‘Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tad-Djar għandhiex proġetti bħal sheltered housing sabiex jgħinu lill-anzjani fil-komunità?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha proġett ta’ Intergenarational Living ġewwa Triq il-Punent, Valletta. Dan qed isir b’kallobarazzjoni mas-Selesjani ta’ Dun Gwann Bosco. Il-proċess ta’ allokazzjoni ta’ l-anzjani wasal fl-aħħar stadju.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bini tal-Gvern f’Santa Luċija (Malta) li ġie installat lilhom is-servizz ta’ lift u kemm hemm pendenti u għala?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi l-Awtorità tad-Djar installat 17-il lift ġewwa Santa Luċija (Malta). Bħalissa qed isiru l-installazzjonijiet ta’ 3 liftijiet u qegħdin fil-proċess li jiġu nstallati 6 liftijiet oħra (3 minnhom qed issir analiżi teknika preliminari, u t-3 l-oħra qegħdin fil-proċess li tinħareġ l-offerta u/jew l-għoti tax-xogħlijiet).
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni minn Ħal Tarxien ibbenefikaw tul din is-sena mis-sussidju fuq il-kirjiet u kemm kienet l-ispiża? Jista’ ukoll jinforma l-Kamra kemm persuni rrikorrew għall-assistenza wara li ġew żgumbrati jew li qegħdin fil-proċess li jiġu żgumbrati?
Response (GALDES, RODERICK)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jikkjarifika jekk hux qed jirreferi għal kirjiet ta’ qabel jew wara Ġunju 1995.
L-Awtorita’ tad-Djar tagħti sussidju fuq il-kirjiet kollha iżda għajnuna dwar każijiet ta’ żgumbrament tingħata biss għal kirjiet ta’ qabel Ġunju 1995.
Awtorità tad-Djar — proċeduri legali għal għoli fil-kera
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati avukati mill-Awtorità tad-Djar sabiex jassistu inkwilini fi proċeduri legali għall-għoli fil-kera, x'rimunerazzjoni qed jirċievu u x'proċedura ntużat sabiex jintgħażlu dawn l-avukati?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-urġenza li s-servizz jibda jopera mill-aktar fis possibli ġew imqabbda b’mod temporanju 13-il avukat permezz ta’ direct order, fl-istess waqt ħarġet sejħa pubblika għall-pożizzjoni ta’ Manager tal-Unit appożitu tal-Pre-1995 fi ħdan l-Awtorità tad-Djar, liema sejħa ġiet iċċirkolata wkoll fuq il-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Kamra tal-Avukati. L-avukati mqabbda b’mod temporanju se jitħallsu skont it-taxxa maħruġa mir-Reġistratur tal-Qorti, filwaqt li l-pożizzjoni ta’ Manager se tkun remunerata skont il-ftehim kollettiv tal-Awtorità tad-Djar, wara li l-Interviewing Board ikun ingaġġa l-kandidat preferit. Sadanittant qed tiġi ppreparata “expression of interest” pubblika oħra sabiex jiġu ngaġġati avukati fuq bażi iżjed permanenti biex jidħlu f’dan il-Unit.
L-intervent spedit tal-Awtorità wassal biex 365 persuna tingħata assistenza legali b’xejn mill-1 ta’ Ġunju 2021 ‘l hawn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni ma setgħatx tiġi pproċessata, minħabba li d-dħul annwali jeċċedi l-ammont ta’ €10,000, minn Ġunju 2021 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Ġunju 2021 sal-lum, 88 applikazzjoni ma ġewx ipproċessati minħabba li kienu jeċċedu d-dħul stipulat skond il-kriterji ta’ eliġibilita’ fejn d-dħul annwali għal persuna waħdu huwa ta’ €10,000 filwaqt li għal koppji jew ġenituri l-kriterji huma differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liġijiet tal-kera kif inhuma fis-seħħ, jirregolawx ukoll id-djar li jkunu ġew meħuda mill-Gvern bil-housing u mikrija mill-Gvern lil terzi?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liġi li tirregola l-kirjiet residenzjali (Kap 604) ma tapplikax għal kiri ta’ proprjeta’ lill-entitajiet, inkluż il-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar. Għalhekk proprjetajiet mikrija lill-Awtorita’ ma humiex reġistrati. Postijiet rekwiżizzjonati lanqas ma huma rreġistrati għaliex il-liġi ma tapplikax għal kirjiet li ilhom fis-seħħ minn qabel Ġunju 1995.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Safar fuq xogħol tal-Gvern
Question
Jista’ l-Ministru jgħid
a. liema kienu s-safar fuq xogħol tal-Gvern li huwa kellu fl-2021 sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza;
b. liema kienu mħallsa minn fondi tal-Unjoni Ewropea u liema kienu minn fondi nazzjonali;
c. min kellu fid-delegazzjoni tiegħu/tagħha;
d. x’kienet l-ispiża totali ta’ kull safra msemmija?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-lum il-ġurnata ma kelli ebda safar fuq xogħol tal-Gvern.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ uffiċċju jew sular tal-quad towers
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu laħaqx innegozja jew qed jinnegozja xi ftehim ta’ kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kemm il-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali kif ukoll l-entitajijet li jagħmlu parti mid-dekasteru tiegħu ma għamlu l-ebda negozju u lanqas ma qed jinnegozjaw dwar kiri jew xiri ta’ xi uffiċċju jew sular tal-quad towers.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, isir ix-xogħol meħtieġ sabiex ikun konkluż xogħol li baqa’ jsir sabiex ikun installat il-lift f’din il-blokka?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar kellha tindirizza sitwazzjoni ta’ non-performance mill-kuntrattur li wassal biex jintemm il-kuntratt tax-xogħlijiet. Hekk skond il-proċeduri tal-Procurement Pubbliku, il-kuntratt issa sejjer jiġi awarded mill-ġdid lil kuntrattur ieħor li ħa jkun qiegħed ikompli dawn ix-xogħlijiet qabel l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22396 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se jinbeda x-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-Binja Qlejgħa l-Imtarfa?
