Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Kirjiet ta’ postijiet
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista ta' kirjiet ta' postijiet li ħallas il-Ministeru għall-entitajiet li jaqgħu taħtha bejn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Tista' tgħid liema huma u kif irriżultat tali kirja?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ma ħallas l-ebda’ kirja tal-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Tista’ l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa sabiex tara li l-bozoz f’taraġ fi Triq l-Għadajjar ma’ Triq id-Duna fiżŻona Santa Margerita l-Mosta, ikunu jixegħlu kollha għaliex hemm minnhom li huma mitfija?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-bozoz fit-taraġ msemmi huma kollha mixgħula. Minkejja li ma sar l-ebda rapport f’dawn it-toroq, ħaddiema mill-Enemalta xorta waħda għamlu spezzjoni u kkonfermaw li l-bozoz kienu kollha mixgħula. Meta jkun hemm rapporti ta’ qtugh ta’ dawl għandu jsir rapport lil EneMalta.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 23122 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa ta' grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili li saru fis-snin 2019 u 2020 u fis-sena 2021 sa issa mill-Ministeru, id-Dipartimenti u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha? F'kull każ tista' tgħid liema kienet l-entità li għamlet/tat il-grants/sponsorships/donations/kontribuzzjonijiet simili, kemm kien l-ammont, min kien il-benefiċjarju u x'kienet ir-raġuni għalxiex ingħatat?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
B' referenza għat-tender “Trenching and Pipelaying for the Second Class Water (New Water) Distribution Network in Gozo - Water Services Corporation - CT3085/2019”, tista’ l-Ministru tgħid jekk fl-imsemmija tender kienx hemm inkluż li t-toroq kollha minn fejn se tgħaddi t-trinka tas-Second Class Water, jiġux asfaltati b'iktar minn saff wieħed , u jsiru l-gutters tal-konkos kullimkien? Jekk le, għalfejn ma ħarġitx is-sejħa mill-bidu kif suppost? Tista’ tgħid kemm hi stmata li tiġi tiswa iktar minn kemm kienet awarded din it-tender u jekk hemmx xi Ministeru ieħor li se jiffinanzja x-xogħol extra, u jekk iva b' kemm, li ma kienx mitlub f'din l-imsemmija tender?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kompliet timplimenta b’suċċess il-proġett tan-New Water madwar Malta u Għawdex biex aktar bdiewa jgawdu minn aċċess akbar għal riżorsa tant essenzjali.
Kien għalhekk li b’kollaborazzjoni mal-Ministeru ta’ Għawdex, il-KSI ħarġet tender sabiex jitkabbar in-network tan-New Water, liema tender kien ikopri xogħolijiet ta’ trenching u reinstatement tat-toroq minn fejn sar ix-xogħol. Dan ix-xogħol kien aggġudikat għal prezz ta’ €4.2 miljun plus VAT.
Fuq talba tal-Ministeru ta’ Għawdex, il-KSI aċċettat li tagħmel reinstatement tal-wiċċ sħiħ tat-toroq fejn hu possibbli, skont il-kundizzjonijiet oriġinali tat-tender u in line mal-għan u l-limiti tat-tender. Ix-xogħolijiet fuq it-toroq se jiswew madwar €1 miljun plus VAT.
Ix-xogħolijiet huma ko-finanzjajti minn Fondi Ewropej.
Qasam Industrijali tax-Xewkija u Ta’ Dbiegi – Dynamic Purchase System
Question
B'referenza għall-'Establishment Of A Dynamic Purchasing System For The Construction And Maintenance Of Roads In Industrial Estates In Malta And Gozo' (Id:Ind-Gen-T015-21), minn INDIS Malta, tista’ l-Ministru tgħid x'toroq u xogħol ieħor sar permezz ta' din id-Dynamic Purchase System ġewwa l-Qasam Industrijali tax-Xewkija u Ta' Dbiegi matul is-sena 2021 u x'kienet l-ispiża u x'hemm ippjanat li jsir u x'ħa tkun l-ispiża matul is-sena 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.
