Legislature:
Category:
Reset
Active:

ELET – Data miġbura

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-data kollha li wasslet għall-konklużjoni li Malta issa tinsab taħt il-medja Ewropea fl-Early Leaving from Education and Training (ELET)?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li d-data li waslet għall-konklużjoni li Malta issa tinsab taħt il-medja tal-Unjoni Ewropea fir-rata tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (Early Leaving from Education and Training: ELET) hija dik ippubblikata mill-Eurostat f’ Ġunju 2026, ibbażata fuq il-European Union Labour Force Survey (EU-LFS). Skont din id-data uffiċjali, r-rata ta’ Malta għas-sena 2025 hija ta’ 8.6%, filwaqt li l-medja tal-Unjoni Ewropea (UE-27) hija ta’ 9.1%. Qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-data uffiċjali tal-Eurostat li fuqha hija bbażata din il-konklużjoni.

Kwalifiki MQF – Analiżi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx analiżi dwar jekk iż-żieda fil-kisba ta’ kwalifiki MQF, hijiex tirrifletti titjib fil-prestazzjoni akkademika jew bidliet fil-metodu tal-assessjar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-livelli tal-MQF miksuba mill-istudenti f’Malta fi tmiem il-vjaġġ skolastiku tagħhom żdiedu b’riżultat ta’ diversi inizjattivi li saħħew il-kwalità u l-validità tal-proċess edukattiv.

MQF Level 1, 2 u 3 – Persentaġġ ta’ studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persentaġġ ta’ studenti li qed jiksbu kwalifiki MQF Level 1 jew 2 huwiex qed jiżdied aktar malajr, minn dak tal-istudenti li qed jiksbu MQF Level 3?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li Id-differenza fil-persentaġġ ta’ studenti li qed jikbsu kwalifiki MQF Livell 1 jew 2 meta kkomparat ma' dawk li qed jikbsu MQF Livell 3 hija kif jidher fit-tabella ta’ hawn taħt: 2024/25 2025/26 Differenza MQF 3 63.6% 74.5% 10.9% MQF 2 14.6% 8.4% -6.2% MQF 1 1.9% 0.2% -1.8% Ebda Livell 19.9% 17.0% -2.9% Meta nqabblu din is-sena skolastika (2025/26) mas-sena skolastika li għaddiet (2024/25), kien hemm żieda sostanzjali ta’ kważi 11% f’dawk l-istudenti li kisbu MQF Livell 3 u tnaqqis globali ta 8% fl-istudenti li kisbu MQF Livell 1 jew 2.  Kien hemm ukoll tnaqqis ta’ kważi 3% fl-istudenti li ma kisbux livell.

Sena skolastika 2025-2026 – Livell SEC – Figuri

Question

Jista’ l-Ministru jqabbel il-figuri ta’ studenti li kisbu mill-inqas pass wieħed u dawk li kisbu ħames passes jew aktar fil-livell SEC (O Level) fis-sena skolastika 2025-2026, ma’ dawk tal-aħħar ħames snin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba tinsab hawn taħt. Tajjeb li nippreċiża li dawk tal-ewwel row, huma riflessi wkoll fit-tieni row. Sena Studenti li kisbu 'Pass' Wieħed Studenti li kisbu ħames 'passes' jew aktar 2026 4822 3252 2025 4716 3279 2024 4507 2938 2023 4286 2872 2022 4272 2780

Sena skolastika 2025-2026 – Livell SEC – Ħames passes jew aktar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti kisbu ħames passes jew aktar fil-livell SEC (O Level) fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li n-numru ta' kandidati li kisbu ħames jew aktar 'passes' fis-sena skolastika 2025-2026 huwa 3252.

Trabi barranin imwielda Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4038 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà u jgħid liema kienu dawk il-pajjiżi barranin li l-ġenituri b’ċittadinanza ta’dak il-pajjiż kellhom l-akbar numru ta’ trabi mwielda f’Malta bejn Jannar u Ġunju 2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi d-domanda lil Ministeru kkonċernat.

