-€10 miljun.
Nixtieq nirrimarka li in-numru ta’ impjegati li entità tirrapporta f’ġurisdizzjoni partikolari ma jippermettix, waħdu, sabiex wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar il-funzjonijiet, l-attivitajiet jew il-pożizzjoni fiskali tagħha. Ma jkunx opportun, għalhekk, li minn indikaturi jew elementi iżolati jinġibdu riżultati dwar kategoriji partikolari ta’ entitajiet jew gruppi multinazzjonali.
Għaldaqstant, il-Gvern iqis li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ din in-natura għandha ssir bil-prudenza meħtieġa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti, iċ-ċirkostanzi u l-kuntest rilevanti kollha, sabiex jiġu evitati konklużjonijiet jew inferenzi li jistgħu ma jkunux sostnuti mill-kuntest sħiħ tal-fatti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jemenda jew isaħħaħ il-liġijiet fiskali sabiex jipprevjeni l-użu ta’ kumpaniji “letterbox” jew entitajiet mingħajr attività ekonomika reali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern jibqa’ impenjat b’mod kostanti li jiżgura li l-qafas fiskali u regolatorju ta’ pajjiżna jkun robust, trasparenti u konformi mal-istandards Ewropej u internazzjonali.
F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat li Malta diġà implimentat numru ta’ miżuri, kemm fil-qasam tat-taxxa kif ukoll f’dak regolatorju, li jindirizzaw il-kwistjoni ta’ entitajiet mingħajr sostanza ekonomika reali. Dawn il-miżuri jinkludu, fost oħrajn, regoli relatati mal-beneficial Ownership, rekwiżiti ta’ rapportar u obbligi ta’ konformità skont direttivi Ewropej u standards tal-OECD.
Il-Gvern qed ikompli jsegwi mill-qrib l-iżviluppi fuq livell Ewropew u internazzjonali, inklużi inizjattivi mmirati lejn it-tisħiħ tar-regoli kontra l-użu ħażin ta’ strutturi legali. F’dan is-sens, il-pożizzjoni tal-Gvern hija li jkompli jtejjeb u jaġġorna l-qafas leġiżlattiv fejn meħtieġ, filwaqt li jiġi żgurat li jinżamm bilanċ xieraq bejn l-integrità tas-sistema fiskali u l-kompetittività tas-settur ekonomiku.
Għalhekk, kull proposta għal emendi ulterjuri f’dan il-qasam tiġi evalwata bir-reqqa fuq bażi kontinwa, fid-dawl tal-obbligi internazzjonali ta’ Malta u fl-interess li jiġi mħares l-użu ġust u trasparenti tas-sistema fiskali
Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta kinitx suġġetta għal xi skrutinju jew reviżjoni minn istituzzjonijiet Ewropej jew internazzjonali minħabba l-istrutturi fiskali relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Malta, bħall-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea u membri ta’ fora internazzjonali rilevanti, hija soġġetta għal diversi mekkaniżmi ta’ skrutinju u reviżjoni regolari fir-rigward tal-qafas tagħha ta’ tassazzjoni, inklużi aspetti relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali.
Dawn ir-reviżjonijiet isiru, fost l-oħrajn, fil-kuntest ta’ proċessi tal-Unjoni Ewropea bħall-valutazzjonijiet tal-Kodiċi ta’ Kondotta dwar it-Tassazzjoni tan-Negozju, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi globali taħt l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiku (OECD), inklużi peer reviews dwar l-implimentazzjoni ta’ standards internazzjonali relatati mat-trasparenza u kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitti (BEPS).
Il-Gvern Malti jikkopera b’mod sħiħ ma’ dawn il-proċessi u jkompli jadatta u jaġġorna l-qafas leġiżlattiv u amministrattiv tiegħu fejn meħtieġ, sabiex jiġi żgurat allinjament mal-istandards internazzjonali u Ewropej, filwaqt li tinżamm il-kompetittività u l-integrità tas-sistema fiskali Maltija.
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li l-parteċipazzjoni f’dawn il-proċessi ta’ skrutinju hija parti normali mill-obbligi ta’ Malta bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u bħala membru ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, u ma tindikax b’mod partikolari xi nuqqasijiet speċifiċi lil hinn minn dak li jiġi identifikat u indirizzat fil-kuntest ta’ dawn il-proċessi stess.
Kumpaniji multinazzjonali – Regoli fiskali ta’ Malta – Komunikazzjoni/tħassib
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti rċeviex xi komunikazzjoni jew tħassib minn awtoritajiet Amerikani jew Ewropej dwar ir-regoli fiskali ta’ Malta relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern Malti, permezz tal-awtoritajiet kompetenti, iżomm djalogu kontinwu ma’ awtoritajiet internazzjonali, fosthom dawk Ewropej u Amerikani, u dan dwar diversi aspetti tar-regoli fiskali u żviluppi relatati ma’ kumpaniji multinazzjonali partikolari.
