Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11380 u tagħti break down tar-rata li biha nbiegħ kull kWh li ġġenerat l-Enemalta fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema tabella tgħid kemm kien hemm units li ma ġewx billed (mitlufa f'ineffiċjenzi/losses fil-ġenerazzjoni jew sistema ta' distribuzzjoni u/jew misruqa)? Tista’ tgħid ukoll b’kemm tħallsu l-units li ġew billed (kemm units tħallsu bl-10c47, kemm units tħallsu bit-12c98, eċċ), possibbilment maqsuma f'tabelli separati għal dawk domestiċi, residenzjali u kummerċjali (non-residential)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed isiru ġewwa Triq Karlu Maratta, Ħal Tarxien u senjatament jekk huwiex minnu li hemm xi tappieri li huma ssiġillati kompletament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li mhux minnu li hemm xi tappieri ssiġillati. L-imsemmija xogħlijiet tnedew minn Infrastructure Malta u primarjament jikkonsistu fi tqegħid ta’ asfalt ġdid. Minn evalwazzjoni li saret, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabet li kien hemm bżonn isir tibdil ta’ soqfa tal-konkrit tal-manholes kif ukoll tibdil ta’ tappieri u għaldaqsant dawn ġew installati mill-ġdid. Wara li dan ix-xogħol ġie finalizzat, saru numru ta’ spezzjonijiet sabiex jiġi żġurat li x-xogħlijiet saru skont id-dettalji tekniċi li timxi fuqhom il-Korporazzjoni u li m’hemmx debris li jista’ jikkaġuna ħsara lis-sistema tad-drenaġġ.
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Nefqa fuq reklmar
Question
Tista' l-Ministru tgħid, xahar b'xahar, minn nhar is-27 ta' Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha, f'reklamar fuq is-sit soċjali Facebook? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-imsemmija reklami?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa totali fuq reklamar fuq is-sit soċjali Facebook tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu tinsab hawn taħt:
Ambjent Malta
€250
ARMS
€795
Circular Economy Malta
€1,598
Enemalta
€,1550
Enemed
€1,672
ERA
€5,116
Family Business
€764
Interconnect Malta
€144
Malta Enterprise
€380
MEEE
€2,107
Project Green
€519
EWA
€1,920
Wasteserv
€3,398
WSC
€840
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Konsulenti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12496 fl-intier tagħha u tgħid min huma l-konsulenti u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inqiegħed l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema ‘Business Start’ bejn is-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Kemm ingħataw kull waħda minn dawn il-kumpaniji f'tax credit jew fi grant?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hija marbuta bil-kunfidenzjalità imposta skont l-artikolu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-artikolu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act).
It-tabella hawn taħt turi l-ammonti totali tal-assistenza mogħtija sena b’sena:
2015
€275,000
2016
€1,400,000
2017
€375,000
2018
€450,000
2019
€225,000
2020
€750,000
2021
€756,000
2022
€975,000
2023
€188,000 (s’Ottubru 2023)
Tista’ l-Ministru tgħid minn min huwa kompost il-bord li jiddeċiedi fuq applikazzjonijiet tal-iskema ‘Business Start’?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjonijiet għal assistenza taħt l-iskema ‘Business Start’ jgħaddu minn proċess amministrattiv. Meta applikazzjoni tkun se tiġi rifjutata, din tiġi riferuta lill-kumitat għall-investiment (sotto kumitat tal-Bord tal-korporazzjoni) għal deċiżjoni finali.
Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema ‘Business Development’
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm intrapriżi bbenefikaw mill-iskema ‘Business Development’ bejn is-sena 2015 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tal-Business Development fil-format preżenti bdiet mill-2021.
L-ammont totali tal-intrapriżi li bbenefikaw jinstab fit-tabella hawn taħt:
2021
2022
2023
Business Development 2021
27
61
59
Intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema ‘Business Development’
Question
Tista’ l-Ministru tgħid min huma l-intrapriżi li bbenefikaw mill-iskema ‘Business Development’ bejn is-sena 2015 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm ingħataw kull waħda minn dawn il-kumpaniji?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Enterprise hija marbuta bil-kunfidenzjalità imposta skont l- artikolu 21(5) tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Malta Enterprise Act) u l-artikolu 33 tal-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Business Promotion Act). Barra minn hekk, l-iskema tal-Business Development bdiet mis-sena 2021.