Response (GALDES, RODERICK)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li diġà tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21532.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiġi rranġat il-lift fil-blokk ta’ appartamenti li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament liema lift ilu snin ma jaħdem?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi qed issir evalwazzjoni tal-ħsarat eżistenti sabiex ikunu jistgħu jitwettqu t-tiswijiet neċessarji. Għaldaqstant, data indikattiva tat-tlestija tat-tiswijiet tkun tista tingħata meta tali evalwazzjoni titlesta.
Sadanittant, ir-residenti se jintalbu jiffurmaw assoċjazzjoni tar-residenti sabiex tamministra l-lift wara li jitlestew it-tiswijiet.
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fuq struttura perikoluża?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat li t-tiswijiet meħtieġa diġà tlestew kollha. Madankollu sar kuntatt mal-inkwilini u ġie miftiehem li għandha ssir spezzjoni minn uffiċċjali tekniċi tal-Awtorita’ tad-Djar biex jaraw ix-xogħol li sar.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19415 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għalfejn l-Oppożizzjoni ma kenitx mistiedna għat-tnedija tar-Rapport tan-National Productivity Board fit-18 ta’ Frar 2021?
Response (GALDES, RODERICK)
Nitlob l-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21289, fejn il-Ministru rrisponda li l-lift f’din il-blokka ser jieħu ħsiebha, peress li sal-lum ma sar xejn, jista’ l-Ministru jgħid ir-residenti kemm ser idumu jistennew?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninsab infurmat illi minn investigazzjonijiet li saru irriżulta li trid titwettaq tiswija fis-sistema tad-drenaġġ ta’ 8 blokok sabiex jitwaqqaf id-dħul ta’ ilma fil-lift pit ta’ din il-blokka. It-tiswijiet bdew jitwettqu u ser ikunu lesti mill-iktar fis possibbli.
Jista' l-Ministru jagħti rendikont tax-xogħlijiet ta' manutnezjoni u tisbiħ li sar fil-Qasam tad-Djar ta' San Ġwann t'Għuxa Bormla fl-tliet snin u jekk huwa possibbli jindika meta se jsir xogħol fil-blokk li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq Ċetta Mintoff tal-istess qasam tad-djar?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Qasam tad-Djar ta’ San Gwann t’Għuxa Bormla jikkonsisti f’9 blokok bi 15-il entratura. L-Awtorita’ tad-Djar wettqet diversi tiswijiet u xogħlijiet f’dawn il-blokok f’dawn l-aħħar tliet snin, mis-sena 2018 sal-lum. Ħdax-il blokk ibbenefikaw mill-iskema tal-Awtorita’ tad-Djar bi sħab mal-Kunsilli Lokali fejn l-inkwilini ngħataw somma komplessiva ta’ €64,125 sabiex iwettqu xogħlijiet ta’ manutenzjoni u titjib fil-partijiet komuni kollha tal-blokk inkluż il-bjut. Apparti minn hekk ġew indirizzati wkoll 62 talba mill-inkwilini għal diversi tiswijiet kemm strutturali ġewwa l-appartamenti kif ukoll xogħlijiet oħra fil-komun li tlestew dawn l-aħħar tliet snin bi spiża ta’ €120,664.
Dwar Blokk 6A fi Triq Ċetta Mintoff, l-Awtorita’ tad-Djar għanda ppjanat li jsir
lift
kif ukoll xogħol ta’ tisbieħ tal-partijiet komuni permezz tal-fondi miġjuba mill-Unjoni Ewropeja taħt il-proġett
ERDF
fis-sena 2022.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif fuq x'inhi r-raġuni li lift mqiegħed fi blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament fi Triq is-Sibi l-Kalkara għadu mhuwiex qiegħed jiffunzjona?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-lift hu installat ma jistax jitħaddem qabel ma jiġi ċċertifikat u kkummisjonat skond il-liġi. Huwa mistenni li l-lift ikun jista’ jingħata għal użu tar-residenti aktar tard dan ix-xahar.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif lill-Kamra fuq ix-xogħlijiet li saru fil-Qasam tad-Djar ta' Ħaż-Żabbar u liema xogħol jonqos li jsir?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul din il-leġiżlatura l-Gvern ta' prijorita' lill-Qasam tad-Djar ta’ Ħaż-Żabbar.
Ġie mwettaq xogħol ta' tisbiħ fil-faċċati u l-partijiet komuni ta' 12-il blokk u s-sena d-dieħla se nagħmlu oħrajn biex b'hekk inkunu sebbaħna l-blokok kollha.
Ġew imwaħħla 6 lifts ġodda u ġie ukoll mibdi proġett pilota fejn permezz ta' bosta miżuri biex jiġi ffrankat il-konsum tal-enerġija r-residenti se jkunu qed jaraw roħs sostanzjali fil-kont tad-dawl u l-ilma.
Barra dan kollu, twettqu 93 tiswija biex jitneħħa periklu lir-residenti u xogħlijiet żgħar oħra.
Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali — reklami fuq it-televiżjoni - nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefaq flus għall-reklami fuq it-televiżjoni mill-Ministeru jew entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu mill-2017 sal-lum?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.