Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3208 u 3625 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar statistiċi mill-Awtorità tad-Djar u/jew minn entità oħra għas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 (sal-aħħar ta’ Settembru) dwar l-applikanti u l-benefiċjarji tal-iskema tal-10% Depożitu, l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, l-Iskema tas-Self Soċjali u l-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza rigward l-età, il-kompożizzjoni tal-familja, id-dħul, l-assi, il-prezz u l-karatteristiċi tal-proprjetà, id-depożitu, l-ammont u t-terminu tas-self, il-pagament ta’ kull xahar, u għajnuniet oħra riċevuti? Jista’ jgħid ukoll kemm kien hemm benefiċjarji ta’ aktar minn skema waħda?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-aħħar statistiċi mill-Awtorità tad-Djar għas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026 dwar l-applikanti u l-benefiċjarji tal-iskema tal-10% Depożitu, l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, l-Iskema tas-Self Soċjali u l-Għotja għax-Xiri ta’ Residenza rigward l-età, il-kompożizzjoni tal-familja, id-dħul, l-assi, il-prezz, il-karatteristiċi tal-proprjetà u n-numru ta’ benefiċjarji li bbenefikaw minn aktar minn skema waħda qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Awtorità tad-Djar m’għanda l-ebda informazzjoni rigward id-depożitu, l-ammont u t-terminu tas-self, il-pagament ta’ kull xahar peress li din l-informazzjoni ma tingħatax lill-Awtorità tad-Djar mill-banek.  Però ta min jgħid li d-depożitu jkun dejjem 10% tal-prezz tal-proprjetà.

Skema tal-10% Depożitu – Żmien ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3211 u 3624 u jgħid kemm kienet il-medja taż-żmien bejn applikazzjoni kompluta u d-deċiżjoni tal-Awtorità tad-Djar, u bejn dik id-deċiżjoni u l-kuntratt finali għall-iskema tal-10% Depożitu għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli? Jekk xi informazzjoni ma tinżammx mill-Awtorità, jista’ jgħid jekk tinżammx mill-banek parteċipanti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni tinsab fit-tabella 1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema ta’ Qsim ta’ Ekwità – Medja u medjan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3213 u 3623 u jipprovdi, f’tabella separata għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, il-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Awtorità u tal-perċentwal tas-sehem tagħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella  1 li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema ta’ Self Soċjali – Medja u medjan

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3215 u 3622 u jgħid, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, għall-każijiet konklużi taħt l-Iskema tas-Self Soċjali, x’kienu l-medja u l-medjan tal-prezz tal-proprjetà, tal-ammont tas-self, u tas-sussidju ta’ kull xahar approvat?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella 1 li qegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. (Korrezzjoni: Ara Dokument PL 488 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 29 tat-28 ta' Ottubru 2026)

Skema tal-10% Depożitu u Skema ta’ Qsim ta’ Ekwità – Numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3219 u 3600 u jipprovdi, separatament għall-iskema tal-10% Depożitu u għall-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, in-numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda minħabba: (a) dħul ogħla mil-limitu, kemm qabżuh b’sa €1,000, b’bejn €1,001 u €5,000, u b’aktar minn €5,000; (b) dħul taħt il-minimu applikabbli jew insuffiċjenti għall-ħlas tas-self; (ċ) età; (d) assi jew ownership ta’ proprjetà oħra; (e) prezz jew valur tal-proprjetà ogħla mill-limitu; (f) nuqqas ta’ konformità ma’ kriterji oħra tal-bank; jew (g) raġunijiet oħra, li għandhom jiġu speċifikati? Jista’ l-Ministru jiddistingwi bejn ċaħdiet mill-Awtorità u dawk mill-bank, u jgħid kemm-il applikazzjoni ġiet approvata mill-Awtorità iżda sussegwentement miċħuda mill-bank? Fejn applikazzjoni għandha aktar minn raġuni waħda, jista’ jiċċara dan sabiex jiġu evitati kalkulazzjonijiet doppji?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Marsaskala – Triq il-Qaliet – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Qaliet, Marsaskala jaqgħux taħt il-permess PA/11364/18 u taħt l-applikazzjoni ta’ strutturi perikolużi DS/00460/25? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ix-xogħlijiet humiex qed isiru fuq art pubblika jew privata? Jista’ jikkonferma li minħabba li l-ħitan qegħdin jinbnew viċin ħafna tal-irdum, qed jittieħed l-aċċess mill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 4114, nitlob lill-Onor Interpellant biex jippreżenta pjanta tal-art li għaliha qed jirreferi biex tingħata l-kumplament tal-informazzjoni.

