Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Magħtab – serq minn weighbridge

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma ssejħux il-Pulizija fis-serqa ta’ eluf ta’ ewro li seħħet madwar sena ilu mill-weighbridge tal-Magħtab? Jaf il-Ministru kemm kien l-ammont misruq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli saret l-allegazzjoni fil-media, il-kumpanija bdiet l-investigazzjonijiet tagħha sabiex tistabilixxi l-fatti. Il-ħaddiema involuti ġew akkużati b’negliġenza fuq il-post tax-xogħol, għax il-kumpanija ma kellha l-ebda prova li dawn ħadu xi flus. Waqt il-proċess dixxiplinarju, dawn il-ħaddiema irriżenjaw min xogħolhom.

Il-Magħtab – serq minn weighbridge – impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Wasteserve kontra t-tliet impjegati tal-Wasteserv li nstabu li serqu eluf ta’ ewro madwar sena ilu mill-weighbridge tal-Magħtab?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-akkuża fil-konfront tal-impjegati kienet waħda ta’ negliġenza waqt il-qadi ta’ dmirijiethom u mhux ta’ serq. Waqt il-proċeduri ta’ dixxiplina, dawn l-impjegati rriżenjaw mix-xogħol.

Marsaskala – Family Park

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għala l-family park f’Marsaskala tħalla fi stat ta’ telqa u abbandun? Huwa possibbli għalih li jiggarantixxi li dan l-ikbar family park f’Malta jerġa’ lura fi stat kif għandu jkun, u li jinżamm tali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Park tal-Familja ġewwa Wied il-Għajn kien il-mira ta’ vandali f’dawn l-aħħar ġimgħat. Saret ħsara fuq strutturi tal-logħob, ħitan, dawl u għamara oħra ġewwa l-park. Ambjent Malta ħadet azzjoni f’dan ir-rigward billi żdiedu l-kameras ta’ sorveljanza kif ukoll ingħataw struzzjonijiet lill-uffiċjali tas-sigurtà biex ikunu aktar viġilanti. Beda x-xogħol ta’ tiswija fuq il-ħsarat li saru, kif ukoll beda t-taħwil ta’ ‘l fuq minn 250 siġar u arbuxelli.

Għawdex — Ix-Xagħra - Ex Miżbla tal-Qortin - water reservoir

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10727, jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġitx it-tender u ġietx awared biex isiru xogħlijiet ta' titjib fil-Qortin fix-Xagħra Għawdex li jinkludi fih installazzjoni ta' pompi u xogħol relatat?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tender kien ġie ppubblikat fis-6 ta’ Awwissu u baqa’ fuq is-suq sal-11 ta’ Settembru 2018. Minkejja dan, l-ebda kuntrattur ma kien issottometta offerta għal dan il-proġett. Għal dan il-għan, huwa ppjanat li t- tender se jerġa’ joħroġ fil-ġimgħat li ġejjin. Sadanittant l-Awtorità tal-Ippjanar bħalissa qegħda tikkonkludi l-ipproċessar tal-applikazzjoni biex b’hekk fil-ġimgħat li ġejjin din titla’ quddiem il-bord u tittieħed deċiżjoni. Dan wara li kellhom isiru xi tibdil fil-pjanti hekk kif mitluba mill-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.

WasteServ – Tyres esportati

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm-il tunnellata jew kilogramma tyres tal-vetturi ġew esportati mill-WasteServ mill-2013 sal-lum, sena b’sena u jindika lejn fejn ġew esportati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – kumpanija — kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji u d-ditta legali li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament ingħatawx konsulenzi u/jew kuntratti mill-Ministeru u mill-entitajiet u awtoritajiet li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid dwar xiex kienu dawn il-konsulenzi u/jew kuntratti? Jista’ jgħid jekk kienx hemm proċess kompetittiv biex ingħataw l-imsemmija konsulenzi u/jew kuntratti u jagħti dettalji tal-ħlasijiet li saru lill-imsemmija kumpanija u d-ditta legali?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena 2013 sal-lum, fil-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, kif ukoll fl-entitajiet u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda konsulenzi u/jew kuntratti lill-kumpaniji u d-ditta legali msemmija.

