Legislature:
Category:
Reset
Active:

Scholarships STEPS

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14099 u 13756 u tgħid sad-data ta' din il-mistoqsija kemm ġew imħallsa mill-ischolarships STEPS li ngħataw għas-sena akkademika 2009-2010 għal studji dottorali fl-Ewropa? Liema kienu l-iSTEPS li tħallsu u għal liema korsijiet? Liema kienu l-ischolarships li għadhom ma tħallsux? Għal liema raġuni għadhom ma nħarġux? Meta se jitħallsu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfal li ma jattendux l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal u żgħażagħ li joqogħdu f'San Pawl il-Baħar jew l-inħawi ta' madwar u li ma jattendux skola tal-Gvern għaliex jew imorru fi skejjel privati jew f'tal-knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Unjoni Ewropea — practice fl-Ingliterra - studenti u għalliema

Question

Tista' l-Ministru tikkonferma jekk huwiex minnu li għall-practice fl-Ingliterra minn fondi tal-Unjoni Ewropea għal dan ix-xaħar, oriġinarjament kienu se jattendu erba' studenti mill-MCAST tax-Xewkija li qed isegwu BTEC National Diploma in Care, iżda mbagħad waħda mill-istudenti tneħħiet minn fuq il-lista bl-iskop li titla' għalliema minflokha? Jekk tikkonferma dan, tista' tgħid x'se jkun l-irwol ta' din l-għalliema u fuq liema bażi intagħżlet l-istudenta li tneħħiet mil-lista? Setgħu tħallew l-erba' studenti u magħhom żdiedet l-għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mhuwiex minnu li xi studenti ma tħallewx jipparteċipaw għal dan il-placement. L-istudenti li wrew ix-xewqa li jipparteċipaw f’dan il-proġett kienu mgħarrfa sa mill-bidu nett li l-proġett kien fih fondi suffiċjenti għal tliet placements. Minn naħa l-oħra, hija prassi normali li qabel ma jkun hemm dan it-tip ta’ student placements, ikun hemm żjara preparatorja minn staff akkademiku tal-Kulleġġ u li l-fondi għal din iż-żjara ġew aprovati u allokati wara li mtliet applikazzjoni separata minn dik tal-proġett tal-istudenti. Din il-prassi ssir b’responsabbilta’ mill-Kulleġġ lejn l-istudent u għalhekk sservi ta’ preparazzjoni għaż-żjara tagħhom biex dawn ma jiltaqawx ma’ diffikultajiet. Fl-aħħar u mhux l-inqas, l-għalliema msemmija fil-fatt żaret l-aġenziji li fihom kellhom ikunu ppustjati dawn l-istudenti u fl-istess ħin serviet ta’ esperjenza ta’ tagħlim għall-għalliema nnifisha. Il-Kulleġġ jemmen fil-Continuous Professional Development tal-istaff tiegħu u għalhekk jagħmel ħafna investiment lejn esperjenzi bħal dawn.

Ċertifikati tal-Mużika

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet, pubbliċi jew privati, li għandhom il-poter jagħtu kwalifiki li jiġu rikonoxxuti mill-Gvern fil-qasam tal-mużika? Tista' tipprovdi statistika ta' kemm inħarġu ċertifikati tal-mużika sena b'sena fl-aħħar ħames snin skont id-dar li toħroġ dawn iċ-ċertifikazzjonijiet (London, Trinity eċċ.) grade, grade ? Kemm jiswew l-eżamijiet rispettivi grade, grade ? Kemm intnefqu flus mill-poplu tagħna fi ħlas ta' eżamijiet grade, grade sena b'sena fl-aħħar ħames snin skont id-dar li toħroġ dawn iċ-ċertifikazzjonijiet? In oltre tista' l-Ministru tispjega jekk iċ-ċertifikazzjonijiet tal-mużika LSM għadhomx rikonoxxuti? Jekk le, għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jingħataw l-ebda kwalifiki fil-mużika mid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi u mid-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni. Jiġu rikonoxxuti mill-Gvern kwalifiki li joħorġu mill-Associated Board of Royal Schools of Music, it-Trinity College of Music u t-Thomas Valley University – London College of Music Examinations. Peress li dawn l-eżamijiet isiru b’mod privat, il-Ministeru m’għandux l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Bormla — Ground quddiem l-iskola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir mill-ground li hemm quddiem il-ground tal-iskola Primarja ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-possibilità li dan il-ground jinbidel f'wieħed b'wiċċ sintetiku u dan sabiex jitgawda mit-tfal tal-istess skola u dan għax m'għandhom ebda post fejn jirrekreaw irwieħhom ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-ground li hemm quddiem l-iskola Primarja ta’ Bormla mhux fir-responsabbilità tad-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi. Id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi jużaw dan il-ground waqt il-ħin tal-iskola. Hemm diskussjonijiet dwar jekk jistax isir użu aħjar tal-ground mit-tfal tal-iskola waqt il-ħin tal-iskola.