Ix-Xewkija u Għajnsielem Għawdex – kawża tal-intiena ta’ drenaġġ
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 23027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid x'inhi jew x'kienet il-kawża tal-intiena ta' drenaġġ li tinxtamm fl-inħawi ta' Triq l-Imġarr bejn ix-Xewkija u Għajnsielem?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li sar l-analiżi neċessarju, jidher li l-kawża ta’ dawn l-irwejjaħ kien ventilatur tal-mina li tagħti għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ f’Ras il-Hobż. Wara li saru l-interventi neċessarji mill-ħaddiema tal-WSC is-sitwazzjoni ġiet lura għan-normal.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — Sponsorships
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-isponsorships li ta l-Ministeru minn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Min approvahom, kemm kienu u x'kien l-iskop tal-isponsorship?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija Parlamentari 21882. L-isponsorships kollha ingħataw skont il-linji gwida kif maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi. L-informazjoni t’hawn isfel tirreferi għall-isponsorhips li ġew approvati wara x-xhar ta’ Lulju tas-sena 2021;
Description
2020
2021
Grand Total
IBIA Conference Sponsorship
-
€ 20,000
€ 20,000
MED CANN World Forum Sponsorship
-
€ 25,000
€ 25,000
GSE Technologies Ltd – Sponsorship Package & Product Standards
-
€ 5,000
€ 5,000
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli – Spejjeż ta’ stampar
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tal-ispejjeż relatati mal-istampar tal-Ministeru minn Mejju 2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Min approvahom, kemm kienu u x'kien l-iskop tal-ispiża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika għall-liema stampar qed jirreferi.
Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli – Direct Orders
Question
Tista' l-Ministru tagħti lista tad-
direct orders
li ngħataw fl-2021? X'kien l-iskop tad-
direct order
, min approvaha u kemm kienet l-ispiża?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-direct orders jiġu ppubblikati perjodikament fil-Gazzetta tal-Gvern, kif inhu d-dmir tal-Ministeru skont iċ-ċirkulari tal-Finanzi numru 09/2021. Minkejja dan, jekk irid ikun iżjed speċifiku fit-talba tiegħu, inkun nista’ ngħaddilu l-informazzjoni neċessarja.
Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtara elettriku mill-
interconnector
minn Mejju 2017 sal-aħħar tas-sena 2021, xahar b'xahar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Enemalta tixtri l-elettriku mill-aktar sors li jkun jaqbel skond kriterji tekniċi, ekonomiċi u kuntrattwali. Għaldaqstant l-ammonti jvarjaw minn siegħa għall-oħra.
Fix-xenarju tas-swieq internazzjonali tal-enerġija, il-medja tal-prezz li bih inxtara l-elettriku mill-Italja fl-2021 kien bejn wieħed u ieħor darbtejn u nofs il-prezz li bih inxtara fl-2020 u s-snin ta’ qabel.
Fil-fatt, minħabba dan ix-xenarju internazzjonali, il-prezz massimu fuq is-suq tal-elettriku fl-2021 kien ta’ €533 per MWh. Differenza ta’ €378 meta mqabbel mas-sena 2020, fejn il-prezz massimu kien ta’ €155 per MWh.
Kif wieħed jistenna, dawn il-prezzijiet kellhom effett qawwi fuq l-ammonti li nxtraw mill-Enemalta tul-2021.
Quddiem din il-pressjoni fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Gvern preżenti ħadem kemm felaħ biex iżomm stabbli l-kontijiet li jirċievu n-negozji u l-familji. Differenti ħafna minn dak li għamlet l-amministrazzjoni ta’ qabel l-2013 meta tefgħet piżijiet kbar fuq il-poplu Malti u Għadxi.
Dan il-Gvern huwa kommess li jibqa’ jieħu l-aħjar deċiżjonijiet għall-familji u n-negozji biex il-prezzijiet f’pajjiżna jibqgħu fost l-orħos fl-Ewropa.
Xahar
2017
(MWh)
2018
(MWh)
2019
(MWh)
2020
(MWh)
2021
(MWh)
Jannar
90,948.54
48,203.18
0
71,449.71
Frar
37,493.49
62,485.36
0
39,577.99
Marzu
77,919.47
60,599.37
24,165.25
44,540.85
April
80,819.00
46,195.63
12,348.53
4,651.54
Mejju
88,858.00
35,181.32
36,130.63
5,059.12
11,138.50
Ġunju
62,722.00
56,374.11
46,514.98
1,142.47
24,347.37
Lulju
81,025.00
46,041.46
84,872.03
38,590.87
51,720.34
Awissu
66,966.00
52,596.45
71,427.00
67,524.33
78,749.47
Settembru
10,891.00
54,465.99
70,344.65
59,141.14
83,237.30
Ottubru
30,157.00
37,928.18
56,869.09
51,059.65
38,711.29
Novembru
87,474.71
26,835.04
56,210.47
83,449.04
47,506.00
Diċembru
54,285.80
43,457.28
36,447.16
68,730.76
58,169.60
Tista' l-Ministru tippubblika l-kuntratt sħiħ tal-Electrogas, ċjoè l-kuntratt mhux ridott?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-kuntratt li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant kellu aċċess għalih l-Awditur Ġenerali fil-mertu tal-investigazzjoni "An Investigation of matters relating to the contracts awarded to ElectroGas Malta Ltd by EneMalta Corporation', li bħalissa tinsab quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi ta' dan il-Parlament.
