Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħsara fis-serer kawża tal-maltemp – ħlas lill-bdiewa

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16054, jista' l-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-Ministeru milli jkompli jħallas l-ammont totali tal-għotja li biha 106 bidwi jkunu jistgħu jingħataw il-benefiċċju imwiegħed lilhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sakemm il-bdiewa ma jippreżentawx l-irċevuti tax-xogħlijiet rispettivi lill-Ministeru, il-ħlasijiet għall-benefiċċji dovuti lilhom ma jkunux jistgħu jiġu mħallsa.

Il-Pitkalija — tħaddim ta' riformi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'riformi se jibdew jitħaddmu fil-Pitkalija? X'għan għandhom u x'inhu l-proċess tal-introduzzjoni ta' dawn ir-riformi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-Pitkalija se tibda riforma li se tolqot diversi proċessi. Fosthom, se jiġu introdotti linji gwida fuq l-ippakkeġjar tal-kaxxi minn naħa tal-bdiewa kif ukoll se tiddaħħal sistema' ġdida ta' labelling u sistema ċentrali tal-IT. L-għanijiet ta' din ir-riforma huma li titjieb il-kwalita' tal-prodott, li jkun hemm aktar trasparenza fuq it-transazzjonijet kollha li jsiru ġewwa l-Pitkalija, li jkun hemm immaniġjar aħjar tal-istokk sabiex titnaqqas il-ħela’, u li jkun hemm proċessi u servizzi aktar effiċjenti u trasparenti. Dan għall-benefiċċju tal-bidwi, tal-pitkal, tax-xerrej u tal-konsumatur. Bħalissa r-riforma qiegħda fil-perjodu ta' konsultazzjoni. Lejn l-aħħar tas-sena ser jibda l-proġett pilota sabiex is-sena d-dieħla r-riforma tiġi implimentata fil-Pitkalija kollha.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — first aiders kwalifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm First Aiders kwalifikati fil-Ministeru u fid-dipartimenti/entitajiet kollha li jaqgħu taħtu u jaqsam l-informazzjoni skont id-dipartiment/entità rispettiva?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella bl-informazzjoni mitluba hekk kif ġej. Ta’ min wieħed jgħid li minn żmien għal żmien isiru korsijiet ta’ aġġornament biex ikun imġedded iċ-ċertifikat bħala First Aiders. Segretarjat tal-Ministru 3 Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti 2 Dipartiment għall-Affarijiet Rurali 24 Dipartiment għas-Saħħa u l-Ħarsien tal-Annimali 8 Aġenzija tal-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) 17 1 Mental First Aider Strategy & Support Unit 1 Biċċerija 7 TOTAL 63

Ħsara fis-serer kawża tal-maltemp – ħlas lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa li tħallsu għall-ispiża minħabba l-ħsara li kien għamel il-maltemp fis-serer tagħhom u jekk il-ħlasijiet imwiegħda kinux saru? Jista’ jgħid x’kien it-total tal-ispiża li tħallset lil dawn il-bdiewa?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li hemm 106-il benefiċjarju li ffirmaw kuntratt sabiex jingħataw kumpens taħt din l-iskema. L-ammont totali tal-għotja huwa ta’ € 506,893.52. Sal-lum 16 ta’ Lulju 2020, 48 benefiċjarju tħallsu b’kollox €104,287.44. 14-il benefiċjarju ieħor ser jinħarġulhom pagamenti fil-ġimgħa li ġejja, pagamenti li jammontaw għal total ta’ € 53,448.62.

Użu ta’ żwiemel tal-karrozzini f’temperaturi għoljin

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ż-żwiemel tal-karrozzini ma jkunux jistgħu jintużaw għax-xogħol tal-karrozzini skont meta jkun hemm temperaturi ta’ kesħa u ta’ sħana eċċessiva u li tali temperaturi jkun hemm qbil fuqha bejn il-partijiet kollha konċernati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjonijiet tal-użu taż-żwiemel tal-karrozzini hija rregolata taħt l-Avviż Legali 161 tal-2019, fejn jistabilixxu wkoll il-projbizzjoni ta’ l-użu f’ħinijiet matul ċertu perjodu tas-sena. Id-Direttort għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jissorvelja l-konformità ma’ dawn ir-regolamenti.