Lingwa tas-sinjali – Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li preżentement qegħdin jistudjaw il-lingwa tas-sinjali? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li dawn itemmu l-istudji tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li preżentament hemm total ta' 65 studenti li qed jistudjaw il-lingwa tas-sinjali.

Għalliema ġodda kwalifikati – Warrants temporanji/pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) ilhom b’warrant temporanju għal aktar minn sena skolastika, u kemm minnhom għandhom applikazzjoni pendenti għal warrant permanenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

Għalliema ġodda kwalifikati – Warrant temporanju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema ġodda kwalifikati (Newly Qualified Teachers - NQTs) li bħalissa qed jipprattikaw il-professjoni b’warrant temporanju, u jekk jista’, jipprovdi din iċ-ċifra maqsuma separatament bejn skejjel tal-Istat, skejjel tal-Knisja u skejjel indipendenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni se tingħata f’seduta oħra.

Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema – Kariga ta’ Segretarju tal-Kunsill

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kariga ta’ Segretarju tal-Kunsill (Council Secretary) għall-Professjoni tal-Għalliema (Council for the Teaching Profession) għadhiex vakanti, u jekk fl-affermattiv, għaliex din il-kariga għadha ma mtlietx u meta huwa mistenni li timtela?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li l-persuna uxxenti baqgħet taqdi dan l-irwol filwaqt li ġiet identifikata persuna oħra li ser taqdi dan l-irwol.

Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema – Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar laqgħa tal-Kunsill għall-Professjoni tal-Għalliema (Council for the Teaching Profession) u meta hija skedata li ssir il-laqgħa li jmiss?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-aħħar laqgħa saret matul ix-xahar ta' Ottubru.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport – Kriterji għad-dħul

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kriterji uffiċjali u tal-matrices tal-punteġġi applikati għas-snin skolastiċi 2025/2026 u 2026/2027 li ntużaw għall-evalwazzjoni u l-għażla tal-istudenti li japplikaw biex jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li evalwazzjoni u l-għażla tal-istudenti li japplikaw biex jidħlu fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kienet ibbażata fuq żewġ provi ta’ assessjar fil-ħiliet tekniċi tad-dixxiplini sportivi rispettivi tagħhom.  (Dan ma jinkludix l-għawm u l-atletika).  L-aħjar marka miż-żewġ provi tittieħed għal għażla finali.

L-Iskola Nazzjonali tal-Isport – Kriterji għad-dħul – Assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika x’piż jingħata lil kull komponent tal-assessjar tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport, inklużi r-riżultati sportivi preċedenti, it-testijiet fiżiċi, l-assessjar tal-ħiliet tekniċi, il-potenzjal sportiv u r-riżultati akkademiċi, u jindika min jistabbilixxi u japprova dawn il-kriterji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 4100.

Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport – Ħaddiema ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10 u jgħid kemm-il persuna ġdida daħlet taħdem fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2372.

