Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport – trasport lejn iċ-ċentri ta’ persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex u x’inhuma d-diffikultajiet li qegħdin jiltaqgħu magħhom l-persuni b’diżabilità fit-trasport lejn iċ-ċentri ta’ persuni b’diżabilità mmexxija mill-Aġenzija Sapport?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-servizz ta’ transport mogħti lil persuni b’diżabilità biex jattendu ċ-ċentri ta’ matul il-jum mmexxija mill-Aġenzija Sapport għadu qed jingħata bla interruzzjoni jew diffikultajiet lil kull klijent. Mill-ftuħ taċ-ċentri f’Lulju, wara li dawn għamlu perjodu magħluqin minħabba direzzjonijiet mogħtija mill-Awtoritajiet tas-Saħħa minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, kien hemm xi tibdil fir-rotot. Dan minħabba: § Il-persuni b’diżabilità li jattendu ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kellhom jinqasmu fi gruppi (clusters) ibbażati kemm jista’ jkun skont il-grupp li jkunu fih fil-vann li jwassalhom iċ-Ċentru. Dan sabiex jitnaqqas ir-riskju ta’ kuntatt u allura t-trażmissjoni tal-virus. § Mhux il-klijenti kollha għażlu li jerġgħu jibdew jattendu ċ-ċentri meta reġgħu fetħu u għalhekk kien hemm tnaqqis fir-rotot peress li l-ammont ta’ persuni li jeħtieġu dan is-servizz issa naqas. § It-tibdil f’ċerti rotot ikkawża wkoll tibdil fil-ħin li soltu xi persuni b’diżabilità kienu jitilqu mid-dar. § Sabiex inżommu mal-miżuri tal-Covid-19 dwar it-trasport, il-vannijiet kollha qed joperaw bi 80% seating capacity . L-Aġenzija Sapport qed tevalwa s-sitwazzjoni b’mod regolari u timxi mal-miżuri neċessarji sabiex tassigura l-benessri tal-persuni b’diżabilità li jaghmlu użu mis-servizzi kif ukoll tal-impjegati.

Floriana – One Stop Shop — għeluq

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma u jgħidilna għaliex il-proġett imħabbar is-sena l-oħra ta’ One Stop Shop – Ċentru Servizz Familja fil-Floriana għalaq il-bibien b’mod indefinit f’dawn l-aħħar ġimgħat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-amminstrazzjoni taċ-Ċentru Servizz Familja għaddiet f’idejn l-Aġenzija Servizz.gov fil-bidu ta’ Lulju li għadda. Għaldaqstant, fir-rigward ta’ dan, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru ikkonċernat.

Każ ta’ tifel

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li l-każ tat-tifel li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, ikun proċessat b’attenzjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-minuri li qed jirreferi għalih qed jingħata l-kura alternattiva skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Minuri (Ħarsien Alternattiv), Kap 602 tal-Liġijiet ta’ Malta. Infakkar li din il-liġi ġdida li, kienet ilha bosta snin biex issir, daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2020. Tajjeb li l-Onor. Interpellant japprezza li dan l-Att huwa bbażat fuq il-prinċipju tal-best interest of the child u, biex jasal għal dan, iqiegħed ir-responsabbiltà fuq id-Direttur għall-Kura Alternattiva u l-professjonisti tal-Aġenzija għall-Kura Alternattiva li huma mħarrġa u kkwalifikati apposta f’ dan il-qasam. In vista ta’ dan, la jien u l-ebda politiku ieħor ma għandu jindaħal fil-ħidma tagħhom favur il-minuri fil-kustodja tagħhom. Għaldaqstant, waqt li jiena konvint li l-minuri in kwistjoni qiegħed jirċievi l-kura li għandu bżonn, fl-istess ħin inħeġġu biex, anki fl-ispirtu tal-mandatory reporting imsemmi fl-istess liġi, javviċina lid-Direttur jekk għandu xi tagħrif u/jew tħassib dwar it-tifel in kwistjoni, li jixtieq jaqsam mal-professjonisti għall-ġid u fl-interess tal-istess minuri.