Għawdex — Mitħna ta' Kola fix-Xagħra - antenni

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex waslu l-istadji ta' restawr tal-antenni tal-mitħna ta' Kola fix-Xagħra, Għawdex peress li l-mitħna ilha mingħajr dawn l-antenni għal żmien twil u hemm l-iscaffolding tal-metall quddiem it-tromba tagħha? Tista' tgħid ukoll kemm iżuruha turisti u f'liema xhur l-aktar li jżuruha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tempji tal-Ġgantija u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema stadju wasal il-proġett tat-tinda għat-Tempji tal-Ġgantija u ċ-Ċentru tal-Viżitaturi propost? Tista' tgħid il-Gvern meta beħsiebu jattwa l-proġett taċ-ċentru? Tista' tgħid kemm turisti żaru t-tempji xahar b'xahar f'dawn l-aħħar sentejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Skola primarja tal-Gvern - Żieda ta' tfal

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar kemm hu maħsub li se tiżdied il-popolazzjoni tat-tfal fl-iskola primarja tal-Gvern ta' San Pawl il-Baħar? Tista' tagħti tagħrif dwar jekk l-iskola kif inhi għandhiex kapaċità li tilqa' għal din iż-żieda tat-tfal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

skejjel primarji — numru ta' għalliema għal kull klassi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu n-numru ta' għalliema għal kull klassi fl-iskejjel primarji? Kemm minn dawn ġew impjegati din is-sena? Kemm minnhom huma supply teachers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-lista bin-numru ta’ għalliema għal kull klassi fl-iskejjel Primarji tal-istat qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. In-numru ta’ għalliema li ġew impjegati fl-2009 fis-settur Primarju kien ta’ 74. Minn dawn 39 huma għalliema regolari ġodda u 33 huma supply teachers.

għalliema peripatetic

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta' għalliema peripatetic? F'liema suġġetti u x'inhu n-numru f'kull suġġett? Lejn min huma accountable dawn l-għalliema? Fiex tikkonsisti l-ħidma tagħhom u x’ħin iqattgħu fil-klassijiet f’kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għalliema fl-iskejjel primarji — servizzi oħra

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kategoriji u kemm hu n-numru ta' għalliema f'kull kategorija li qegħdin jipprovdu servizz ieħor minbarra tal-parapathetic, fil-primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minbarra l-Peripatetic Teachers, hemm sitt Support Teachers fl-eLearning Centre fil-Head Office u sitt Għalliema (ħamsa f’Malta u wieħed f’Għawdex) fl-iSchool Information Systems li jagħtu servizz lill-Iskejjel Primarji kif ukoll lis-Sekondarji.