Il-Pitkalija — CEO

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu s-CEO’s tal-Pitkalija mill-2017 sal-ġurnata li tiġi mwieġba din id-domanda? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-kuntratti tal-ingaġġ, li ġie ffirmat bejn dawn is-CEO’s imsemmija u l-Awtorità konċernata?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sa mit-twaqqif tal-Pitkalija Ltd. kien hemm impjegat tal-MITA li kien assenjat mill-MITA ma’ l-ex Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, sabiex jaqdi dmirijiet ta’ CEO (Is-Sur Josef Vella). Meta mbagħad fl-2019 sar ir-ristrutturar tal-Kumpanija biex tassumi r-riforma tal-Pitkalija u tieħu ħsieb l-operat kollu, ġie mlaħħaq is-CEO preżenti (Is-Sur Marc Vella Bonnici). Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tas-CEO preżenti.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — impjegati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 14921 u jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej: SENA NUMRU TA’ ĦADDIEMA MINISTERU 2017 38 MESDC 2018 54 MESDC 2019 64 MESDC 2020 23 MAFA

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — flus mogħtija għall-programm Għajta Waħda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm flus taw l-entitajiet kollha, inkluż Dipartimenti, Aġenziji, Awtoritajiet eċċ, li jaqgħu taħtu għall-programm Għajta Waħda imxandar fuq TVM sabiex jinġabru fondi għal-Community Chest Fund, u dan sad-data li tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda ammonti ta’ flus mogħtija mill-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, in konnessjoni mal-programm Għajta Waħda.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — karozzi mixtrija/mikrija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm karozzi mikrija jew mixtrija li jintużaw mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet li jaqgħu taħtu u f’liema sena ġew mixtrija jew mikrija?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, preżentament għandu karozzi mikrija u mixtrija hekk kif ġej: Sena Ammont 2017 9 2020 3 Mikrija Mixtrija Sena Ammont 1993 1 1995 1 1996 1 1999 1 2002 2 2005 1 2006 5 2008 1 2010 3 2011 3 2012 7 2013 1 2014 4 2015 9 2016 5 2017 29 2018 11 2019 6

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — tħawwil ta' siġar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħawlu siġar lokalità b’lokalità mid-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt il-ministeru tiegħu minn Jannar 2020 s'issa?

Response (REFALO, ANTON)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-afforestazzjoni ma tagħmilx parti mid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — impjieg ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għandhiex xi impjieg jew kuntratt ta’ xi forma mal-Ministeru tiegħu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-persuna in kwistjoni m’għandha l-ebda mpjieg jew xi tip ta’ kuntratt mal-Ministeru li jiena tiegħu responsabbli.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — ħlas lil persuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kull ħlas li qatt sar mill-baġit tal-Ministeru tiegħu lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 sal-lum? Jista’ jagħti t-total għal kull sena bir-raġun għall-ħlas?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma sar l-ebda ħlas lil din il-persuna in kwistjoni.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — Open Data - datasets

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat ta’ dawk id-datasets li kwalunkwe entità fil-Ministeru tiegħu poġġiet fl-inizjattiva ta’ ‘Open Data’?

Response (REFALO, ANTON)

Hemm diversi datasets li l-Amministrazzjoni Pubblika tipprovdi permezz ta’diversi siti u portali tal-internet. Madankollu jekk wieħed jimxi fuq id-definizzjoni dejqa tat-terminu “Open Data” jiġifieri li d-datasets ikunu pprovduti bħala “machine-readable” u taħt liċenzja miftuħa (open licence) wieħed jista’ jgħid li s’issa għad m’għandniex dak in-numru li wieħed jistenna. F’dan il-kuntest biex Malta jkollha pjattaforma soda u numru adegwat ta’ datasets li jkunu jikkwalifikaw bħala “Open Data” tlesta abbozz ta’ avviż legali biex ikun ippubblikat taħt il-Kap. 546 li qed ipoġġi obbligu fuq dawk l-entitajiet kollha li għandhom tali datasets li jirreġistrawhom fuq il-portal nazzjonali tad-data u wara li jiġu kklassifikati. Jekk ikunu jaqgħu taħt il-klassi bħala data mhux sensittiva dawn għandhom ikunu ppubblikati l-ewwel nett fuq il-portal nazzjonali u jekk ikun il-każ fuq portal jew siti oħrajn.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — konsulenti ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-lista tal-konsulenti kollha ingaġġati mill-Ministeru tiegħu minn Ġunju 2017 sal-lum u għal kull konsulent jgħid kif kien ingaġġat u x’inhuma t-termini tal-ħlas/benefiċċji tiegħu/tagħha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fi ħdan il-Ministeru huma ngaġġati skont il-Manwal rispettiv u li l-informazzjoni mitluba hija hekk kif ġej. Peress li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli ġie stabbilit fl-2020, l-informazzjoni hija minn din id-data. SENA KONSULENT NATURA TAL-KONSULENZA SKALA 2020 Antonella Bugeja Conti Komunikazzjoni 5 2020 Paula Calamatta Veterinary & Animal Welfare 3 2020 George Carbone * Agrikoltura 3 2020 Quinton Scerri * Komunikazzjoni 3 2020 Alexander Sciberras Sajd u Akwakultura 3 2020 Kevin Mompalao Legali 4 2020 Albert Pace * Agrikoltura 5 * Part Timers