COVID-19 – servizz ta’ helplines

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar servizzi ta' helplines li twaqqfu tul il-pandemija COVID-19? Kemm minnhom għadhom qed jingħataw, u kemm minnhom qed jingħataw matul il-lejl, u x'tip ta' telefonati qegħdin jittrattaw?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba minnhu hja kif ġej: 25903030 – Helpline mwaqqaf fis-16 ta’ Marzu 2020, sabiex anzjani u persuni b’diffikulta ta’ mobilita’ ikunu jistgħu jirrikorru għal għajnuna għal htieġijiet tagħhom ta’ kuljum. Dan in-numru irċieva total ta’ 10,360 telefonata, sa nhar l-24 ta’ Ġunju 2020 (id-data li fiha dan in-numru ma baqax jopera). Madanakollu minkejja din il-linja ta’ għajnuna ma baqatx topera, kull min kien u għadu iċempel fuq dan il-helpline, il-linja tiġi trasferita għal fuq in-numru telefoniku taċ-Ċentru Servizz Anzjan, minn fejn ikun assistit għas-servizzi li jkollu bżonn. 25903000 – Helpline mwaqqaf fit-30 ta’ Marzu 2020, sabiex persuni li riedu assistenza fuq xi wieħed mill-benefiċċji ta’ għajnuna li joffri id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, ikunu assisti anka fl-assenza tal-Uffiċċji Distrettwali li kienu magħaluqa għal pubbliku. Dan in-numru irċieva total ta’ 24,152 telefonata matul dan il-perijodu sa nhar l-24 ta’ Ġunju 2020 (meta din il-linja ġiet uffiċċjalment mgħaluqa, meta l-Uffiċċji Distrettwali fetħu mill-ġdid ukoll għal pubbliku). Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minkejja dan in-numru issa huwa magħaluq, il-pubbliku jista’ jagħmel l-istess mistoqsijiet billi iċempel fuq l-linja 153. Kull min iċempel fuq 25903000, fil-preżent, qiegħed ikun assistit sabiex iċempel fuq il-freephone 153 għall-istess tip ta’ għajnuna li kien jirċievi minn fuq it-25903000. 1772 – Helpline mwaqqaf mill-Ministeru ghall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta` Socjali (MFCS) fl-aħħar ta` Marzu 2020 u l-operat jaqa` taħt l-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni ghas-Servizzi tal-Ħarsien Socjali (FSWS). Matul dan il-perjodu, jiġifieri bejn it-28 ta’ Marzu, 2020 u t-30 ta’ Settembru, 2020, kien hemm 7861 sejħa fuq il-linja 1772. L-operat ta’ dan il-helpline bejn Marzu u Ġunju 2020 ġie offrut mill-impjegati kollha tal-Fondazzjoni filwaqt li wara dan il-perjodu, din il-linja giet amalgamata mal-linja eżistenti li hija l-linja nazzjonali 179 u huma għalhekk it-tnejn offruti 24 siegħa kuljum, is-sena kollha. Il-linja 1772 giet imwaqqfa sabiex tilħaq b`mod specjali dawk in-nies l-aktar vulnerabbli u li waqt il-pandemija kienu għaddejjin minn mumenti ta` solitudni u għalhekk kienu jeħtieġu jitkellmu ma’ xi hadd. Dan wassal ukoll sabiex il-linja 179 baqghet tilħaq dawk il-każijiet ta’ natura aktar serja w urġenti. Il-linja 1772 għadha fil-fatt attiva u tintuża minn dawk li jehtiegu. L-operaturi fi hdan il-linja nazzjonali qeghdin jassistu wkoll lil dawk li jcemplu 1772. Dan is-servizz qiegħed jingħata wkoll permezz ta’sistema ġdida (Rainbow App) waqt li t-telefonati kollha li qed jidħlu fuq iż-żewġ linji sa minn Ġunju 2020 bdew juzaw wkoll is-sistema kompjuterizzata l-ġdida (Il-Case Management Software - CMS).

