Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ix-Xewkija - Triq il-Gidi – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32904 fl-intier tagħha u jgħid meta, bejn wieħed u ieħor (xahar u sena), ser jibda x-xogħol ta’ bini u rikostruzzjoni ta’ Triq il-Gidi fix-Xewkija?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet f’din it-triq mistennija jsiru matul is-sena 2026.

CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry For Gozo

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26919, 31916 u 32587 u ċjoè: B’referenza għas-sejħa CT2361/2022 – Framework Agreement for the Provision of General Road Works including the Laying of Asphalt for the Ministry for Gozo, jista’ l-Ministru jgħid liema xogħlijiet saru mill-1 ta’ Novembru 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet, liema xogħlijiet tlestew minn kollox, fejn saru permezz ta’ din is-sejħa u kemm ġiet tiswa kull biċċa xogħol?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa saru sebgħa toroq min dan il-framework agreement.  Dawn ix-xogħlijiet kienu jikkonsistu f’bini mill-ġdid ta’ toroq u asphalt.

Għawdex – Ħondoq ir-Rummien

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li toħroġ is-sejħa pubblika biex jitranġa l-konkos ġewwa Ħondoq ir-Rummien u fiex se jkunu jikkonsistu x-xogħlijiet, peress li meta għamel l-aħħar maltemp saritlu ħsara kbira?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru diġa evalwa l-ħsara li saret fuq il-konkos u għaldaqstant qiegħdin jitħejjew il-pjanijiet biex isiru x-xogħlijiet.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar - Impjegati b’diżabilità - Parkeġġi riservati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parkeġġi riservati għall-impjegati b’diżabilità fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Ċentru Amministrattiv – Fire Drills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru fire drills fiċ-Ċentru Amministrattiv magħruf bħala l-Isptar il-Qadim fir-Rabat Għawdex, li fih jinkludi l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar, matul l-2024 u l-2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba x-xogħlijiet li kienu għaddejjin, inkluz ta’ retrofitting, fiċ-Ċentru Amministrattiv - sa Diċembru tal-2025 ma sarux fire drills. Madankollu, bħalissa għaddejjin il-preparamenti li għandhom jwassalu biex il-fire drills jibdew isiru b’mod regolari.

Unjoni Ewropea - Direttivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’direttivi tal-Unjoni Ewropea ġew jew mistennija li jiġu implimentati mill-Ministeru tiegħu matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026 u liema huma dawk li għadhom pendenti sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s'issa l-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar m’għandu l-ebda direttivi tal-Unjoni Ewropea, li ġew jew mistennija, jiġu trasposti matul l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026. Għaldaqstant, il-Ministeru m’għandu l-ebda direttiva li għadha pendenti.

Direttorat għat-Turiżmu - Direct Order MG 131/2023 ‘2 month promotional campaign in France’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order MG 131/2023 ‘2 month promotional campaign in France’ mid-Direttorat għat-Turiżmu fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’ servizzi ngħataw f’din id-direct order?  Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor Interpellant li dan il-kuntratt jirrigwarda l-ingaġġ ta’ kumpanija Franċiża, Pixel Perfect , bbażata ġewwa Franza sabiex timplimenta kampanja promozzjonali ta’ Għawdex bħala destinazzjoni distinta fil-Mediterran, bl-intenzjoni li Għawdex jiġi promoss għax-xhur tax-xitwa. Fuq nota ġenerali qiegħdin naraw riżultati pożittivi ferm, hekk kif ix-xitwa tas-sena 2025 rat żieda ta’ 11.4% ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex, filwaqt li fl-akkomodazzjoni kollettiva l-ammont ta’ żieda ta’ 13.5% f’żieda ta’ ljieli minn barranin. L-investiment f’din il-kampanja diġitali kien ta’ 15,000EUR fuq xahrejn, li kienu maqsumin f’baġitts ta’ 44% fuq Google, 48% fuq il-midja soċjali, u 8% b’sistema ta’ newsletter emails.  Kampanja diġitali li tippermetti l-faċilta’ li tkun aktar effettiva u effiċjenti, hekk kienet immirata f’reġjuni li jospitaw ajruporti b’konnettività diretta lejn Malta u elementi demografiċi oħra li jaqblu mal-profil tad-destinazzjoni. Kien hemm żewġ fatturi ewlenin li wasslu għad-deċiżjoni ta’ Direct Order. Meta tkun qed tagħmel kampanja mmirata u esklussiva f’pajjiż partikolari, huwa ta’ vantaġġ strateġiku li l-kumpanija li timplimenta l-kampanja promozzjonali tkun propju minn dak il-pajjiż hekk kif tgħolli aktar il-potenzjal tar-riżultati miġjuba ġa ladarba tkun aktar affluwenti mas-suq immirat. Ir-rapport finali tal-kampanja, fid-dawl ta’ dak li ġie investit, wera andament pożittiv ferm hekk kif wasslet għal aktar minn 63,000 klikk dirett. It-tieni raġuni tad-Direct Order, u li tallaċċa ma’ l-ewwel raġuni hija li l-kumpanija ngaġġata għandha esperjenza ppruvata ta’ promozzjoni turistika, anke f’dak li għandu x’jaqsam mal-gżejjer Maltin.