Il-Gżira – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika fil-Gżira? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

San Ġiljan – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’San Ġiljan? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Tas-Sliema – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’Tas-Sliema? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Id-Dipartiment tal-Artijiet – Rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman – Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar iż-żjarat fuq il-post minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jiġu mmarkati b’mod ċar il-konfini tal-art okkupata illegalment u jispjega għaliex dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

TCNs – Kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jindirizza l-isfruttament ta’ TCNs li jaqsmu l-kamra mikrija ma’ bosta oħrajn u saħansitra każijiet fejn TCNs jikru s-sodda għal 12-il siegħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi It-Taqsima tal-Konformità fi ħdan l-Awtorità għall-Akkomodazzjoni Soċjali tinvestiga kull ilment li tirċievi  billi twettaq verifiki fiżiċi mingħajr avviż minn qabel. Dawn isiru mingħajr distinzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-inkwilin. L-azzjoni sussegwenti tiddependi mir-riżultat tal-istess spezzjonijiet.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Konformità mal-L.S. 646.11

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, separatament għall-Ministeru u għal kull dipartiment, awtorità, aġenzija, korporazzjoni, kumpanija u entità oħra li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, l-informazzjoni li ġejja dwar il-konformità mal-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 646.11, ir-Regolamenti dwar Dispożizzjonijiet Ġenerali għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol: (a) skont ir-regolament 9(1): min huma l-persuni nominati biex jassistu fit-tħaris tas-saħħa u s-sigurtà u fil-prevenzjoni u l-kontroll tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, x’kariga għandhom, x’inhuma l-kwalifiki u t-taħriġ rilevanti tagħhom, u liema postijiet tax-xogħol ikopru; (b) skont ir-regolament 9(3): fejn ma hemmx persunal kompetenti intern biex jiġu organizzati l-miżuri meħtieġa, liema persuni jew servizzi esterni kompetenti ġew ingaġġati, u x’inhu l-ambitu tas-servizz tagħhom; (ċ) skont ir-regolament 9(6): kif ġie ddeterminat li n-numru u l-kompetenza tal-persuni nominati jew tas-servizzi esterni huma adegwati għad-daqs tal-entità, għan-numru ta’ persuni preżenti u għall-perikli eżistenti, u x’ħin u riżorsi huma allokati lill-persuni nominati internament; (d) skont ir-regolament 10: meta saret l-aħħar evalwazzjoni tar-riskji għal kull post tax-xogħol u meta ġiet riveduta l-aħħar; min wettaqha;  liema miżuri korrettivi għadhom pendenti u x’inhuma l-iskadenzi għall-implimentazzjoni tagħhom; u (e) skont ir-regolament 11: liema proċeduri huma fis-seħħ f’każ ta’ periklu serju u imminenti, inkluża l-evakwazzjoni, u kemm hemm persuni kompetenti nominati biex jimplimentawhom f’kull post tax-xogħol? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’din l-informazzjoni u, fejn xi wieħed minn dawn ir-rekwiżiti għadu mhux issodisfat, jindika r-raġuni u d-data sa meta ser tiġi żgurata l-konformità?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi jien infurmat li Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-liġi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Id-Dipartiment tal-Artijiet – Avviżi ta’ infurzar fil-Gżira

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu avviżi ta’ infurzar mid-Dipartiment tal-Artijiet fil-Gżira mill-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u għal kull avviż, jagħti d-data ta’ meta nħareġ u n-natura tal-ksur jew il-kwistjoni li tkun qed tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Id-Dipartiment tal-Artijiet – Avviżi ta’ infurzar f’San Ġiljan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu avviżi ta’ infurzar mid-Dipartiment tal-Artijiet f’San Ġiljan mill-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u għal kull avviż, jagħti d-data ta’ meta nħareġ u n-natura tal-ksur jew il-kwistjoni li tkun qed tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Id-Dipartiment tal-Artijiet – Avviżi ta’ infurzar f’Tas-Sliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu avviżi ta’ infurzar mid-Dipartiment tal-Artijiet f’Tas-Sliema mill-1 ta' Jannar 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u għal kull avviż, jagħti d-data ta’ meta nħareġ u n-natura tal-ksur jew il-kwistjoni li tkun qed tiġi indirizzata?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dekasteru li jiena responsabbli għalih ma ħareġ ebda ħatra tal-individwu msemmi f’xi bord fid-29 ta’ Mejju 2026 jew fil-ġranet u x-xhur ta’ wara.