Regolament għall-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar — pubblikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9692, jista’ l-Ministru jqiegħed kopja tar-regolamenti dwar il-ħarsien tas-siġar u l-imsaġar fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar.

Data fuq il-kwalità tal-arja

Question

Peress li numru kbir ta’ familji u individwi huma mħassbin dwar il-kwalità tal-arja fl-irħula u l-ibliet Maltin u Għawdxin, u dan it-tħassib huwa reali u l-uniku mod kif jista’ jiġi indirizzat huwa billi l-awtoritajiet konċernati, f’dan il-każ l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi, jinfurmaw il-pubbliku kuljum dwar il-kwalità tal-arja fuq is-sit elettroniku tagħhom, u mis-sit elettroniku tal-Aġenzija kkonċernata, jidher li f’pajjiżna għandna erba’ siti fejn il-kwalità tal-arja qed tiġi mkejla: fiż-Żejtun, f’Ħ’Attard, fl-Imsida u fl-Għarb ġewwa Għawdex u d-dettalji dwar dawn is-siti fejn il-kwalità tal-arja qed tiġi mkejla tinsab fuq is-sit elettroniku tal-awtorità kkonċernata iżda d-data li qed tinġabar minn dawn is-siti ma tista’ tinstab imkien u dan is-sit jirrimarka li bħalissa qed isiru xogħlijiet fuq is-servers u li l-informazzjoni se tkun onlajn malli s-sistema l-ġdida tkun lesta u peress li dan il-messaġġ fuq is-sit elettroniku tal-awtorità kkonċernata ilu hemm għal xhur sħaħ u jidher li s-sistema l-ġdida fadlilha sabiex titlesta, jista’ l-Ministru jikkonferma meta din is-sistema tant bżonjuża, li ilha mwiegħda s-snin, ser titlesta? Jista’ jikkonferma meta, wara li din is-sistema titlesta, l-informazzjoni miġbura mill-erba’ siti ta’ monitoraġġ f’pajjiżna se tiġi mtellgħa fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità konċernata fuq bażi ta’ kuljum?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi ila diversi snin tagħmel xogħol ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja fil-gżejjer Maltin. Sabiex dan ikun possibli l-ERA investiet f’apparat apposta li jkejjel diversi tipi ta’ gassijiet, jew aħjar inkwinanti fl-arja. Dawn l-apparati huma mqassma fi stazzjonijiet ta’ monitoraġġ li jinsabu fl-Għarb, l-iMsida, Ħ’Attard u ż-Żejtun. Bħal kull sistema li hija teknoloġika, l-apparat fl-istazzjonijiet ikollu bżonn ta’ manutenzjoni. Waħda minn dan it-tip ta’ manutenzjoni hija s-sistema ta’ kif tkun trasmessa l-informazzjoni onlajn. L-ERA kienet qed tagħmel xogħol fuq is-servers/channels li jittrasmettu d-data onlajn fuq is-sit tagħha. Is-sistema ssa tlestiet u d-data reġgħet tinstab onlajn fuq bażi ta’ kuljum kif tkun normali għajr meta jkun hemm ħtiega ta’ manutenzjoni. Ta’ min wieħed jgħid li din hija sistema elettronnika u kellhom isiru diversi xogħlijiet ta’ ċċekkjar u anke jiġu solvuti problemi li jinqalgħu waqt li jkunu qed isiru x-xogħlijiet. Waqt dawn ix-xogħlijiet id-data ma setatx tibqa’ tkun murija onlajn iżda dan ma jfissirx li d-data ma kinitx qed tinġabar. Għalhekk din il-manutenzzjoni ma rriżultatx f’telf ta’ informazzjoni.