Tfal mqassma skond id-data tat-twelid

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex din is-sena ittieħdet id-deċiżjoni li tfal fil-primarja ma jiġux imqassma fil-klassi skond id-data tat-twelid? Min ħa din id-deċiżjoni? Fuq liema riċerka ġiet ibbażata, meta tqis li r-riċerka turina li t-tfal hemm bżonn jiġu mqassma skond id-data tat-twelid għax issirilhom ħafna ħsara li jiġu mħalltin flimkien b'xhur differenza fid-dati tat-twelid tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

tfal fl-iskejjel — tibdil ta' klassijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ittieħdet id-deċiżjoni li kull sena t-tfal se jinbidlulhom sħabhom tal-klassi għax se jiġu mħalltin flimkien sena wara sena, meta r-riċerka turina li t-tfal għandhom bżonn kontinwità fir-relazzjonijiet emottivi ma' sħabhom fil-klassi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħala parti mill-bidla fil-prassi ta’ kif jinbnew il-klassijiet tal-primarja, numru fis ta’ tfal magħżulin b’mod mhux maħsub minn qabel (random sample) tinbidlilhom il-klassi kull sena. Din il-prassi hija mibnija fuq il-prattika tajba u l-esperjenza pożittiva ta’ ħafna skejjel primarji Maltin fis-settur mhux statali. B’dan il-mod l-esperjenza turi li t-tfal mhux talli ma jbatux, talli jistagħnew fl-għarfien u l-ħiliet soċjali tagħhom.

Monument tas-Sette Giungno — Kumitat Festi Nazzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif fl-assenza tal-monument tas-Sette Giungno il-Kumitat Festi Nazzjonali beħsiebu jikkommemora dan l-avveniment nazzjonali is-sena id-dieħla u fejn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li għad fadal numru ta’ xhur mhux ħażin, il-preparamenti għaċ-ċelebrazzjonijiet tas-Sette Giugno 2010 għadhom ma nbdewx. Nikkonferma li ċerimonja ta’ tifkira se ssir u dan a bażi tal-ftehim ta' Marzu 1990 milħuq bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Università ta' Malta kap ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija

Question

B’referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 13280, nitlob għat-tieni darba lill-Ministru sabiex tikkonferma jekk il-Kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija fl-Università huwiex psikologu? Jekk fl-affermattiv, huwa rreġistrat mal-MPPB (Malta Pyschology Profession Board)kif titlob l-istess liġi li għaddiet l-istess Ministru minn dan il-Parlament? Nixtieq nerġa' nistaqsi kemm dan l-individwu kien ilu membru sħiħ tad-Dipartiment tal-Psikologija u kemm kien ilu acting head ta’ dan id-Dipartiment? Ma jidhrilhiex il-Ministru li hemm nies li huma psikologi kwalifikati u li huma reġistrati mal-MPPB u li għandhom bosta aktar esperjenza mill-kap preżenti li setgħu faċilment ikunu huma magħżula għal din il-kariga u mhux xi ħadd li ġie l-bieraħ u li jinsab fil-kariga ta’ kap ta’ dan id-dipartiment? Tikkonferma li dan it-tali huwa Junior Member ta’ l-istess dipartiment? Ngħarraf lill-Ministru li counsellor mhuwiex counselling psychologist skond l-istess termini ta’ l-istess liġi li għaddiet hi stess minn dan il-Parlament!

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif diġà ingħad fit-tweġiba għall-Mistoqsija 13280, il-Kap il-ġdid tad-Dipartiment tal-Psikoloġija huwa counsellor u għandu dottorat fil-counselling. Counselling huwa parti integrali mill-psikoloġija u jiġi mgħallem f’kull kors offrut mid-dipartiment. Kull membru fid-dipartiment għandu jew għandha speċjalizzazzjoni. Il-membru l-ġdid tad-dipartiment speċjalizza fil-Counselling. Il-Kap il-ġdid mhuwiex irreġistrat mal-MPPB (Malta Psychology Profession Board) imma huwa rreġistrat mal-MACP (Malta Association for the Counselling Profession) kif ukoll mal-IAC (International Association for Counselling). Huwa ukoll membru fil-kumitat eżekuttiv ta’ din l-organizzazzjoni mondjali. Dan il-membru kien imexxi il-Counselling Unit tal-Università u ilu membru tad-dipartiment mill-2007. Hu sar membru full-time fit-12 ta’ Frar 2009 u spiċċa d-dottorat f’Marzu 2009. Meta l-ex-kap tad-dipartiment ma setgħetx tkompli x-xogħol tagħha, il-kap preżenti ġie mitlub biex isir acting head. Dan aċċetta u mexxa d-dipartiment b’mod tajjeb ferm tant li meta l-kap preċedenti irriżenjat u r-Rettur ikkonsulta mal-membri tad-Dipartiment, dawn, fil-maġġoranza assoluta tagħhom innominaw lill-kap preżenti. Nerġa nfakkar lill-Onor. Membru li d-dipartiment tal-psikoloġija ma joffrix biss korsijiet fil-Psikoloġija imma wkoll fil- Counselling f’livell ta’ Masters , fil- Personal and Social Education u fl-Edukazzjoni Inklussiva.

