Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li jiftaħ l-Isptar tal-Annimali f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk ġiex identifikat u allokat is-sit fejn se jkun dan l-isptar, u jekk iva, fejn hu dan is-sit? Jista’ jgħid ukoll kif huwa ppjanat li jopera dan l-isptar, jekk hux se jipprovdi servizz ta’ 24 siegħa kuljum, liema servizzi veterinarji se jkunu disponibbli, u jekk hux se jkun mgħammar sabiex joffri kura ta’ emerġenza u interventi kirurġiċi għall-annimali f’Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa is-sezzjoni tal-Animal Welfare f’Ghawdex diġà toffri kura ta’ emerġenza b’servizz ta’ 24 siegħa, sebat’ijiem fil-ġimgħa
Ministeru għal Għawdex – Każ ta’ individwu – Ħatriet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.
Ministeru għal Għawdex – Disaster Recovery Plan/Business Continuity Plan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm dipartimenti u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħtu għandhom Disaster Recovery Plan jew Business Continuity Plan formali li jkopru terremoti jew diżastri naturali kbar, u għal kull wieħed jgħid meta ġie aġġornat u meta ġie ttestjat l-aħħar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall- Mistoqsija Parlamentari 3037.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett tal-Għar ta’ Calypso fix-Xagħra, Għawdex? Jista’ jgħid ukoll jekk sarux xi xogħlijiet biex l-għar jiġi ppreservat u jekk iva, jindika x-xogħol li sar s’issa kif ukoll x’tip ta’ xogħlijiet huma maħsuba biex dan ma jkomplix jiġġarraf?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tender
SPD3/2026/031 – Tender for the Commissioning of Geological Investigations at and around Calypso Cave within the Limits of Xagħra, Gozo
ġie ppubblikat nhar it-30 ta’ Settembru 2026 u se jagħlaq nhar il-21 ta’ Ottubru 2026. Hekk kif jingħata dan it-tender u jitlestew l-investigazzjonijiet ġeoloġiċi meħtieġa, se jitkompla l-proċess għat-tħejjija u l-ħruġ tat-tender għax-xogħlijiet ta’ preservazzjoni u stabbilizzazzjoni tal-Għar ta’ Calypso.
Ta’ Xħajma, Għawdex – Korsa taż-żwiemel – Investiment
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’investiment sar fil-korsa taż-żwiemel f’Ta Xħajma matul l-aħħar snin? Jista’ jgħid ukoll jekk għandux il-ħsieb li jinvesti f’din il- korsa fis-snin li ġejjin u jekk iva, jindika fiex se jkun jikkonsisti dan l-investiment?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex qed jinvesti biex iżomm il-korsa taż-żwiemel fi stat tajjeb. Ix-xogħol ta' żamma u manutenzjoni jsir mill-ħaddiema tal-Ministeru matul is-sena kollha. Ftit tal-ġimgħat ilu ġie approvat il-permess għall-bini tal-istallel il-ġodda. Il-proċess sabiex tinħareġ l-offerta għall-bini ta' dawn l-istallel mistenni li jibda matul din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid x’reklamar sar fir-rigward tal-Padiljun Sportiv u Akkwatiku ta’ Għawdex minn meta dan beda jopera sabiex jattira aktar turisti? Kemm kien hemm turisti li għamlu użu minn dan il-Padiljun minn meta nfetaħ? Jista’ jgħid ukoll x’inhu mistenni li jsir biex aktar turisti sportivi jżuru Għawdex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sa mill-ftuħ tiegħu, il-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) stabbilixxa ruħu bħala faċilità sportiva moderna li qed tattira utenti lokali u barranin. Infatti, sal-lum ġew irreġistrati 833 utent li kisbu Access Card permezz ta’ numru tal-passaport; indikazzjoni ċara ta’ kemm persuni barranin qed jagħmlu użu mill-faċilitajiet li toffri l-GISAP. Fl-istess waqt, il-faċilità diġà ospitat numru ta’ avvenimenti sportivi ta’ livell internazzjonali. Fost dawn insemmi l-Spirit Combat Seminar u l-International Masters Water Polo Tournament li ttellgħu f’Novembru li għadda, u l-logħba internazzjonali tal-waterpolo bejn Malta u l-Portugall li saret f’Diċembru li għadda. Sussegwentament, f’April ta’ din is-sena ttella l-Malta Artistic Swimming National Championships, liema avveniment attira parteċipanti minn aktar minn 18-il pajjiż. Għal Novembru ta’ din is-sena, ġie kkonfermat li l-International Masters Water Polo Tournament ser jerġa’ jsir fil-GISAP fis-27, 28 u 29 ta’ Novembru 2026. Dawn l-avvenimenti jkomplu jikkonfermaw ir-reputazzjoni eċċellenti li kiseb il-GISAP anke barra minn xtutna.