L-ammonti totali tal-assistenza mogħtija jinstabu fit-tabella hawn taħt:
2021
2022
2023
Business Development 2021
€3,578,206
€6,064,019
€6,963,400
Tista’ l-Ministru tgħid minn min huwa kompost il-bord li jiddeċiedi fuq applikazzjonijiet tal-iskema ‘Business Development’?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Bord tal-Korporazzjoni japprova l-assistenza taħt l-iskema Business Development. Il-Bord huwa kompost minn William Wait (President), Peter Borg (Deputat President) u tmien membri li huma Paul Abela, Jessica Camilleri, Victor Carachi, Michele Cardinali, Michael Grech, Brian Muscat, Terry Zammit u Christopher Vella Cesareo.
San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Studju ġeoloġiku
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306, tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx jew ma sarx geological studies ta’ fejn qed ikun propost li jkun hemm underground parking?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali studju se jkun qed isir kif tistipula l-liġi LN136 tal-2019, kif spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12306.
San Ġwann – Proġett mill-Aġenzija Project Green – Diskussjonijiet mal-Awtorità tad-Djar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12308, tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex konxja ta’ rapport tekniku li sar mill-Awtorità tad-Djar fuq il-pedamenti ta’ din il-binja? Jekk le, kif tista’ tagħti serħan lir-residenti li mhux ser ikun hemm diffikultajiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nerġa’ nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu tal-mistoqsija parlamentari 12308, li tagħmel referenza għall-mistoqsija parlamentari 12306 u li fiha diġà ngħad b’mod ċar li l-proprjetà tal-Housing Estate mhix ser tintmess bl-ebda mod.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12976, tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ ġeneraturi u/jew turbini f'impjanti ta' emerġenza għall-Enemalta ser ikunu qed jikkomponu din il-kapaċità teknika ta’ 60MW li ser tkun qed tinkera, b’liema proċess ser tkun qed tinkera, ċjoè jekk hux b’direct order, tender eċċ., u meta hu mistenni li din tkun disponibbli?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà ħabbart, l-Enemalta bħalissa qed taħdem biex toħroġ tender li jkun jinkludi l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi kollha dwar x’tip ta’ tagħmir huwa meħtieġ biex jipprovdi din il-kapaċità ta’ 60MW.
Birkirkara – Triq il-Papa Ġwanni Pawlu I — Xogħlijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta se ssir it-tiswija neċessarja u jingħata asfalt lill-wiċċ ta’ Triq il-Papa Ġwanni I, f’Birkirkara, peress li wara li sar xogħol ta’ manutenzjoni tal-main tad-drenaġġ, il-wiċċ ta’ din t-triq jinsab fi stat perikoluż ħafna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol fl-imsemmija triq għadu għaddej u mistenni jitlesta sal-aħħar ta’ Novembru. Ninsab infurmata li qegħdin jittieħdu u jiġu mħarsa l-miżuri kollha ta’ saħħa u sigurtà.
Paola/Tarxien — Triq Sammat - Nuqqas ta’ pressa ta’ ilma
Question
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex partijiet minn Triq Sammat Paola/Tarxien, b’mod partikolari dawk viċin l-isptar li qiegħed jinbena, qed ikollhom nuqqas ta’ pressa ta’ ilma u x’jista’ jsir biex titjieb?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport ta’ pressa baxxa fl-akkwata indikata.
Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt
Tista’ l-Ministru tgħid x'sar mill-proġett li kellu jsir sabiex tiġi protetta ż-żona tal-Magħluq u biex jonqos il-coastal erosion ġewwa Marsaxlokk? Tista’ tgħid ukoll kif sadanittant qed jiġu protetti l-bajja u s-sit Natura 2000 biswit?
Response (DALLI, MIRIAM)
Niforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett sabiex titnaqqas il-coastal erosion f’Marsaxlokk qed jitmexxa primarjament mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u sar studju fuq is-sistemi ekoloġiċi u idroloġiċi tas-sit sabiex tinġabar l-informazzjoni xjentifika meħtieġa. Tħejjew ukoll rakkomandazzjonijiet dwar miżuri li jistgħu jitwettqu biex titnaqqas il-coastal erosion, u a bażi tal-istess rakkomandazzjonijiet, saru diskussjonijiet intensivi ma’ Infrastructure Malta u esperti xjentifiċi oħra sabiex jitħejja pjan t’azzjoni. Il-pass li jmiss hu li tiġi sottomessa l-applikazzjoni għall-ippjanar u li tiġi abbozzata s-sejħa għall-offerti.