Ċekk tal-pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jara qabel jaġġorna l-parlament għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament baqa’ ma rċeviex iċ-ċekk tal-pensjoni ta’ Ġunju u dan minkejja li ċempel lid-dipartiment diversi drabi? Jista’ l-Ministru jitlob lil xi uffiċċjal b’dan il-każ immedjatament għaliex dan l-individwu jgħix bil-pensjoni?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont ir-rekords tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali jidher li l-pagament tal-pensjoni ta’ Ġunju, fil-fatt reġa’ ntbagħat lill-individwu msemmi u ġie msarraf ukoll.

Marsaskala – Kumpless Vajrità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega x’ser isir u x’inhu maħsub għall-Kumpless Vajrità f’Marsaskala li skont il-miżura tal-Budget tal-2018 li minn dak iż-żmien ‘l hawn twaqqaf jingħata servizz lill-persuni b’diżabilità f’dan iċ-ċentru u l-kumpless tħalla fi stat ta’ abbandun għall-aktar minn sena u nofs? Jista’ jgħid konkretament meta ser jibdew ix-xogħlijiet f’Marsaskala?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li persuni b’diżabilità li kienu qed jirċievu servizz ta’ matul il-jum jew residenzjali mill-kumpless Vajrità f’Wied il-Għajn kollha qed jingħataw is-servizz meħtieġ minn binjiet oħra u għalhekk ma kienx hemm waqfa fl-għotja tas-servizzi lil dawn il-persuni. Ix-xogħol fuq dan il-proġett jibda meta jitlesta l-proċess ta’ xiri pubbliku. Wara li ġew evalwati s-sottomissjonijiet mit-tieni sejħa, ġie skattat proċess ta’ negozjar skont l-Artiklu 154 tal-Proċeduri tax-Xiri Pubbliku minħabba li dawn is-sottomissjonijiet ma laħqux il-kriterji tas-sejħa. Din bħalissa tinsab fil-fażi tal-appell.

Ċentru l-Kbir tal-Imtarfa — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega għalxiex f’dawn it-tliet snin minn kemm ilu li tħabbar li proġett taċ-Ċentru l-Kbir fl-Imtarfa għall-persuni b’diżabilità baqa’ qatt ma sar xejn? Dan filwaqt li l-ħaddiema, persuni b’diżabilità u l-ġenituri tagħhom, kemm-il darba ngħataw promessi li x-xogħol ser jibda tant li saħansitra ġew spjegati l-pjanti u visual tal-proġett lilhom? Jista’ jispjega x’sar xogħol f’dan ir-rigward sa issa u x’inhu għaddej fuq dan il-proġett bħalissa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-preżent qed jiġi ppreparat dokument sabiex toħroġ it-tielet sejħa għal sottomissjonijiet għat-twaqqiegħ u l-bini taċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Imtarfa. Dan wara li ż-żewġ sejħiet ta’ qabel kellhom jiġu kkanċellati minħabba li s-sottomissjonijiet ma kinux eliġibbli jew konformi mas-sejħa jew mhux konklużi fil-perjodu preskritt. Il-pjanijiet li jiġi żviluppat dan iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum għadhom fis-seħħ skont kif ġie komunikat mal-impjegati u l-familjari tal-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi f’dan iċ-Ċentru. Sadattant twettqet ukoll ħidma fil-partijiet taċ-Ċentru li mhumiex fil-pjan tat-twaqqiegħ. Dawn jinkludu installazzjoni ta’ numru ta’ air conditioners, modernizzar tal-independent living unit, xogħol ta’ żebgħa, bini mill-ġdid ta’ ħajt diviżorju, kif ukoll xogħol ta’ tisbiħ f’kamra li issa qed tintuża mill-persuni b’diżabilità li jattendu dan iċ-Ċentru. Beda wkoll il-proċess biex jinbidlu l-kmamar tal-banju kif ukoll sabiex tinxtara u tkun installata sistema ta’ fire alarm.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — impatt ta’ Brexit fuq pajjiżna – impact assessment