Qtugħ tal-konsum tal-elettriku minħabba raġunijiet ta’ ħlas
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar inqatgħalha l-konsum tal-elettriku, minħabba raġunijiet ta' ħlas?
Response (DALLI, MIRIAM)
L-informazzjoni mitluba hija waħda sensittiva. Però ninforma lill-Onor. Interpellant li sospensjoni tas-servizzi tad-dawl u l-ilma hija l-aħħar azzjoni li tieħu l-ARMS. Din l-azzjoni tittieħed wara diversi tentattivi minn naħa tal-ARMS biex tiġbor l-ammonti dovuta lilha, inkluż permezz ta’ għajnuna bi programm ta’ ħlasijiet u moratorji diversi.
Dawk il-klijenti li l-Ministeru għas-Solidarjeta’ u l- Ġustizzja Soċjali, il-Familja u Drittijiet tat-Tfal tikkategorizza bħala każijiet soċjali huma eżenti minn din is-sospensjoni.
L-ebda servizz ma jiġi sospiż mingħajr ma jkun infurmat il-klijent.
Tista' l-Ministru tgħid għala Malta Enterprise xtrat 237,500 sehem ordinarju mingħand Steward Health Care International Ltd fis-soċjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fit-28 ta' Jannar 2021, kemm ħalset għal dawn l-ishma u għala dan it-trasferiment dam ma' jiġi reġistrat fir-Reġistru tal-Kumpaniji sal-1 ta' Diċembru 2021 ? Tista' l-Ministru tikkonferma illi dina l-kumpanija għandha cyclotron fil-Life Sciences Park li għadu qatt ma ntuża ? Tista' l-Ministru tgħid x'konsultazzjoni saret mal-awtoritajiet tas-saħħa qabel ma sar dan l-akkwist u xi pjanijiet hemm sabiex jibda jintuża dan is-cyclotron? Tista' l-Ministru tgħid x'assi oħra għandha dina l-kumpanija barra dan is-cyclotron?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise ħadet l-ishma tal-kumpanija li saret referenza għaliha u li kienet investiet f’impjant bħala parti minn proġett sabiex jiġi stabbilit u jitħaddem l-impjant li jipproduċi ‘radiopharmaceuticals’, magħruf bħala cyclotron. Is-cyclotron li jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa proprjetà ta’ din il-kumpanija.
Dan l-impjant jista’ jgħin fit-trattament tal-kanċer f’pajjiżna. Beda jitwettaq pjan biex jitkompla u jitlesta x-xogħol li kien inbeda ħalli dan l-impjant jibda jiffunzjona. Dan wara li Steward Health Care ma kinitx interessata tkompli b’dan il-proġett kif oriġinarjament propost.
Il-Gvern iddeċieda li l-investiment għandu jittieħed lura u l-proġett jitkompla, wara diskussjonijiet li saru u li inkludew lill-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru tas-Saħħa.
L-ammont li ħallset il-Malta Enterprise jkopri spejjeż ulterjuri li saru u li ma kienux koperti mill-assistenza oriġinali tal-Malta Enterprise.
It-trasferiment ġie reġistrat minnufih hekk kif il-partijiet onoraw l-obbligi tagħhom.
Jista' l-Ministru jara li jitneħħew wires tad-dawl ma' gallarija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tul is-snin, il-linji tad-distribuzzjoni tal-elettriku kif ukoll dawk tat-telefonija u l-internet, t’għaddew minn mal-faċċata tal-bini. Meta s-sid tal-propjetà' jew l-żviluppatur jipprovdi culvert, l-Enemalta tgħaddi s-servizzi tagħha minn ġol-bankina minflok mal-faċċata. Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'każijiet bħal dawn, jista' jsir kuntatt mal-Enemalta mill-ewwel biex il-każ ikun segwit min-naħa tal-kumpanija kkonċernata.
Tista’ l-Ministru tara li l-ħsarat fid-dwal fil-viċinanzi tal-pjazza ewlenija tan-Naxxar kif jidher fir-ritratt li qed jingħata separatament, dawn jissewwew mill-entità responsabbli mill-aktar fis, peress li issa ilhom għal numru ta’ ġimgħat bil-ħsara??
