Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Pawl il-Baħar — Provvista tal-elettriku u xogħlijiet għal upgrade tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 15660 u 21793, tista' l-Ministru tgħid f'liema toroq f’San Pawl il-Baħar, il-Korporazzjoni Enemalta għandha l-pjan li tagħmel xogħlijiet relatati mal-provvista tal-elettriku inkluż upgrades tas-sistema tad-distribuzzjoni tad-dawl?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, se jkompli jsir tisħiħ tal-provvista kemm fuq livell ta’ vultaġġ medju kif ukoll baxx. Enemalta, b’kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta u Transport Malta, se tkun qed tpoġġi 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż San Pawl l-Baħar. Għaldaqstant, se jkun hemm toroq f’din il-lokalità li fihom, minn żmien għal żmien, se jkunu qegħdin isiru dawn ix-xogħlijiet skont il-permessi maħruġa minn Transport Malta.

Ġbir tal-iskart – Kontravenzjonijiet maħruġa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) relatati mal-ambjent, inluż ksur tar-regolamenti tal-immaniġġjar/ġbir tal-iskart għas-snin 2020, 2021, 2022 u 2023, u taqsam dan it-tagħrif, lokalità lokalità, separatament għal kull sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġbir tal-iskart – Kontravenzjonijiet maħruġa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal kontravenzjonijiet mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) relatati mal-ambjent, inkluż ksur tar-regolamenti tal-immaniġġjar/ġbir tal-iskart sal-aħħar ta' Ottubru 2024, u taqsam dan it-tagħrif, lokalità lokalità, separatament għal kull sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22604.

Enemalta — Kiri ta’ tower cranes

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tikri tower cranes l-Enemalta, mingħand min tikrihom u kemm hu l-prezz li bih jinkera kull tower crane kull ġurnata? Tista’ tgħid ukoll għal kemm huwa l-perjodu tal-kuntratt u meta jiskadi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Enemalta m’għandhiex tower cranes mikrijin.

Enemalta — Customer care

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jipprovdi s-servizz ta' customer care għall-Enemalta? Tista’ tgħid ukoll kemm jiswa s-servizz għal kull jum, għal kull xahar u għal kull sena, kif ingħata u meta jiskadi l-kuntratt eżistenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Arms Ltd — Customer care

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jipprovdi s-servizz ta' customer care għall-Arms Ltd? Tista’ tgħid ukoll kemm jiswa s-servizz għal kull jum, għal kull xahar u għal kull sena, kif ingħata u meta jiskadi l-kuntratt eżistenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lil Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

BCRS — Vawċers li ma ġewx msarrfa u kontenituri li ma ġewx ritornati

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 22581 u tagħti ċ-ċifra ta’ flus li baqgħu għand il-kumpanija BCRS minn vawċers li ma ġewx imsarrfa u kontenituri li ma ġewx ritornati mill-bidu tal-iskema sal-lum u fejn dawn il-flus ġew ri-investiti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li, fil-perjodu minn meta bdiet l-iskema sal-aħħar ta’ Settembru 2024, il-valur tal-vawċers li baqgħu ma ssarfux, wara li skadiet sena mid-data meta nħarġu, ammonta għal €345,216. Id-dħul mill-kontenituri mhux ritornati jiġi stabbilit ladarba s-sena finanzjarja tiġi pubblikata. Dawn il-flus ġew investiti fix-xiri ta’ aktar makkinarju, biex jittejjeb l-operat u spejjeż relatati mal-impjant ta’ Ħal Far, kif ukoll investimenti oħrajn meħtieġa skont kif permess mil-leġiżlazzjoni sussidjarja 549.134.

Il-Kalkara — Proġett il-ġdid tax-Xatt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni tal-għargħar li kien hemm fil-proġett il-ġdid tax-Xatt tal-Kalkara mal-ewwel xita li għamlet wara li ġie inawgurat dan il-proġett? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża sabiex ix-xogħol ħażin li sar, ġie rranġat, u min ħallas għalih? Jista’ jgħid ukoll jekk b’dawn it-tiswijiet li saru, ġietx solvuta tali problema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-sistema għall-ilma tax-xita li kienet parti mill-proġett saret b’mod tajjeb u mhux il-każ li sar xogħol ħażin kif qed tinsinwa l-Onor. Interpellanta. Iż-żona tal-Pjazza tal-Kalkara u x-xatt hija magħrufa li fiha jinżel ħafna ilma minn partijiet aktar għoljin fil-lokalità. Fil-ġurnata inkwistjoni għamlet xita qawwija f’daqqa kif ġara f’inħawi oħrajn madwar il-pajjiż. Għalkemm l-ilmijiet ġew assorbiti mis-sistema f’ħin qasir, madankollu ġie nnutat li l-ammont kbir ta’ ilma minn żoni oħrajn, anke minħabba li kienet l-ewwel xita qawwija wara s-sajf, ġarr miegħu ħafna ħmieġ u debris li spiċċa biex sadd partijiet mis-sistema. Bil-għan li tkun mitigata kemm jista’ jkun il-possibbiltà ta’ sitwazzjoni simili fil-futur, ġie deċiż li jsir titjib addizzjonali. Għaldaqstant, saru xogħlijiet oħrajn mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) ta’ madwar €10,000 biex tkabbru l-aċċessi ta’ numru ta’ spralli ħalli f’każ li jerġa’ jkun hemm sadd ikun aktar faċli li dawn jitnaddfu minnufih. Ittieħdu wkoll miżuri biex kemm jista’ jkun jitnaqqsu l-ilmijiet kbar li jinżlu kull darba lejn il-pjazza min-niżla li hemm fid-daħla tal-lokalità.