Executive Officer responsabbli mit-tgħalim tal-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid min hu l-Executive Officer responsabbli mit-tagħlim tal-Malti fil-livell primarju? Tista' in oltre tgħid jekk hemmx xi arranġament jew ko-ordinament bejn dan l-uffiċjal u l-Università ta' Malta dwar kif il-Malti jiġi mgħallem lill-istudenti li qed isegwu l-kors ta' għalliema tal-primarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Uffiċjal Edukattiv li bħalissa huwa responsabbli mit-tagħlim tal-Malti fil-livell primarju huwa s-Sur David Agius Muscat, Uffiċjal Edukattiv tal-Malti. Filwaqt li hemm kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni u l-Università ta’ Malta, bħal ngħidu aħna, fl-2009 uffiċjali mill-Università kienu f’żewġ bordijiet tal-għazliet ta’ kotba tal-Malti għall-primarja, iż-żewġ entitajiet huma indipendenti minn xulxin.

Supply teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-supply teachers li hemm fl-iskejjel primarji u li qed jgħallmu lil year 1 hux qed jingħataw li gwida dwar it-tagħlim tal-Malti u mingħand min? Hemm xi programm online biex l-għalliema jkunu jistgħu jagħmlu riferenza għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment/Direttorat jara li jsiru aġġornamenti professjonali tal-Malti għall-għalliema kollha. Isiru ukoll żjarat ta’ rutina mill-Uffiċjali Edukattivi tal-Primarja. Hemm is-sit tal-Malti b’riżorsi għall-għalliema tal-Malti li qegħdin fil-Primarja http://malti.skola.edu.mt/. Fis-sit hemm riżorsi varji li wieħed jista’ juża waqt it-tagħlim tal-Malti fl-iskejjel Primarji. Hemm ukoll is-sit tad-Dipartiment tal-Kurrikulu u l-eLearning www.curriculum.gov.mt u fih hemm ammont ta’ riżorsi oħra bħalma huma karti tal-eżamijiet, pjani ta’ lezzjonijiet, u letteratura oħra li l-għalliema jistgħu jiġu bżonnha meta jgħallmu fl-iskejjel primarji. Hemm ippjanat li jibda kors għal Supply Teachers fi Frar 2010.

Burmarrad — San Pawl Milqi - upgrade tal-inħawi

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-inħawi ta' San Pawl Milqi, f'Burmarrad, jingħataw upgrade biex dan il-monument nazzjonali jkun jista' jiġi apprezzat u mħares ferm aħjar milli qed jiġri s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

San Pawl Milqi huwa sit arkeoloġiku importanti u Heritage Malta qed tagħmel dak kollu li tista’ sabiex tattira l-fondi neċessarji sabiex is-sit ikun jista’ jsir fih ix-xogħol meħtieġ. Sadanittant qed jiġi żgurat li s-sit ma jsofrix ħsarat sabiex ikun jista’ jiġi apprezzat mill-ġenerazzjonijiet futuri. Madanakollu s-sit jinfetaħ regolarment għal viżitaturi individwali jew fi gruppi li jagħmlu domanda sabiex iżuruh. Ġew ukoll organizzati open days u attivitajiet oħrajn għall-apprezzament ta’ dan is-sit b’kollaborazzjoni mall-Kunsill Lokali.