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta għamlet x-xogħolijiet neċessarji f’numru ta’ toroq. Dan ix-xogħol sar matul ix-xahar ta’ Diċembru u fil-bidu ta’ Jannar. Minn spezzjoni li saret mill-Enemalta fl-10 ta’ Jannar bħala followup għas-servizz mogħti lir-residenti, nstab li d-dawl kien kollu mixgħul.
Tista’ l-Ministru tieħu l-passi neċessarji sabiex tara li n-new water jitwassal sal-inħawi ta’ Triq San Leonardu fix-Xgħajra (Park Nazzjonali tal-Inwadar) u fl-inħawi ta’ Triq Ħaż-Żabbar fiż-Żejtun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żoni ndikati diġa jiffurmaw parti mill-pjanijiet tan-network ġdid ta’ New Water.
Ministeru għall-Enerija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tagħha jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tagħha minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu ndikat il-Water Services Corporation tat lill-Marigold Foundation l-ammont ta’ € 3,750, filwaqt li l-ARMS tat lill-Marigold Foundation is-somma ta’ €500.
Ta’ min jirrimarka li dawn il-fondi huma ndirizzati lill-għaqdiet li jaħdmu ma’ pazjenti tal-kanċer bħala parti mill-kampanja ta’ Marigold, mhux għall-fondazzjoni nnifisha.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm u fejn saru mains ta’ drenaġġ u ilma ġodda, jiġifieri fejn qatt qabel ma kien hemm dan is-servizz, raħal b'raħal ġewwa Għawdex minn Jannar 2020 sal-lum? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża globali u x’pjanijiet hemm biex isiru mains tad-drenaġġ u ilma f'areas u triqat fejn qatt ma kien hemm qabel dan is-servizz, raħal b'raħal ġewwa Għawdex sal-aħħar tas-sena 2022?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt. Dawn ix-xogħlijiet saru b’investiment ta’ madwar kwart ta’ miljun ewro.
Qala
Triq Ta Kassja
Water main
Drainage main
Xewkija
Tal-Ħofra Ind Estate
Water main
Drainage main
Għajnsielem
Part off Simirat street
Drainage main
Xagħra
Part off Gajdoru street
Drainage main
Munxar
2nd n/s in Rinota
Drainage main
Għarb
Upper Albert Caruana
Drainage main
Il-lista ta’ hawn taħt turi xogħlijiet ippjanati li jkun kompluti matul din is-sena.
Xagħra
Stellini street
Drainage main
Rabat
n/s off ghajn qatet
Water main
Drainage main
Għarb
Lower Albert Caruana
Drainage main
Munxar
3rd n/s in Rinota
Water main
Drainage main
Nadur
Dahlet Qorrot
Drainage main
Xewkija Għawdex – Triq il-Madonna tal-Ħniena — asphalt
Question
B'referenza għax-xogħol li sar mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fuq parti minn Triq il-Madonna tal-Ħniena fix-Xewkija, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex it-triq ma ngħatatx bl-asphalt il-wisa’ kollha kemm hi ta’ din it-triq? Tista’ tgħid x'inhuma r-raġunijiet għaliex ma sarx gutter tal-konkos fil-ġnub ta' din il-parti tat-triq? Tista' tgħid min kien il-perit responsabbli minn xogħlijiet ta' asphalt u xogħol ieħor li saru f'din it-triq mill-WSC u min kien il-perit li ċċertifika dan ix-xogħol u tpoġġi ċ-ċertifikazzjonijiet kollha fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid ukoll kemm hu stmat li ġie jiswa x-xogħol ta' asphalt f'din it-triq u kemm kienet il-ħxuna ta' asphalt li saret f'din il-parti tat-triq?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-asserzjonijiet li saru f'din il-mistoqsija parlamentari huma għal kollox skorretti. It-triq msemmija, bħal f'kull kaz ieħor fejn isir intervent minn naħa tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, l-asphalt jingħata mal-wisa' kollha tat-triq, skond il-permessi marbuta mal-proġett tan-New Water Network f'Għawdex. L-istess dwar il-gutters tal-konkos imsemmija, dawn ġew miżmuma kollha. Tajjeb ngħid li dawn kienu diġa eżistenti fil-ġenb tat-triq. Ix-xogħol ġie stmat li jiswa 150 elf ewro. Bħalissa qed isiru t-testijiet neċessarji u allura ix-xogħol għad irid jiġi ċċertifikat
Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma – impjegati ġodda
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew impjegati persuni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fi kwalsijasi grad mill-1 ta’ Ottubru 2021 sal-jum li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Ottubru 2021 ġew impjegati 10 ħaddiema li ddaħlu biex jisostitwixxu ħaddiema oħra li waqfu jahdmu minn mal-Korporazzjoni.