Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani fuq il-lista ta’ stennija biex jidħlu fi Djar tal-Anzjani tal-Gvern għal din l-aħħar sena?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Settembru kien hemm 1,857 anzjan/a li qegħdin fil-lista ta’ stennija biex jidħlu f’dar residenzjali tal-Gvern.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Talbiet taħt l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet skont l-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni lill-Ministeru u lill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt l-istess dekasteru mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm minn dawn it-talbiet ġew imwieġba, kemm minnhom għadhom pendenti, u kemm minn dawn it-talbiet ma ntlaqgħux? Għal kull waħda mit-talbiet li ma ntlaqgħux, jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni għal dan, u jindika lil liema fergħa tad-dekasteru ġew preżentati t-talbiet?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li għall-perjodu 2022 sal-lum, jien infurmat illi l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva inkluż l-Awtoritajiet Pubbliċi kkonċernati, rċevew 20-il talba. Minn dawn, 6 intlaqgħu, 13 ma ntlaqgħux waqt li talba waħda għadha qed tiġi evalwata. Fejn it-talbiet kienu rifjutati dan sar għaliex id-dokumenti mitluba huma esklużi mill-iskop tal-Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni.
Residenza San Vinċenz de Paul – Standard Operating Procedures
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 12139 u jgħid meta ġew aġġornati l-aħħar l-iStandard Operating Procedures fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-proċeduri kif aġġornati u jgħid fiex kien jikkonsisti l-aħħar aġġornament ta’ dawn il-proċeduri?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’ SOPs fir-Residenza San Vinċenz qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sodod vojta/mhux okkupati fir-Residenza San Vinċenz de Paul sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm sodod vojta, f’liema swali qegħdin u kemm hu n-numru ta’ sodod vojta/mhux okkupati f’kull sala?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sakemm qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, in-numru ta’ mhux okkupati f’San Vinċenz de Paul huwa hekk – 9 sodod f’Narċis, 32 sodda f’Rużar Briffa Ward 3 (minħabba li din hija sala riservata li tilqa’ pazjenti bil-Covid), sodda f’John Paul Ward 1.
Is-Sodod mhux okkupati fil-wards Narċis u John Paul Ward 1 huma hekk għax pazjenti huma mdaħħlin skont l-għanijiet mediċi tagħhom.
Anzjani jistennew li jiġu trasferiti għal djar residenzjali tal-anzjani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12137, fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10878, jista’ l-Ministru jgħid mid-19-il pazjent fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u mis-97 pazjent fl-Isptar Mater Dei li qed jistennew biex jiġu trasferiti fi djar tal-anzjani jew fir-Residenza San Vinċenz de Paul kemm minnhom qed jistennew li jidħlu f’xi dar residenzjali tal-anzjani u kemm minnhom qed jistennew li jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant in-numru ta’ pazjenti f’Mater Dei li qed jistennew biex jidħlu f’San Vinċenz de Paul huwa għaxra (10). Ninforma lill-Onor. Interpelanta li l-pazjenti huma mdaħħlin skont l-għanijiet mediċi tagħhom. Fir-rigward tal-pazjenti mill-Isptar t’Għawdex dawk ma jkunux mdaħħlin fid-djar residenzjali tal-anzjani taħt l-AACC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu u f'liema kariga u/jew pożizzjoni fid-Day Centres tal-Anzjani? Jista’ jgħid ukoll jgħid kemm jonqos impjegati għal full complement għal kull kariga u/jew pożizzjoni?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-total ta’ impjegati li jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum huwa 84, kif spjegat fit-tabella hawn taħt. Fiċ-ċentri ta' matul il-jum hemm il-full complement.
Grad
kariga u/jew pożizzjoni
Numru
Supervisors
Uffiċjali inkarigati miċ-Ċentri matul il-Jum
15
Social Assistants II
Jorganizzaw attivitajiet, jippreparaw snacks, jassistu l-anzjani fuq trasport u jnaddfu.
45
Impjegati ngaġġati permezz ta’ contractual Service
Jorganizzaw attivitajiet, jippreparaw snacks, jassistu l-anzjani fuq trasport u jnaddfu.
23
Senior Operative
Jorganizzaw attivitajiet, jippreparaw snacks, jassistu l-anzjani fuq trasport u jnaddfu.
1
Abbozz ta’ Ligi bit-titolu ‘Att dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Anzjani Vulnerabbli u Persuni Adulti b’Diżabilità’
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser ikun qed jiġi ppreżentat fil-Parlament l-Abbozz ta’ Liġi bit-titolu ‘Att dwar il-Protezzjoni ta’ Persuni Anzjani Vulnerabbli u Persuni Adulti b’Diżabilità’, li ħareġ għall-konsultazzjoni fis-sena 2017?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Bormla — Ċentru ta’ Matul il-Jum għall-anzjani li kienu jirresjedu fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-anzjani li kienu jirresjedu fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla qabel ma ngħalqet, humiex se jingħataw il-fakultà li jibdew jattendu ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum li ser ikun qed jinfetaħ ġewwa Bormla fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani li kienu jirresjedu fid-Dar tal-Anzjani ta’ Bormla qabel ma ngħalqet, se jingħataw il-fakultà li jibdew jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva li ser ikun qed jinfetaħ ġewwa Bormla fil-ġimgħat li ġejjin. Għal dan il-għan se jiġi organizzat it-trasport biex dawn l-anzjani, li bħalissa qed jgħixu ġo djar residenzjali oħra, ikunu jistgħu jattendu ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva ġewwa Bormla.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa ser ikun qed jinfetaħ iċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum li ser ikun qed jinfetaħ ġewwa Bormla fil-ġimgħat li ġejjin?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċentru tal-Anzjanità Attiva li ser ikun qed jinfetaħ ġewwa Bormla, se jkun qed jiftaħ erba’ darbiet fil-ġimgħa. Sadanittant fil-Kottonera fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jinfetħu żewġ ċentri oħra tal-Anzjanità Attiva. Wieħed fil-Kalkara u l-ieħor fil-Birgu.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Remunerazzoni ta’ individwi
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-individwi fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, li għandhom pakkett finanzjarju ikbar mill-Ministru nnifsu? Jista’ jgħid ukoll min huma u kemm hu l-pakkett annwali, inkluż perkaċċi u bonuses?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12090.