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar impact assessment li sar fir-rigward tal-impatt tal-Brexit fuq pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, id-Direttorat tal-Iżvilupp tal-Politika u Implimentazzjoni tal-Programmi, fi ħdan il-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjeta’ Soċjali, segwa mill-qrib id-diskussjonijiet u n-negozjati kollha li saru dwar il-Brexit f’pajjiżna. Filwaqt li ġie stabbilit l-ewwel u qabel kollox liema huma dawk is-setturi li l-aktar setgħu ikunu milquta mill-Brexit, id-Direttorat tal-Iżvilupp tal-Politika u Implimentazzjoni tal-Programmi, finalment fl-oqsma li jaqgħu taħt il-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli, l-aspett internazzjoni, u x’impatti seta’ jħalli l-Brexit, kien jirrigwardja biss b’mod partikolari lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Madanakollu, fuq livell Ewropew, sar komunikat ta’ garanzija lil pajjiżi membri stati, illi l-ħaddiema mhumiex se jkunu milquta b’mod negattiv, u dan huwa rifless fil-ftehim li nkiseb sa issa fil-qasam tas-Sigurtà Soċjali.

Residenza San Vinċenz De Paul — bini ġdid - staff impjegat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16049 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè u jassigura l-Kamra li l-istaff impjegat fil-bini l-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul, inkluż nurses u carers, ikunu kapaċi jikkomunikaw mar-residenti jew pazjenti bil-lingwa Maltija sa mill-ġurnata tal-ftuħ tal-blokk skont kif stipulat fl-istandards?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, n-nurses u l-carers, kollha, bħal kull professjonist ieħor, li jaħdem fil-qasam tal-kura speċjalizzata, mas-Servizz Pubbliku, ikunu mitluba jagħmlu kors mal-Universita’ ta’ Malta, sabiex ikun aċċertat li l-istaff mediku huwa kapaċi jikkomunika mar-residenti jew pazjenti, bil-lingwa Maltija.

Residenza San Vincenz De Paul — bini ġdid - trattamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16050 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jikkonferma li jekk ikun hemm bżonn extra nursing care fil-blokk il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul bħal trattament li jinvolvi trattament intravenous, NG tube feeding u trattamenti oħra, dawn ikunu jistgħu jsiru f'dan il-blokk il-ġdid?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li iva, fil-blokk il-ġdid ser jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw minn ġewwa ir-Residenza San Vinċenz de Paule, inkluz is-servizzi msemmija.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16037 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra jekk il-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul (SVPR) hux parti integra mill-istess SVPR jew hux Dar tal-Anzjani li nbniet fuq l-art tar-Residenza San Vinċenz de Paul?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul huwa parti integra mill-istess Residenza.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16038 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinfurmana jekk fil-blokk il-ġdid li nbena ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, hux ħa jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul u ċjoè erba' u għoxrin siegħa servizz mediku, fiżjoterapisti, occupational therapy, podoloġisti, tissue viability nurses, farmaċisti u servizzi oħra?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fil-blokk il-ġdid ser jingħataw is-servizzi kollha li jingħataw minn ġewwa r-Residenza fil-preżent, inkluz is-servizzi msemmija mill-istess Onor. Interpellant.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16039 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk il-ħaddiema li ser jaħdmu fil-blokk il-ġdid tar-Residenza San Vinċenz de Paul hux ser ikunu ħaddiema tal-Gvern jew ħaddiema impjegati direttament mal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ħaddiema li ser ikunu qed jgħatu servizz fil-blokk il-ġdid, hekk kif imsejjaħ mill-Onor. Interpellanta, ser ikunu kemm ħaddiema tas-Servizz Pubbliku, kif ukoll ħaddiema tal-konsortzju li ingħaqad fi sħab mal-gvern (PPP) fuq dan il-proġett.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Chief Operation Officers