New Waters — Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta beda l-proġett imsejjaħ New Waters u liema lokalitajiet ibbenefikaw s’issa minn dan il-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nippreċiża mal-Onor. Interpellanta li l-proġett li qed tirreferi għalih jismu New Water u beda fis-sena 2018. Minbarra li huwa sors ta’ ilma ta’ kwalità tajba ħafna għat-tisqija tal-uċuħ tar-raba’, din ir-riżorsa qed tgħin ukoll biex ittaffi l-pressjoni fuq l-ilma tal-pjan. Is-sena li għaddiet, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma forniet aktar minn 1.6 miljun metru kubu ta' dan l-ilma riċiklat b’benefiċċji ambjentali, li minnu diġà qed igawdu mijiet ta’ bdiewa kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Il-lokalitajiet li diġà għandhom kemm is-sistema tal-pipelines kif ukoll id-dispensers installati, fejn uħud minnhom diġà qegħdin jagħmlu użu min-New Water huma: Ħaż-Żabbar, il-Kalkara, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, ix-Xgħajra, Delimara, il-Mellieħa (l-Aħrax, il-Manikata u l-Miżieb), l-Imġarr u San Pawl il-Baħar f’Malta, kif ukoll il-lokalitjiet t’Għajnsielem, ix-Xewkija u Kerċem f’Għawdex. Il-Korporazzjoni qed tkompli testendi dan il-proġett madwar il-gżejjer Maltin biex aktar bdiewa jkollhom aċċess għal din ir-riżorsa tant essenzjali. Bħalissa qed timplimenta proġett li bih qed iżżid id-disponibbiltà ta' dan l-ilma lejn diversi nħawi oħrajn li jinkludu Marsaxlokk, il-Gudja, Ħal Għaxaq, iż-Żurrieq u Ħal Safi. Se nibqgħu għaddejjin b’dan ir-ritmu biex inkomplu nilħqu aktar lokalitajiet.

Skemi għal djar aktar sostenibbli

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar kif ġew imsaħħa l-iskemi ta' istallazzjoni ta' solar water heaters, panelli solari PV, insulazzjoni tal-bjut, heat pump water heaters, double glazing, batteriji għall-ħażna tal-enerġija u manutenzjoni tal-bjar, bil-għan li d-djar Maltin isiru aktar sostenibbli u sors ta' enerġija nadifa? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dawn l-iskemi u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Għajnuna addizzjonali lill-first-time buyers u familji bi dħul baxx

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ingħatatx għajnuna addizzjonali lill-first-time buyers u familji bi dħul baxx u medju li jinvestu biex itejbu l-prestazzjoni tal-enerġija tal-proprjetà li jkunu qed jixtru jew jgħixu fiha? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u t-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Politika dwar binjiet ġodda u l-istallazzjoni ta’ sistemi ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġietx implimentata politika li tobbliga bini ġdid li jitla' sal-ogħla massimu permess fil-pjan lokali biex jistalla sistemi ta' enerġija rinnovabbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-politika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Politika dwar l-istallazzjoni ta’ sistemi ta' enerġija rinnovabbli

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġietx implimentata politika biex f’kull żvilupp ta' binjiet kummerċjali, uffiċini u skejjel ġodda, kif ukoll kull rinnovazzjoni maġġuri ta' binjiet kbar, jiġu istallati sistemi ta' enerġija rinnovabbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din il-politika?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Malta Enterprise – Energy audits b’xejn lill-intrapriżi mikro u żgħar