Inċineratur tal-Marsa – rapporti ta’ rwejjaħ u ntejjen

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rapport daħal għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) dwar intejjen u rwejjaħ qawwija mill-inċineratur tal-Marsa (TTF) fl-aħħar sena u meta?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) irċiviet tmien (8) rapporti dwar intejjen u rwejjaħ qawwija mill-inċineratur tal-Marsa (TTF) fl-aħħar sena. Id-dati tar-rapporti huma: 06.02.2019 18.02.2019 22.04.2019 23.05.2019 27.06.2019 03.07.2019 06.08.2019 22.08.2019 01.10.2019

Impjant ta’ Sant’Antnin – shed ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jagħti elenku dettaljat tax-xogħol li sar u l-ispiża li saret s’issa biex tinbena shed ġdida fl-Impjant ta’ Sant’Antnin kif kien wiegħed f’Ottubru 2017 wara l-ħruq ta’ Mejju 2017 hemmhekk?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa impenjat li jagħlaq l-impjant ta’ Sant’ Antnin fi żmien 5 snin mil-llum hekk kif imwiegħed. Għaldaqstant il-WasteServ ser tkun qiegħda tuża ix-shed l-antika eżistenti biex tintroduċi fi żmien li ġej sistema u proċess sabiex ikun jista’ jintgħażel u jiġi preparat il-materjal riċiklabbli b’mod aktar effiċenti. Fil-frattemp u b’mod parallel, il-WasteServ għadejja bil-preparamenti sabiex tinbena ‘a fully fledged’ Material Recovery Facility fil-Magħtab.

Iż-Żurrieq – Wied Babu – aċċess pubbliku

Question

Peress li Wied Babu fiż-Żurrieq hu tal-privat, jista’ l-Ministru jgħid x’inizjattivi ħa d-dipartiment biex jassigura d-dritt ta’ aċċess pubbliku biex jintlaħaq il-baħar minħabba li nbena ħajt?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni li rċieva dan l-Ministeru mingħand l-Awtorità tal-Artijiet, jidher li l-wied kollu sa mal-baħar huwa kollu privat.

Siġar meqruda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 6563 u 6177 u ċjoè: Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siġra nqalgħet jew tqaċċtet jew inqerdet, bil-permess u mhux, matul l-2016, l-2017 u l-2018 sa Mejju? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tinkludi s-sena, is-speċi tas-siġra u jimmarka b’distinzjoni jekk kienx hemm permess jew le? Fil-każ li ma kienx hemm permess, x’passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ta’ Qali – manutenzjoni ta’ toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux hu responsabbli mit-tarmak u manutenzjoni tat-toroq f’Ta’ Qali u jekk iva, jista’ jgħid xi pjan għandu biex itejjeb dawn it-toroq li huma fi stat ħażin u li ċerti postijiet iżommu ħafna ilma?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor. Interpellant li t-tarmak u l-manutenzjoni tat-toroq f’ Ta’ Qali ma jaqgħux taħt dan il-Ministeru u għandu jirreferi l-Mistoqsija lil Ministeru kkonċernat.

Il-Mosta — Triq il-Fortizza tal-Mosta - tindif ta' siġar mejta

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex siġar mejda fi Triq il-Fortizza tal-Mosta jiġu mnaddfa sabiex ma jkunux ta' periklu għas-sewwieqa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq indikata ma taqax fil-kuntratt li ghandhom l-ELC mal-Gvern Ċentrali. Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza din it-talba lid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali.

Triq f’Tal-Balal – bini ta’ ħitan tas-sejjieħ – osservazzjonijiet tar-regolamenti

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jew le li l-Leġislazzjoni Sussidjarja 552.01(Regolamenti dwar Ħitan tas-Sejjieħ u Strutturi Rurali) hijiex osservata fl-intier tagħha fil-bini ta’ taparsi ħitan tas-sejjieħ li qed isiru minn Infrastructure Malta, bħal reċenti fit-triq f’Tal-Balal? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dan il-parir tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) bil-miktub, jekk jeżisti?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-regolamenti huma amministrati mill-Awtorità tal-Ippjanar, għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.