Dipartiment tas-Sajd – kuntatt ma’ Avukat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta sar u min għamel kuntatt mid-Dipartiment tas-Sajd minn Jannar 2020 sa ġimgħa ilu mal-Avukat li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li kien impjegat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali sa ħmistax ilu, biex dan ikun konsulent legali tal-istess Dipartiment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Avukat minnek imsemmi ma ngħata l-ebda kuntratt sakemm huwa kien impjegat fl-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni f’kull entita/dipartiment/aġenzija/korporazzjoni/kumpanija li jaqgħu taħtu, xahar b’xahar, minn Jannar 2017 ‘il hawn u jaqsam l-informazzjoni skont l-entità u jagħti l-informazzjoni grad bi grad (mingħajr ma’ jagħti l-ismijiet tal-persuni)?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Entitajiet — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ddaħħlet taħdem taħt l-entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm impjegati direttament kif ukoll impjegati tramite kuntratturi li joffru servizz b'effett minn Jannar 2020 sal-lum? Jista' jagħti break down mil-liema lokalitajiet huma dawn il-persuni li ġew ingaġġati? Jista' jgħid f'kull każ x'inhu l-grad ta' dik il-persuna li ġiet ingaġġata?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u ser tingħata f’seduta oħra.

Ipproċessar ta’ prodotti Għawdxin – investiment minn Fondi Ewropej f’azjendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment minn Fondi Ewropej f’azjendi agrikoli tal-ipproċessar ta’ prodotti Għawdxin fl-2019? Jista’ jgħid x’persentaġġ kien dan l-ammont mill-ammont ta’ fondi Ewropej li l-Ministeru tiegħu nefaq matul is-sena 2019?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ipproċessar ta’ prodotti lokali huwa ffinanzjat mill-Miżura 4.2 tal-Programm għall-Iżvilupp Rurali ta’ Malta 2014-2020, skond is-sejħiet pubbliċi li toħroġ l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru għall Affarijiet Barranin u Ewropej. Taħt din il-miżura jien infurmat li ġew kuntrattati proġetti li qed isiru ġewwa Għawdex b’total allokat għal dawn il-proġetti ta’ €765,481. F’dawn is-sejħiet ma ssirx distinzjoni bejn prodotti li jitkabbru fi gżira jew oħra iżda dawn huma kollha meqjusin bħala prodotti Maltin u lokali, u l-operaturi m’humiex ristretti jew imxekklin f’dan is-sens fl-operat tagħhom. Din il-miżura taħdem fuq bażi ta’ rimborż u fis-sena msemmija ma saret ebda nefqa fuq dawn il-proġetti.

Skema “Wines of Distinction”

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn fl-iskema “Wines of Distinction” ma saritx promozzjoni fuq DOK Gozo distinta minn promozzjoni fuq DOK Malta sabiex il-bdiewa Għawdxin jibbenefikaw mill-unika skema ta’ kwalità reġistrata mal-Unjoni Ewropea li tirrikonoxxi d-distinzjoni tat-territorju ta' Għawdex minn dak tal-gżira ta' Malta?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bejn l-2017 u 2019, saret ħidma mid-Direttorat għall-Agrikoltura sabiex jitqajjem apprezzament għall-inbejjed kollha prodotti lokalment li jaqaw taħt l-iskemi ta' kwalità DOK 'Malta', DOK 'Gozo' u IĠT 'Maltese Islands'. Il-Kampanja saret b’mod ħolistiku sabiex tkun tista’ tiġi eżaltata d-diversita’ tal-inbejjed li jiġu prodotti f’dawn il-Gżejjer tagħna.