Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — karozzi mikrija/mixtrija
Question
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra bid-ditta u mudell tal-karozza/i ministerjali li jaqgħu taħt il-portafoll tiegħu, inkluż tas-segretarju parlamentari fejn hu l-każ, jekk hux mixtrija jew mikrija, u jgħid kemm swiet biex inxtrat jew kemm qiegħda tinkera jekk mikrija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza ministerjali hija Mercedes Benz, E220d u hija mikrija għal €27.96 kuljum.
Skema Programm ta’ Manutenzjoni tal-Binjiet tal-Gvern (2011-2025)
Question
B'referenza għall-iskema taħt il-Programm ta' Manutenzjoni tal-Binjiet tal-Gvern (2011-2025), jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra liema appartamenti u f'liema lokalitajet sar tali manutenzjoni mill-2019 sal-lum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — persons of trust u positions of trust
Question
Jista’ l-Ministru jindika n-numru ta’ persons of trust u positions of trust li hemm f’kull entità fi ħdan il-Ministeru tiegħu, fil-ġurnata li fiha qed issir din l-interpellanza?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 20992.
Persuni li jbatu minn Fibromyalgia u Parkinsons Disease
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li jbatu minn Fibromyalgia u Parkinson’s Disease li huma iżgħar minn 61 sena, li jieħdu SDA u/jew pensjoni tal-invalidità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Position of Trust
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu direttament mal-anzjani fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum kif ukoll fid-Djar Residenzjali tal-Anzjani? Kemm minn dawn il-ħaddiema jafu jamministraw l-Ewwel Għajnuna fejn ikun neċessarju?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ghadha qed tingabar u ghaldaqstant it-twegiba tinghata f'seduta ohra.
Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Spezzjonijiet
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 20959, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm nuqqasijiet fl-450 spezzjoni li saru fis-Servizzi għan-Nies b’Diżabilità s-sena oħra u x’rakkomandazzjonijiet saru biex dawn in-nuqqasijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-450 spezzjoni li għamlet, l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali ħarġet 310 rakommandazzjonijiet għas-servizzi għal persuni b’diżabilità wara li nstabu nuqqasijiet dwar l-ambjent ta’ servizz, kura, immaniġġjar tas-servizz u fejn jidħlu attivitajiet ta’ kuljum. F’każi minnhom, in-nuqqasijiet ġew irranġati minnufih, filwaqt li f’każi oħra ġie mfassal pjan ta’ azzjoni minn min jipprovdi s-servizz. L-Awtorità tibqa’ tagħmel moniteraġġ sabiex tassigura li dan il-pjan jiġi fis-seħħ.
Sabiex ir-residenti ta’ San Vinċenz jiġu assigurati aktar sigurtà, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm CCTV cameras installati f’dan il-post? Fejn huma installati dawn il-cameras?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux possibbli nirrispondi għal raġuni ta’ sigurtá. Hu ppjanat li fix-xhur li ġejjin isir assessjar ta’ livelli differenti ta’ sigurtá f’San Vinċenz de Paul.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — impjieg, tender jew direct order lill-persuna
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru u l-entitajiet li jaqaw taħtu ma taw l-ebda impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament.
Awtorità ta' Standards ta' Ħarsien Soċjali — Spezzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20747 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal u li issa saret lilu u jindika kemm saru spezzjonijiet mill-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali f’dawn l-aħħar sentejn u fejn saru dawn l-ispezzjonijiet sabiex jiġu provduti servizzi li huma siguri u ta’ kwalità għolja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-Awtorità ta’ Standards ta’ Ħarsien Soċjali għamlet 980 spezzjoni fl-2019 u 3,262 spezzjoni fl-2020. Dettalji dwar dawn l-ispezzjonijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm koppji anzjani li applikaw għall-Home Help tul din l-aħħar sena?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien hemm 551 koppja anzjani li applikaw għall-Home Help matul is-sena 2020 u 121 koppja li applikaw bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-Entitajiet u awtoritajiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-mistoqsijiet parlamentari 12908 u 18171.
Residenzi tal-anzjani – anzjani li ma jistgħux iqumu mis-sodda — viżitaturi
Question
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra hemmx ħsieb li issa li l-anzjani fir-residenzi f'Malta u Għawdex jistgħu jirċievu l-viżitaturi, isiru arranġamenti apposta, biex anke dawk l-anzjani li ma jistgħux iqumu mis-sodda, ikunu jistgħu jirċievu viżitaturi fil-kamra tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant ill fil-każ ta’ persuni li ma jistgħux iqumu mis-sodda, il-viżitaturi għandhom ikellmu lill-maniġment tad-dar biex jagħmlu l-arranġamenti neċessarji.
Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva — position of trust – persuni mlaqqma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid, sal-15 ta’ Marzu kemm ġew imlaqqma persuni li jokkupaw Position of Trust fil-Ministeru tiegħu jew f’xi entità li taqa’ taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid x’inhi l-età ta’ dawn il-persuni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minbarra li dak li qed jitlob hu jikkostitwixxi għal tagħrif personali, dawk il-ħaddiema taħt il-Ministeru li huma meqjusin bħala frontliners ġew imlaqqmin parti minn proċess nazzjonali skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.