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-ħidma li saret biex jiġu offruti energy audits b'xejn lill-intrapriżi mikro u żgħar permezz tal-Malta Enterprise, kif ukoll għajnuna finanzjarja biex iwettqu r-rakkomandazzjonijiet tal-audit? Tista' tgħid kemm intrapriżi bbenefikaw minn din l-inizjattiva u x'għajnuna addizzjonali ngħatat lil dawk li laħqu standards internazzjonali akkreditati favur l-ambjent? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u dwar in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Kredenzjali ESG u miri tal-Corporate Sustainability Reporting Directive

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif ġiet sostnuta l-pjattaforma mnedija f'Novembru 2021 biex tgħin lill-intrapriżi jsiru konformi mal-kredenzjali ESG u jilħqu l-miri tal-Corporate Sustainability Reporting Directive? Kemm kumpaniji bbenefikaw minn din il-pjattaforma u kif qed jgħin dan biex jitkabbar l-aċċess għall-kapital lil kumpaniji sostenibbli? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni u dwar in-nefqa relatata fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Pjattaforma tal-ESG hija għodda volontarja bl-iskop li jiżdied l-għarfien u titqajjem kuxjenza dwar il-kredenzjali ambjentali, soċjali u governanza korporattiva. Din intlaqgħet b’mod tajjeb minn bosta intrapriżi, inkluż numru ta’ kumpaniji ta’ daqs medju u entitajiet li jaqgħu barra mill-ambitu tas-CSRD minħabba d-daqs tagħhom. Fil-fatt, skont l-aħħar rapporti, minn mindu tnediet il-Pjattaforma tal-ESG, in-numru ta’ intrapriżi li jirrappurtaw il-kredenzjali tagħhom tela’ għal 33. Barra minn hekk, rajna li numru ta’ kumpaniji li rrappurtaw dwar il-kriterji tagħhom irreġistraw tnaqqis fl-emissjonijiet tal-karbonju, filwaqt li oħrajn irreġistraw tnaqqis fl-ammont totali ta’ skart iġġenerat. Numru ta’ kumpaniji rreġistraw ukoll żieda fl-ammont ta’ nisa involuti fit-tmexxija tagħhom kif ukoll żieda fl-ammont ta’ sigħat li l-impjegati jiddedikaw għat-taħriġ. Għaldaqstant, l-iskema tal-ESG, inizjattiva pilota amministrata mill-Malta Enterprise ġiet imnedija f’Settembru 2023 biex tassisti intraprizi fir-rappurtaġġ u l-valutazzjoni tal-kredenzjali tal-ESG tagħhom fuq l-istess Pjattaforma. 13-il kumpanija ibbenefikaw minn din l-iskema, li jammonta għal €36,375. Matul l-2024, il-Gvern beda l-proċess tad-diġitalizzazzjoni tal-eżerċizzju ta’ rappurtar tal-ESG bl-għan li jagħmel il-Pjattaforma tal-ESG aktar faċli għall-intrapriżi biex jirreġistraw il-kredenzjali tal-ESG tagħhom.

Sannat, Għawdex — Triq il-Paranji - Sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid li s-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku għal Triq il-Paranji, is-Sannat, Għawdex u l-inħawi ser tkun qed tissaħħaħ permezz ta' sub-station u tindika fejn ser issir din is-substation u meta din is-sub-station ser tkun qed tiffunzjona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej il-proċess biex fiż-żona indikata, fix-xhur li ġejjin tiġi kumissjonata substation ġdida biex inkomplu nsaħħu s-sistema tad-distribuzzjoni fil-lokalità. Ix-xogħol fuq din is-substation mistenni jkun lest sal-ewwel kwart tas-sena 2025.

Sannat, Għawdex — Triq il-Paranji - Servizz tal-elettriku

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-appartamenti l-ġodda fi Triq il-Paranji, is-Sannat, Għawdex humiex ser jingħataw is-servizz tal-elettriku wara li japplikaw jew jekk jenħtiġielhomx jistennew li tiġi installata sub-station fiż-żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Infurmata li l-Enemalta għadha ma rċevitx applikazzjonijiet għal servizzi ġodda fil-post indikat.