Sena skolastika 2025-2026 – Livell SEC – Pass wieħed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm studenti kisbu mill-inqas pass wieħed fil-livell SEC (O Level) fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ kandidati li kisbu mill-anqas ‘pass’ wieħed fis-sena skolastika 2025-2026 huwa 4822.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF – Istituzzjonijiet post-sekondarji u korsijiet vokazzjonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026 qed ikomplu jistudjaw f’istituzzjonijiet post-sekondarji jew f’korsijiet vokazzjonali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat illi n-numru ta’ studenti full-time ġewwa l-MCAST li waqfu mill-istudji tagħhom matul is-sena akkademika 2025–2026 (sa nofs Ġunju 2026), u li sa nofs Settembru 2026 applikaw għal kors full-time għas-sena akkademika 2026–2027, huwa ta’ 132.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF – Miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu biex dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026, ma jispiċċawx barra mis-sistema edukattiva jew mis-suq tax-xogħol?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li kull student ikollu l-opportunità jilħaq il-potenzjal tiegħu u jkompli javvanza fl-edukazzjoni, fit-taħriġ jew fid-dinja tax-xogħol. Għalhekk, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport qed jadotta approċċ ibbażat fuq il-prevenzjoni, l-intervent u l-kumpens biex inaqqas l-Early Leaving from Education and Training (ELET), iżid il-kisba ta' kwalifiki u jsaħħaħ it-tranżizzjoni lejn edukazzjoni ulterjuri u l-impjieg. Fost il-miżuri ta' kumpens hemm l-Alternative Learning Programme (ALP), il-klassijiet ta' reviżjoni mingħajr ħlas, il-programm GEM16+, il-korsijiet tad-Direttorat għat-Tagħlim tul il-Ħajja, il-foundation programmes u l-vocational pathways tal-MCAST, kif ukoll l-Istitut għat-Trades li joffri taħriġ f'snajja' u professjonijiet tekniċi. Barra minn hekk, in-National Skills Strategy 2026–2035 qed issaħħaħ il-ħiliet meħtieġa għall-ekonomija tal-futur u r-rabta bejn l-edukazzjoni, it-taħriġ u s-suq tax-xogħol, filwaqt li Working Group dwar il-Post-Compulsory Education qed jevalwa u jsaħħaħ il-provvista ta' second chance education. Madankollu, il-prijorità ewlenija tibqa' l-prevenzjoni u l-intervent bikri permezz ta' investiment fil-kwalità tat-tagħlim, l-appoġġ lill-edukaturi u lill-istudenti, is-servizzi ta' gwida, il-kollaborazzjoni mal-familji u sistemi ta' monitoraġġ bikri. Dan l-approċċ qed jgħin biex aktar studenti jibqgħu fl-edukazzjoni, jiksbu kwalifiki ogħla u jidħlu fid-dinja tax-xogħol b'ħiliet adattati għall-ħtiġijiet tal-pajjiż.

Sena skolastika 2025-2026 – Studenti li ma kisbux livell MQF

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ dawk l-istudenti li ma kisbu l-ebda livell MQF fis-sena skolastika 2025-2026, maqsuma skont is-sess, il-lokalità u t-tip ta’ skola li attendew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-informazzjoni qeda kif tidher hawn taħt. 2025-2026 MQF Livell 3 MQF Livell 2 MQF Livell 1 Ebda Livell 3264 367 7 743

Sena skolastika 2025-2026 – Edukazzjoni obbligatorja – Studenti li ma kisbux livell MQF

Question

Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Level 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li minn 4,381 student, in-numru ta’ studenti li temmew l-edukazzjoni obbligatorja mingħajr ma kisbu MQF Livell 1 jew ogħla fis-sena skolastika 2025-2026 fil‑Kwalifika ta’ Tmiem l‑Edukazzjoni Sekondarja (SSQ&P) jammonta għal 743. B’hekk nistgħu ninnutaw li l-ammont ta’ studenti li ma kisbux MQF Livell 1 jew ogħla naqas mis-snin preċedenti.