Direct order ‘Networking Services for CPMR Assembly/Conferences’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Networking Services for CPMR Assembly/Conferences’ li ngħatat fit-8 ta’ Lulju 2024 għall-prezz ta’ €29,935.00 mill-Cultural Heritage Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw f’din id-direct order?  Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din id-direct order ingħatat lill-Aurora Bistro Café minħabba li l-konferenza saret fil-Kumpless Aurora (li kien l-unika venue f’Għawdex  li setgħa jilqa 200 delegat), u ma setgħetx toħroġ sejħa għall-offerti minħabba li l-Aurora Bistro Café hu attrezzat biex iservi catering għal konferenza li ġibdet il-fuq minn 200 delegat barrani. L-ispiza ta’ dan il-catering kien jinkludi 3 ikliet u waqfiet għal kafe matul 3 ijiem sħaħ.

Direct Order ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’ li ngħatat fit-18 ta’ Ottubru 2024 għal-prezz ta’ €13,750.00 mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ‘Networking Services for CPMR European Night in view of the international Conference of Peripheral Maritime Regions’ kienet tikkonsisti f’riċeviment għal dawk li attendew wirja fit-Teatru Astra.

Direct Order ‘Procurement of barkchips icw the embellishment of Ġnien Wistin Dingli, Xewkija’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Procurement of barkchips icw the embellishment of Ġnien Wistin Dingli, Xewkija’ li ngħatat fl-24 ta’ April 2024 mis-Strategy and Support Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru ta’ appoġġ lill-Kunsill Lokali fl-aħħar xogħlijiet meħtieġa biex jinfetaħ il-ġnien għall-pubbliku.  Inxtraw dawn il-barkchips biex tingħata dehra isbaħ lil-ġnien u biex jitnaqqas l-ammont ta’ ilma tat-tisqija minħabba li l-barkchips jgħinu biex il-ħamrija żomm iktar umda.  Għal dan il-għan il-Ministeru ma kellux dawk il-kwantitajiet ta’ barkchips biex ikunu jistgħu jitpoġġew madwar il-ġnien kollu.

Direct Order ‘Provision of 10 interpreters in 6 languages, travel and Logistics for the 52nd CPMR Conference’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Provision of 10 interpreters in 6 languages, travel and Logistics for the 52nd CPMR Conference’ li ngħatat fis-16 ta’ Diċembru 2024 mid-Direttorat tal-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għat-52 Assemblea Ġenerali tas-CPMR - li ittellgħet f’Għawdex bejn it-2 u l-4 ta’ Ottubru tas-sena 2024 - il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar kien ingaġġa s-servizz ta’ 10 interpreti. Min-naħa tagħhom, dawn l-interpreti kellhom l-irwol li jittraduċu 6 lingwi; Ingliż, Franċiż, Spanjol, Taljan, Grieg u Portugiż. Il-ħlas totali ta’ din id-direct order kien ikopri il-ħidma ta’ dawn l-interpreti waqt din l-Assemblea Ġenerali, u kif ukoll l-ispejjeż tal-vjaġġ u tal-loġistika tal-istess interpreti. Din id-direct order saret skont il-klawsoli tal- Procurement Policy u bl-approvazzjonijiet neċessarji .