Investiment fil-ħażna tal-enerġija tal-massa bl-użu ta' batteriji fuq l-art

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar l-investiment fil-ħażna tal-enerġija tal-massa bl-użu ta' batteriji fuq l-art, bil-għan li l-grid tal-elettriku takkomoda ġenerazzjoni rinnovabbli offshore fuq skala kbira? Tista’ tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u dwar it-tqassim tan-nefqa fis-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Pajjiżna qed jaħdem biex isir investiment f’sistema ta’ ħażna ta’ enerġija f’batteriji, jew kif inhi magħrufa Battery Energy Storage Systems jew BESS. Essenzjalment dawn jikkonsistu fi grupp ta’ batteriji kbar magħqudin flimkien u li jistgħu jintużaw għal ħażna ta’ enerġija biex imbagħad, fi żmien qasir, iqassmu l-enerġija maħżuna meta l-enerġija rinnovabbli ma tkunx disponibbli - per eżempju bil-lejl meta ma jkunx hemm xemx fil-każ ta’ pannelli solari, jew meta ma jkunx hemm riħ fil-każ ta’ rdieden tar-riħ. Għal dan il-għan, dawn il-batteriji jkunu mqabbdin man-netwerk nazzjonali tal-elettriku tal-pajjiż. L-ewwel sistema ta’ ħażna fil-batteriji, imsejjħa BESS 1, se jkollha kapaċità ta’ 20MWh (8MW), u se titqiegħed f’post adattat fl-eks-power station tal-Marsa, filwaqt li t-tieni waħda, l-BESS 2, se jkollha kapaċità ta’ 64MWh (32MW) u se tiġi installata fil-power station ta’ Delimara. Infurmata li l-permessi meħtiega għall-iżvilupp taż-żewġ proġetti nħarġu mill-Awtorità tal-Ippjanar f’Lulju 2024. Dan il-proġett jorbot mal-istrateġiji tal-enerġija u l-klima ta' Malta. Dan billi bħala proġett se jkun qed jgħin biex iktar enerġija rinnovabbli tkun integrata fis-sistema tal-enerġija tal-pajjiż. B'hekk mhux biss tisaħħaħ is-sigurtà tal-enerġija iżda wkoll jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju. Dawn is-sistemi se jikkontribwixxu biex Malta tkun tista’ tilħaq il-miri tagħha ta’ dekarbonizzazzjoni. Dawn il-batteriji jservu wkoll biex titnaqqas l-intermittenza marbuta ma’ sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, u b’hekk jgħinu biex il-grid tal-elettriku jkun iktar stabbli. Dan kollu jagħti lok għal żieda ta’ enerġija nadifa fl-energy mix tal-pajjiż, filwaqt li jillimita l-użu ta’ sorsi ta’ ġenerazzjoni ta’ enerġija minn fjuwils tal-karbonju. Enemalta ħarget sejħa għall-offerti għal servizzi ta’ flessibbiltà għal faċilitajiet ta’ ħażna, li għalqet fl-aħħar t’Ottubru. F’każ li l-offerti ma jkunux konformi mar-rekwiżiti tekniċi u finanzjarji, l-Gvern iqis li l-intervent tiegħu huwa meħtieġ biex jinvesti fil-proġett tal-BESS huwa stess. In-nefqa b’rabta mal-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett s’issa kienet €99,617 (Exc VAT) fl-2023 u €422,877 (Exc VAT) din is-sena.

Proġett dwar l-użu tal-idroġenu bħala sors ta' enerġija nadifa

Question

Tista' l-Ministru tipprovdi tagħrif dwar il-progress tal-istudji u t-tħejjijiet tekniċi marbuta mal-użu tal-idroġenu bħala sors ta' enerġija nadifa f'pajjiżna? Tista’ tgħid kif dan se jkun qed jgħin biex jintlaħqu l-miri għad-dikarbonizzazzjoni sal-2050? Tista’ wkoll tipprovdi dettalji dwar l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett u t-tqassim tan-nefqa għas-snin 2022, 2023 u 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2023, tlestew l-istudji biex id-disinn tal-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija ġie rivedut u b’hekk dan ikun jista’ jintuża wkoll għall-idroġenu bħala hydrogen ready pipeline. Dawn l-istudji ma kienux biss meħtieġa biex jiġi modifikat id-disinn tal-pipeline, imma wkoll biex, wara li sar l-assessjar meħtieġ, il-proġett żamm postu bħala Proġett ta’ Interess Komuni fil-lista tal-2023. Din il-lista ġiet approvata mill-Parlament Ewropew aktar kmieni din is-sena. In-nefqa fuq dawn l-istudji kienet tammonta għal madwar €1 miljun. Ninsab infurmata wkoll li l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA) bdiet il-proċess tat-tendering biex takkwista s-servizzi ta’ konsulenti biex jitħejja studju estensiv fost l-industrija u s-settur tas-servizzi biex jiġu identifikati l-aħjar għażliet għad-dikarbonizzazzjoni ta’ dawn is-setturi. Fost dawn l-għażliet għandu jiġi kunsidrat ukoll l-użu tal-idroġenu. Huwa stmat li dan l-istudju se jiswa madwar €217,000. Dwar il-potenzjal li jintuża l-idroġenu fil-qasam tat-trasport nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi lill-Ministeru konċernat.