Inżid ukoll li parti mis-sit Natura 2000 tal-Ballut ta’ Marsaxlokk qed jiġi mmaniġġjat mill-għaqda volontarja Nature Trust Malta (NTM) bi ftehim mal-ERA, u matul l-aħħar xhur ġie installat ilqugħ li jipproteġi s-sit u jikkontrolla l-aċċess, tħawlu siġar u xtieli indiġeni u ġew installati wkoll tabelli informattivi dwar l-importanza ekoloġika tas-sit.
Tista’ l- Ministru tgħid kemm inħolqu green walls, green pockets u ġonna komunitarji kif kien imwiegħed is-sena li għaddiet?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, b’żieda mal-informazzjoni li diġà tajt fit-tweġibiet għal diversi mistoqsijiet parlamentari li saru minnha dwar is-suġġett, f’inqas minn sena li ġiet imwaqqfa Project Green inħolqu il-green pockets ta’ Safi Dog Park u l-Maqluba filwaqt li saret riġenerazzjoni ta’ Ġnien iż-Żgħażagħ u Kalkara Pocket Park.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11380 u tagħti break down tar-rata li biha nbiegħ kull kWh li ġġenerat l-Enemalta fl-2022 u fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema tabella tgħid kemm kien hemm units li ma ġewx billed (mitlufa f'ineffiċjenzi/losses fil-ġenerazzjoni jew sistema ta' distribuzzjoni u/jew misruqa)? Tista’ tgħid ukoll b’kemm tħallsu l-units li ġew billed (kemm units tħallsu bl-10c47, kemm units tħallsu bit-12c98, eċċ), possibbilment maqsuma f'tabelli separati għal dawk domestiċi, residenzjali u kummerċjali (non-residential)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Rendikont ta' charging stations li kienu offline jew ma jiffunzjonawx
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 11914 u tagħti rendikont ta' charging stations li kienu offline jew ma jiffunzjonawx matul l-2023, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u f'kull każ tgħid kemm damet il-ħsara?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-lum hawn total ta’ 372 charging points fil-gżejjer Maltin li huma provduti permezz ta’ 186 charging pillar.
Kull charging pillar għandha żewġ charging points, jiġifieri ma’ kull pillar ikunu jistgħu jiċċarġjaw żewġ vetturi f’daqqa. 155 charging pillar huma mferxin f’60 lokalità differenti madwar Malta, waqt li f’Għawdex hemm 31 charging pillar li jinsabu f’14-il lokalità.
Normalment meta jiġi rappurtat li charging pillar ma tkunx qed taħdem, il-problema tkun fuq charging point wieħed u għalhekk l-ieħor jibqa’ jiffunzjona. Infurmata li aktar minn 90% taċ-charging pillars kellhom rata li taqbeż it-85% bħala uptime, jiġifieri ż-żmien li fih kienu qed joperaw matul is-sena. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta taċ-charging pillars kienu disponibbli biex jintużaw tista’ tgħid il-ħin kollu.
Primarjament il-kaġun tal-ħsarat kienu fl-elettronika, problemi li rriżultaw fis-software minħabba li ma jsirx użu miċ-charging pillar kif suppost, kif ukoll kien hemm ċirkostanzi fejn iċ-charging pillar saħansitra kellu jinqala’ wara li dan intlaqat. Fejn kien hemm dewmien partikolari biex issewwiet il-ħsara, dan ġara minħabba li damu biex waslu spare parts minn barra. Ġaladarba immanifestat ruħha din it-tip ta’ problema, il-kuntrattur intalab jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa biex jassigura li jkollu spare parts disponibbli.
Sadattant, qed naħdmu biex fiż-żmien li ġej jibda proġett biex inżidu 1,200 charging point oħra madwar Malta u Għawdex.
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 12610 u tgħid kemm kienet in-nefqa ta’ Malta fuq hydrocarbons (fossil fuels, inkluż gass naturali, LPG, petrol, diesel, aviation fuel, eċċ), għal kull sena għas-snin 2020, 2021, 2022 u fl-2023 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma jżommux data komprensiva dwar “in-nefqa ta’ Malta” fuq hydrocarbons. Is-suq tal-fuels huwa liberalizzat fejn hemm joperaw ukoll diversi operaturi privati. Il-volumi ta’ hydrocarbons li ġew ikkunsmati fis-suq jiġu pubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika minn żmien għal żmien u jiġu rappurtati wkoll lill-Eurostat.