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16042 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u issa ġiet rifertua lilu u jinforma l-Kamra jekk hemmx persuna speċifika li qed tieħu ħsieb ix-xogħol kollu fuq il-blokk il-ġdid ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, ċjoè Chief Operation Officer, u jekk fl-affermattiv, min hi jew hu?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, s-swali fl-estensjoni l-ġdida ser ikunu mmexxija minn General Manager u nursing managers li huma impegati tal-kuntrattur, li flimkien mas-Senior Management tar-Residenza San Vinċenza, qegħdin jaraw li l-klijenti f’dawn is-swali l-ġodda tingħata lilhom kura xierqa u li tiġi rispettata d-dinjita’ tal-anzjani residenti.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16041 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra min ser ikun responsabbli għat-tmexxija tal-blokk ġdid ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul, is-CEO, is-Supretendent Mediku tal-SVPR jew is-CEO tal-Active Aging and Community Care (AACC)?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġa’ spjegajt u weġibt għall-mistoqsija parlamentari numru 16076, filwaqt li s-swali fl-estensjoni l-ġdida ser ikunu immexxija minn General Manager u nursing managers li huma mpegati mal-kuntrattur, il-management tar-Residenza San Vinċenz ser ikun qed jaħdem flimkien mal-Management tal-kuntrattur sabiex jara li l-livell ta’ kura li tingħata, tkun tal-istess livell li tingħata fis-swali kollha tar-Residenza.

Residenza San Vinċenz de Paul — Bini Ġdid - Attrezzament

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16040 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jinforma l-Kamra jekk l-ikel, in-nappies, il-lożor, il-walking aids, il-bed lifters u attrazzament ieħor, hux ser jiġu pprovdut mir-Residenza San Vinċenz de Paul (SVPR) jew hux ser jinxtaraw mill-fondi tar-SVPR jew mill-privat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-ikel, in-nappies, il-lożor, il-walking aids, il-bed lifters u kull attrazzament ieħor meħtieġ, ser jiġi mixtri u pprovdut mill-fondi tal-privat.

Anzjani — servizz tal-internet

Question

Jista l-Ministru jikkunsidra li lill-anzjani jingħatalhom servizz tal-internet b'xejn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Djar tal-Anzjani tal-Gvern inkluż ir-Residenza San Vinċenz de Paul, jipprovdu wifi bla ħlas fiż-żoni komuni għal kulħadd fid-Djar tal-Anzjani tal-Gvern u f’kul dayroom tas-swali u l-btieħi tar-Residenza San Vinċenz de Paule. Id-Djar tal-Anzjani tal-Knisja ukoll huma mgħammra b’wifi bla ħlas fiż-żoni komuni. Id-Djar Privati li l-Gvern għandu ftehim magħhom, ukoll huma mgħammra b’wifi li jista’ jintuża minn kulħadd. Finalment, ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għadu kemm ħareġ skema li biha l-kartanzjan tista’ ukoll tintuża biex l-anzjani kollha, inkluż dawk fil-kommunita’, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn diversi offerti u sussidju fuq diversi servizzi offruti. Dan jinkludi servizzi ta’ operaturi li joffru is-servizz tal-internet. Madankollu, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li qed jiġi offrut ukoll internet b’xejn f’kull Ċentru tal-Anzjanità Attiva f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, fejn l-anzjani li jiffrekwentaw dawn iċ-Ċentri, ikollhom ukoll aċċess għall-internet matul il-ħin li jqattgħu f’dawn iċ-Ċentri.

Pazjenti f’long term care

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15662 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u l-mistoqsija parlamentari 15956 u jgħid kemm daħlu pazjenti f’long term care fil-perjodu bejn Jannar 2020 u d-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FALZON, MICHAEL)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 16059.

Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali — first aiders kwalifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm First Aiders kwalifikati fil-Ministeru u fid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni mitluba għad-Dipartimenti u Entitajiet li għandhom First Aiders kwalifikati, fil-preżent, hija kif ġej: - L-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha 113 First Aiders kwalifikati; - Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali għandha 161 ħaddiem li irċevew taħriġ fil-Basic First Aid; - L-Aġenzija Sapport għandha 269 ħaddiem kwalifikat fil-First Aid. - L-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għandha 3 First Aiders kwalifikati. - Il-Faċilità għal Kura fit-Tul San Vinċenz de Paul għandha 270 impjegat imħarreġ fil-First Aid. - L-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal għandha First Aider kwalifikata. - Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għandha 2 first aiders kwalifikati.