Direct Order ‘Clearing of waterway at Għajnsielem near Pjazza tad-Dehra from the great reed (qasab) that is causing a blockage to the same waterway’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Clearing of waterway at Għajnsielem near Pjazza tad-Dehra from the great reed (qasab) that is causing a blockage to the same waterway’ li ngħatat fl-14 ta’ Ottubru 2024 mill-Eco Gozo Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu u x’servizzi ngħataw? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’talba li rċieva l-Ministeru mingħand il-Kunsill Lokali t’Għajnsielem, l-istess Kunsill wera l-urġenza li jsir tindif tal-bokka ta’ taħt il-Playingfield Amabile Cauchi li minna jgħaddi l-ilma kollu tal-Wied Simirat u żona sostanzjali min-Nadur. Il-Kunsill kien indika li l-bokka (fetħa ta' tunnel) tinsab totalment mgħaluqa bi pjanti invażivi (qasab), terrapien li akkumula mas-snin u zkuk ieħor. Billi d-direttorat EkoGħawdex kellu diġa il-permessi għat-tindif tal-wied, evalwa l-istess talba u permezz ta’ direct order tqabbad kuntrattur biex isiru x-xogħlijiet mitluba mill-istess kunsill. Fil-kuntest li kien qiegħed joqrob iż-żmien li jista’ jġib miegħu ammont ta’ xita li setgħet toħloq ħsarat u perikli, inħasset l-istess urġenza li għamel referenza għaliha l-istess Kunsill u din kienet il-fattur ewlieni għalfejn ingħatat d-direct order. Dan kien mezz temporanju biex isiru x-xogħlijiet sakemm eventwalment kienet ippublikata s-sejħa pubblika għat-tindif tal-widien madwar Għawdex bir-referenza CT3004/2025.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Infiq fuq reklamar u promozzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi dettalji dwar l-ammont totali ta’ infiq fuq reklamar u promozzjoni, kemm mill-Ministeru kif ukoll mid-dipartimenti u awtoritajiet kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll: i.      it-tip ta’ promozzjoni (eż. midja stampata, midja online, billboard, influencer, sponsored posts, eċċ.); ii.     data tal-publikazzjoni, promozzjoni, kampanja, eċċ.; u iii.    ammont totali tal-infiq?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Direct Order ‘Design of a visitor experience that includes services in the shelter/ underground areas, sanitary facilities in the outbuildings and landscaping and (re) construction of rubble walls in the immediate areas surrounding for the Fanal tal-Ġordan, Għasri’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Design of a visitor experience that includes services in the shelter/ underground areas, sanitary facilities in the outbuildings and landscaping and (re) construction of rubble walls in the immediate areas surrounding for the Fanal tal-Ġordan, Għasri’ li ngħatat fis-6 ta’ Awwissu 2024 mis-Strategy and Support Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu, u x’servizzi ngħataw u ser jingħataw f’din id-direct order? Għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk l-affarijiet li ntalbu permezz ta’ din id-direct order twettqux (sarux)?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li infurmat li peress li l-intervent inkwistjoni huwa ta’ natura speċjalizzata u jitlob kompetenza teknika partikolari, ġiet avviċinata persuna teknika li għandha esperjenza estensiva u speċjalizzata f’dan il-qasam. Dan sar fid-dawl tal-karatteristiċi u n-natura speċifika tas-sit u tal-użu li għalih huwa intenzjonat, sabiex jiġi żgurat li l-ħidma tkun imwettqa skont l-aħjar prattiki u b’mod professjonali.