F’dan il-kuntest, Malta hija impenjata li tosserva l-obbligi tagħha taħt il-qafas tal-Unjoni Ewropea u tal-organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti, fosthom l-OECD. Kull komunikazzjoni li ssir f’dan l-ambitu ġeneralment tkun parti minn dan il-proċessi kontinwu ta’ koperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni, u ma tiġix meqjusa bħala xi forma ta’ azzjoni straordinarja jew separata.
Kumpaniji multinazzjonali Amerikani – Taxxi mħallsa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu fondi fit-Teżor minn taxxa mħallsa minn kumpaniji multinazzjonali Amerikani matul l-aħħar ħames snin?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-formoli tat-taxxa mibgħuta, jirriżulta li t-taxxa ddikjarata fil-formola tat-taxxa kienet skont it-tabella li ġejja:
Sena
Taxxa ddikjarata fil-formola tat-taxxa (€)
2020
24,735,734
2021
64,574,734
2022
64,020,093
2023
58,385,378
2024
118,046,491
L-ammonti indikati jirrappreżentaw biss it-taxxa ddikjarata mill-entitajiet kostitwenti Maltin identifikati permezz tan-notifikazzjonijiet DAC4. Din it-taxxa hija dovuta skont il-liġijiet fiskali Maltin u tirrifletti l-attivitajiet u s-sustanza ekonomika tal-entitajiet rispettivi f’Malta.
Għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana interpretat il-kliem "kumpaniji multinazzjonali Amerikani " bħala li jirreferi għal gruppi multinazzjonali li għandhom l-Ultimate Parent Entity residenti fl-Istati Uniti tal-Amerka u li huma suġġetti għar-rappurtar Country-by-Country taħt id-DAC4, jiġifieri gruppi b'dħul konsolidat annwali ta' mill-inqas €750 miljun.
Ministeru għall-Finanzi – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetajiet residenzjali f’Malta u f’Għawdex li sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, għadhom miżmuma taħt permess AIP li għadu fis-seħħ skont l-Att dwar l-Akkwist ta’ Proprjetà Immobbli minn Persuni mhux Residenti (Kap. 246), u li għadhom soġġetti għall-kundizzjoni ta’ użu personali esklussiv u għall-projbizzjoni tal-kiri? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont il-lokalità u s-sena li fiha nħareġ il-permess rispettiv?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u Dwana, li taħtha jaqa’ l-Kap 246 tal-Liġijiet ta’ Malta, għandha statistika mis-sena 2000 ta’ permessi li ġew approvati skond it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
L-Amministrazzjoni tiżgura li kull applikant ma jkollux, jew ma jkunx għad għandu, proprjeta’ oħra fuq ismu hawn Malta qabel ma jinħareġ il-permess. Madankollu m’hemm l-ebda obbligu li wieħed jinforma lill-Amministrazzjoni jekk il-proprjeta’ li tkun ġiet akkwistata permezz tal-AIP tkun se tinbiegħ lil terzi.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar kemm kumpaniji multinazzjonali għandhom strutturi reġistrati f’Malta mingħajr impjegati iżda li jirrappurtaw profitti sostanzjali?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-analiżi tal-informazzjoni disponibbli mill-Country-by-Country Reporting (DAC4), u mill-formoli tat-taxxa mibgħuta, jirriżulta li kien hemm 19-il grupp multinazzjonali distint li għandhom 23 entità kostitwenti reġistrata f'Malta li ma rrappurtaw ebda impjegat u ddikjaraw dħul taxxabbli f’Malta li jaqbeż l-€10 miljun.
Għall-finijiet ta’ din il-mistoqsija, l-Amministrazzjoni tat-Taxxa u d-Dwana interpretat il-kliem "kumpaniji multinazzjonali" bħala li jirreferi għal gruppi multinazzjonali li jaqgħu taħt ir-rekwiżiti ta' rappurtar Country-by-Country (DAC4), jiġifieri gruppi b'dħul konsolidat annwali ta' mill-inqas €750 miljun.
Nixtieq nirrimarka li terminu użat fil-mistoqsija, “kumpaniji multinazzjonali”, tista’ tkun suġġetta għal tifsiriet differenti skont il-kuntest applikabbli. Għalhekk, ma jkunx opportun li minn indikaturi jew elementi iżolati jinġibdu konklużjonijiet dwar kategoriji partikolari ta’ entitajiet jew gruppi multinazzjonali.
Għaldaqstant, il-Gvern iqis li kwalunkwe konsiderazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ din in-natura għandha ssir bil-prudenza meħtieġa, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti, iċ-ċirkostanzi u l-kuntest rilevanti kollha, sabiex jiġu evitati konklużjonijiet jew inferenzi li jistgħu ma jkunux sostnuti mill-kuntest sħiħ tal-fatti.