Ministeru għall-Anzjanità Attiva – politika dwar is-saħħa mentali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux politika għas-saħħa mentali biex is-saħħa mentali tiġi integrata fit-tfassil ta’ kull politika mill-istess Ministeru? Jekk le, jista’ jgħid jekk hemmx il-pjan li titfassal u tiġi adottata din il-politika (mental health policy)?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan il-Ministeru, bħala parti mis-Servizz Pubbliku, huwa marbut mill-politika ċentrali fuq is-saħħa mentali. Minbarra hekk tajjeb li jingħad ukoll li fil-Ministeru tingħata importanza kbira lill-Employee Support Programme fejn uffiċjali jistgħu jirrikorru f’każ ta’ diffikultà ulterjuri.
Jista’ l-Ministru jgħid x’servizz joffri l-Gvern f’każ li anzjan ta’ 60 sena jispiċċa homeless?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif il-ħaddiema soċjali fi ħdan l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità jsiru jafu bil-każ ta’ persuna li għandha ’l fuq minn sittin (60) sena u li spiċċat bla saqaf fuq rasha, isir l-assessjar meħtieġ. Dan jikkonsisti fil-ġbir ta’ informazzjoni bażika u anke informazzjoni aktar komplessa rigward is-saħħa, l-abbiltajiet fiżiċi u l-imġiba tal-klijent. Wara li jkollhom stampa aktar ċara tal-każ, il-ħaddiema soċjali jistħarrġu x’wassal biex il-persuna spiċċat f’din is-sitwazzjoni u jekk hemmx finanzi sabiex tkun tista’ tikri fejn toqgħod. Huma jiċċekkjaw ukoll jekk ikunx hemm xi familjari li jkunu jistgħu jgħinu lill-persuna. F’każ li l-persuna ma jkollhiex alternattiva oħra, isir kuntatt mal-homeless shelters li hawn f’Malta u Għawdex sabiex jistħarrġu l-possibilità li l-persuna tidħol f’xi post minn dawn. Il-ħaddiema soċjali jkomplu jsegwu u jgħinu lill-individwu skont kif meħtieġ.
Residenza San Vinċenz de Paul – Anzjani jistennew li jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew sabiex jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għal Residenza San Vinċenz de Paul fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li sakemm qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, hemm 24 anzjan/a jistennew biex jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għal San Vinċenz de Paul.
Anzjani jistennew li jiġu trasferiti għal djar residenzjali tal-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani jistennew sabiex jiġu trasferiti mill-Isptar Mater Dei għal djar residenzjali tal-anzjani fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tireferri għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10878.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux il-linji gwida fir-Residenza San Vinċenz de Paul sabiex il-professjonisti mediċi jkunu jistgħu jsegwu meta jsiru l-allokazzjonijiet fis-swali? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn il-linji gwidi ġewx adottati u implimentati?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li f’San Vinċenz de Paul, hemm numru ta’ linji gwida li qegħdin fis-seħħ u li dawn iservu ta’ gwida biex il-professjonisti mediċni jkunu jistgħu jsegwuhom meta jsiru l-allokazzjonijiet fis-swali.
Residenza San Vinċenz de Paul – Standard Operating Procedures
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġew aġġornati l-aħħar l-iStandard Operating Procedures fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-proċeduri kif aġġornati u jgħid fiex kien jikkonsisti l-aħħar aġġornament ta’ dawn il-proċeduri?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.
Rapport dwar il-konsultazzjoni pubblika fuq Assistive Tracker Devices
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-full synopsis report li jinkludi wkoll il-konsultazzjoni pubblika li saret dwar Assistive Tracker Devices għall-anzjani li jirrisjedu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, kif ukoll fid-djar tal-anzjani amministrati mill-Active Ageing and Community Care (AACC)?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Residenza San Vincenz de Paul — Spiża fuq ħasil u tibdil ta’ lożor
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11522 dwar l-ispiża biex jinħaslu u jinbidlu l-lożor fir-Residenza San Vincenz de Paul, jista’ l-Ministru jgħid u jispjega fejn isir il-proċess kollu għall-ħasil ta’ dawn il-lożor, u possibbilment kemm jintuża ilma għal dan il-proċess? Jista’ jkun aktar preċiż u jagħti breakdown tas-somma globali ta’ €257,627.12 bħala spiża u jgħid x’inhuma l-ispejjeż preċiżi? Jista’ jgħid ukoll kemm kienet l-ispiża preċiża għas-snin 2021 u 2022 rispettivament u jagħti breakdown tal-ispiża involuta?
Response (ETIENNE ABELA, JO)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-bdil u l-ħasil tal-lożor tas-sodod isir minn koperattiva (KOLS) li tinsab fil-binja tal-Isptar Mount Carmel. Għaldaqstant, SVP mhuwiex f’pożizzjoni li jgħid kemm jintuża ilma f’dan il-proċess.
L-ispiża għas-sena 2021 kienet ta’ €259,813.49 VAT eskluża u tas-sena 2022 kienet ta’ €294, 405.03 VAT eskluża.