Direct Order ‘Architectural professional services to prepare the design of the upgraded belvedere area and the surroundings, preparation of BOQs and technical specifications, project implementation and certifications, BCA clearance document preparation and submittals for the upgrading of the belvedere known as Tal-Qaċċa which happens to be on the entrance to Xagħra village’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Architectural professional services to prepare the design of the upgraded belvedere area and the surroundings, preparation of BOQs and technical specifications, project implementation and certifications, BCA clearance document preparation and submittals for the upgrading of the belvedere known as Tal-Qaċċa which happens to be on the entrance to Xagħra village’ li ngħatat fil-31 ta’ Ottubru 2024 mill-ECO Gozo Directorate fi ħdan il-Ministeru tiegħu, u x’servizzi ngħataw u ser jingħataw f’din id-direct order? Għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika? Jista’ jgħid ukoll jekk dan ix-xogħol jistax isir mill-ħaddiema Tekniċi u Professjonali fi ħdan il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll jekk dan il-proġett ġiex implimentat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa l-Perit Mallia ipprovda d-disinji, il-BOQ, u t-technical specifications biex setgħet tinħareġ is-sejħa għall-offerti biex dan il-belveder magħruf bħala tal-Qaċċa jkun jista’ jiġi mmodernizzat u jsir aktar aċċessibbli. Is-servizzi ta’ Project Implementation u Certifications jibdew jingħataw mil-Perit malli jibdew ix-xogħlijiet.

Direct Order ‘Lease Agreement for Back-office services’

Question

Jista’ l-Ministru jispjega fid-dettall fiex kienet tikkonsisti d-Direct Order ‘Lease Agreement for Back-office services’ li ngħatat fil-11 ta’ Lulju 2024 għal-prezz ta’ €131,375.00 mill-Operations Division fi ħdan il-Ministeru tiegħu? X’servizzi ngħataw u ser jingħataw, u kemm hu l-perjodu ta’ żmien ta’ din id-direct order? Jista’ jgħid ukoll għaliex inħasset il-ħtieġa li tingħata din id-direct order u għaliex ma ħarġitx sejħa pubblika?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fis-6 ta’ Novembru 2018, kienet ippublikata fil-Gazzetta tal-Gvern Espressjoni ta’ Interess bin-numru EOI A1118 – Invitation to submit proposals for the lease of property.  Kien hemm 3 offerenti u minnhom kienet magħżula l-kumpanija General Tech Services Ltd.  Din il-propjeta’ qed tinkera biex jiġu ospitat l-Uffiċju tal- Malta Financial Services Authority .  L-ewwel kuntratt tal-kera kien ikopri mill-15 ta’ Lulju 2019 sal-14 ta’ Lulju 2024.  Meta dan il-kuntratt tal-kera skada, intalbet estensjoni tal-kera għal ħames snin oħra lill-Ministeru tal-Finanzi peress li kien sar investiment f’din il-propjeta’ u biex ukoll dan l-uffiċju ma jkollux bżonn jiċċaqlaq. Dan il-kuntratt huwa għal ħames snin mill-15 ta’ Lulju 2024. Il-kirja hija ta’ €26,275 fis-sena li għal ħames snin tammonta għal €131,375

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-konsulenti fil-Ministeru tiegħu kif ukoll mal-awtoritajiet u l-aġenziji li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu matul l-2025 u r-rata li jitħallsu biha? Jista’ jgħid ukoll kemm tħallsu dawn il-konsulenti matul l-2025?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari Nru 27768.

Għawdex - Ta’ Xħajma - Proġett tas-Solar flowers

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32589 fl-intier tagħha u jgħid x’se jkun ir-rwol tal-Ministeru tiegħu fil-proġett magħruf bħala ‘solar flowers’ li tpoġġew f’Ta’ Xħajma, Għawdex, issa li dan tlesta u ġie inawgurat?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru okkupa rwol f’dan il-proġett, hekk kif ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari PQ 32068. Issa, li dan il-proġett tlesta, il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar mhuwiex qed jokkupa xi rwoli oħrajn.

Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar – Health and Safety Officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Health & Safety Officer fid-dekasteru tiegħu u jekk iva, kemm?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Health & Safety Officer impjegat full time mhuwiex rikwest mil-ligi. Madanakollu għarfien rigward is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol huwa kontinwu.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s’issa din is-sena m’attendejtx laqgħat tal-kunsill tal-Ministri. Għax-xhur li ġejjin, bħala prassi u sa fejn ikun possibli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropeja u li jkunu intenzjonati ghall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.