Class room experience

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk class room experience bħala għalliem tiġix meqjsua bħala administrative experience fejn jidħlu applikazzjonijiet għal assistenti kapijiet, kapijiet, assistenti diretturi, diretturi u karigi oħra aktar 'l fuq?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li kull sejħa ta’ applikazzjoni li toħroġ mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku tistipula fl-istess sejħa l-kriterji ta’ eliġibilità. Fejn tidħol esperjenza s-sejħa għall-Asstent Kap ta’ Skola tirrikjedi “għaxar (10) snin skolastiċi esperjenza bħala għalliema li l-aħħar ħames (5) snin tagħhom iridu jkunu fl-iskejjel statali”. Għal Kap ta’ skola, is-sejħa tirrikjedi li: · “jkunu Assistenti Kapijiet ta’ Skola, Subject Co-ordinators (Kapijiet tad-Dipartimenti) jew School Counsesllors ; · għandhom warrant ta’ għalliem u mhux inqas minn erba’ (4) snin skolastiċi servizz fil-grad ta’ Assistent Kap ta’ Skola, Subject Co-ordinators (Kapijiet tad-Dipartiment), u School Counsellor fi skola liċenzjata (ċertifikat dwar dan il-grad irid jiġi ppreżentat u jinkludi r-responsabilitajiet, skala tas-salarju u proċess tar-reklutaġġ fil-grad. Il-formola GP 47 għal uffiċċjali pubbliċi hija biżżejjed).” Għal Assistenti Diretturi, is-sejħa tirrikjedi li l-applikanti jkunu Prinċipali ta’ Kulleġġi, Uffiċjali ta’ l-Edukazzjoni Prinċipali, Uffiċjali Edukattivi, Kapijiet ta’ Skejjel, u Service Managers li jkollhom mhux anqas minn erba’ (4) snin esperjenza fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-gradi jew pożizzjonijiet. Għal Diretturi, s-sejħa tirrikjedi “esperjenza, inkluż esperjenza fit-tagħlim u f’karigi ta’ responsabbiltà fil-qasam tal-edukazzjoni”. Għal Principali tal-Kulleġġi, s-sejħa tirrikjedi “esperjenza f’management / amministrazzjoni f’oqsma edukattivi, inkluż esperjenza fit-tagħlim”. Kif jidher ċar kull sejħa tispjega b’mod ċar il-kriterji ta’ għażla inkluż fejn tidħol l-esperjenza.

Public Broadcasting Services — arkivji

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn jinsabu l-arkivji tal-Public Broadcasting Services? Min huwa responsabbli minn dawn l-arkivji? Min huma l-persuni jew kumpaniji li minn żmien għal żmien għamlu użu minn dawn l-arkivji? Kemm kien il-ħlas f'kull każ? Tista' tagħti l-informazzjoni dettaljata għal dawn l-aħħar tliet snin, jiġifieri mis-sena 2007 sal-aħħar tas-sena 2009, xahar b'xahar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-PBS ma hemm ħadd li hu direttament responsabbli mill-Arkivji għax l-istruttura tal-PBS ma tipprovdix għal Arkivist. Madankollu ġiet allokata persuna teknika biex tieħu ħsieb l-Arkivji. Minn żmien għal żmien l-Arkivji tal-PBS jiġu wżati regolarment minn diversi persuni privati kif ukoll minn Kumpaniji li jkunu qed jipproduċu programmi għal TVM. Ir-rati stabbiliti huma: Materjal Awdjoviżiv għas-sena kurrenti Programm €23 Inkluż VAT, Dubbing u kopja DVD Aħbarijiet €23 Inkluż VAT, Dubbing u kopja DVD Materjal Awdjoviżiv għall-użu minn stazzjon għal stazzjon, kemm lokali kif ukoll barranin. L-aħħar ħames snin €35 kull minuta inkluż VAT għal kull DVD jew BETA Snin Preċedenti 2000-2004 €39 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA 1990-1999 €39 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA 1980-1989 €44 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA 1970-1979 €49 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA 1960-1969 €58 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA 1950-1959 €58 kull minuta u VAT għal kull DVD jew BETA Barra li jeżistu dawn ir-rati speċifiċi għall-użu tal-Arkivji jeżisti wkoll ftehim partikolari ma’ Kumpaniji li jkunu qed jipproduċu programmi għal TVM. Il-PBS thoss li dawn m’għandhomx jiġu ppublikati għax huma ta’ natura kummerċjali.