Livelli MQF – Metodoloġija

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-metodoloġija użata biex jiġi assenjat il-livell MQF lill-istudenti?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li l-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 607.01, ir-Regolamenti dwar il-Qafas Malti tal-Kwalifiki għal Tagħlim Tul il-Ħajja, tistabbilixxi l-qafas regolatorju li abbażi tiegħu jiġu klassifikati l-kwalifiki u r-rikonoxximenti li jistgħu jingħataw permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali. Dan il-qafas regolatorju huwa bbażat fuq id-deskritturi tal-livelli fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki, magħruf bħala l-MQF. Ninsab infurmat li l-livelli fi ħdan l-MQF huma marbuta ma’ deskritturi li jirriflettu l-livell ta’ għarfien, ħiliet u kompetenzi tal-individwu. Għaldaqstant, ninsab infurmat li il-klassifikazzjoni fi ħdan l-MQF ma għandhiex titqies bħala sempliċi numru jew livell assenjat lill-istudent, iżda għandha tinftiehem fil-kuntest tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent li jkun inkiseb u tal-livell ta’ tagħlim li dik il-kwalifika tirrappreżenta. Infurmat li Ir-regolamenti jiddefinixxu wkoll l-“eżitu tat-tagħlim” bħala dikjarazzjoni li tiddefinixxi dak li persuna li tkun qed titgħallem tkun taf, tifhem u tkun kapaċi tagħmel meta ttemm il-proċess ta’ tagħlim. Għalhekk, l-eżiti tat-tagħlim huma element importanti biex wieħed jifhem kif kwalifika jew rikonoxximent jiġi relatat ma’ livell partikolari fi ħdan il-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Il-Kapitolu 607, l-Att dwar l-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla, jiddefinixxi wkoll l-akkreditament bħala l-approvazzjoni formali mill-awtorità kompetenti li, fost affarijiet oħra, programm edukattiv marbut ma’ livelli fi ħdan l-MQF jilħaq l-istandards ta’ kwalità. Dan ifisser li l-livell tal-MQF għandu jitqies fil-kuntest usa’ tal-programm edukattiv, tal-kwalifika u tal-istandards ta’ kwalità applikabbli. Għalhekk, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-livell tal-istudent u l-livell tal-kwalifika. Fil-prattika tal-qafas regolatorju, dak li jkun klassifikat jew marbut ma’ livell tal-MQF huwa l-programm, il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rilevanti. L-istudent, min-naħa tiegħu, jikseb dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent wara li jkun temm il-perkors edukattiv rispettiv. Dan huwa konsistenti mal-mod kif il-leġiżlazzjoni tiddefinixxi l-qafas bħala wieħed għall-klassifikazzjoni tal-“kwalifiki u r-rikonoxximenti”. Barra minn hekk, il-Kapitolu 607 jagħmel distinzjoni bejn edukazzjoni avvanzata u edukazzjoni ogħla b’riferiment dirett għal-livelli tal-MQF. L-edukazzjoni avvanzata hija definita bħala tagħlim formali mhux obbligatorju li jwassal għal kwalifika nazzjonali klassifikata sa u inkluż il-livell 4 tal-MQF, filwaqt li l-edukazzjoni ogħla tirreferi għal tagħlim formali mhux obbligatorju jew riċerka li twassal għal kwalifika nazzjonali fil-livell 5 tal-MQF jew ogħla, jew kwalifika barranija f’livell komparabbli. Għaldaqstant, meta student itemm b’suċċess programm ta’ studju u jikseb il-kwalifika jew ir-rikonoxximent rispettiv, il-livell MQF assoċjat miegħu jirrifletti l-livell li fih tkun ġiet klassifikata dik il-kwalifika jew dak ir-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju applikabbli. Dan il-qafas għandu l-għan li jipprovdi struttura għall-klassifikazzjoni tal-kwalifiki u r-rikonoxximenti, inkluż dawk miksuba permezz ta’ tagħlim formali, mhux formali u informali, fuq il-bażi tad-deskritturi tal-livelli stabbiliti fil-Qafas Malti tal-Kwalifiki. Għaldaqstant, il-metodoloġija ma tikkonsistix f’assenjazzjoni arbitrarja ta’ livell lil student individwali, iżda fil-klassifikazzjoni tal-kwalifika jew tar-rikonoxximent skont il-qafas regolatorju u d-deskritturi tal-MQF, filwaqt li jitqiesu l-għarfien, il-ħiliet, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim marbuta magħhom. L-aspett regolatorju għandu rwol important anki meta nikkunsidraw programmi akkreditati mhux formali li jingħataw Kwalifika ta’ MQF. Dawn il-programmi iridu isegwu struttura stabbilita ta’ skrutinju u evalwazzjoni regolatorja. B’hekk, infurmat li student jikseb kwalifika jew rikonoxximent fil-livell MQF rispettiv skont il-perkors edukattiv li jkun segwa u temm, u skont ir-rekwiżiti tal-programm u tal-kwalifika rispettiva.