Jista’ l-Ministru jgħid meta l-Gozo Channel użat l-aħħar il-karru li jġorr il-bagalji biex jevita tqandil żejjed lill-passiġġieri bejn it-terminals tal-Imġarr u ċ-Ċirkewwa? Jista’ jgħid għaliex dan is-servizz twaqqaf u jekk hemmx il-ħsieb li jerġa’ jiġi introdott, speċjalment fid-dawl li l-vapur Nikolaus m’għandux lift? Jekk m’hemmx pjan li jerġa’ jiġi introdott, jista’ jgħid għaliex?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar snin u fil-prezent, il-kumpanija toffri l-użu ta’ luggage trolleys, li l-klijent jista’ jagħmel użu minnhom meta ma jkunx jista’ jġorr il-bagalja/i tiegħu waħdu abbord. B’hekk il-bagalja tkun akkumpanjata mill-klijent stess. Dan ma jeskludix introduzzjoni ta’ servizzi oħrajn li l-kumpanija tista tintroduċi fix-xhur u snin li ġejjin.
Ir-Rabat u x-Xagħra, Għawdex – Triq Ġdida fi Triq l-Ewropa u Triq Karkar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 454, jista’ l-Ministru jgħid kif qed jiġi evalwat liema toroq f’Għawdex għandhom jingħataw prijorità għar-rikostruzzjoni jew interventi meħtieġa? Jista’ jgħid ukoll jekk Triq Karkar fix-Xagħra, kif ukoll il-parti l-ġdida ta’ Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, humiex inklużi fost it-toroq ta’ prijorità, meta jittieħed inkonsiderazzjoni wkoll dak li kien indikat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5265 tal-Erbatax-il Leġislatura?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ż-żewġ toroq imsemmija, iġifieri Triq Karkar fix-Xagħra u l-parti l-ġdida ta’ Triq l-Ewropa fir-Rabat, Għawdex, qed nifhem dik it-triq li ma tinfidx, qed jigu ikkunsidrati biex isiru.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru ghal Ghawdex ingaġġa lil Stratis Consulting halli jaghti ghajnuna teknika relatata mat-trasformazzjoni diġitali skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm toroq f’Għawdex li għadhom mingħajr wearing course u jagħti l-isem tal-imsemmija toroq u l-lokalità rispettiva? Jista' jgħid ukoll kemm dawn it-toroq ilhom mingħajr wearing course u jindika meta hemm il-ħsieb li jsiru?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għal mistoqsija parlamentari numru 1245.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm toroq f’Għawdex li x-xogħlijiet fuqhom għadhom ma tlestewx jew li jinsabu nofshom kompluti? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità, u għal kull triq jindika:
i. ir-raġuni għad-dewmien;
ii. f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet; u
iii. d-data prevista meta dawn se jitlestew?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm ħames toroq li jaqgħu taħt din il-kategorija. Dawn it-toroq huma; Triq ta’ Wara s-Sur u Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat, Triq Daħlet Qorrot fin-Nadur, Triq ir-Rabat fix-Xagħra u Triq Gidi fix-Xewkija. Ix-xogħlijiet fit-toroq msemmija mistennija jitkomplew fix-xhur li ġejjin. Dan għaliex għad iridu jsiru xogħlijiet oħrajn, fosthom f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi u anke culverts. Uħud minn dawn x-xogħlijiet jridu jsiru minn entitajiet li ma jaqgħux taħt ir-responsabilita tal-Ministeru. Dan apparti xogħlijiet oħrajn li jridu jsiru minn terzi sakemm jitkomplew ix-xogħlijiet fl-imsemmija toroq.
Ġnien il-Ħaddiem, Ġnien Ċensu Xiberras u Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard – Xogħlijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jinbeda x-xogħol fuq proġetti ta’ restawr u tisbiħ ta’ Ġnien il-Ħaddiem fix-Xewkija, Ġnien Ċensu Xiberras f’Ta’ Kerċem u Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard fil-Qala?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħlijiet fi Ġnien il-Ħaddiem u fi Ġnien Ċensu Xiberras bdew. F’dak li għandu x’jaqsam mal-proġett ta’ restawr u tisbiħ ta’ Ġnien il-Maġistrat Salvu Attard, bħalissa għaddej l-proċess biex tiġi ppreparata s-sejħa għall-offerti.
Il-Qala – Triq ġdida li tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda jingħata t-tarmac fit-triq il-ġdida li tgħaqqad Triq il-Wardija ma’ Triq it-Tletin t’Ottubru 1948 ġewwa l-Qala, peress li r-residenti ta’ din it-triq ilhom sentejn jistennew li jsiru x-xogħlijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qabel ma jingħata t-tarmac, jeħtieġ li jitwettqu xogħlijiet infrastrutturali minn entitajiet oħra. Il-Ministeru għal Għawdex jinsab f’kuntatt kontinwu mal-entitajiet konċernati sabiex ix-xogħlijiet meħtieġa jitwettqu u, sussegwentement, ikun jista’ jingħata t-tarmac.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni tat-temperatura li tintlaħaq fil-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) waqt l-użu tal-Main Hall, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf? Jekk iva, jista’ jgħid x’kienu r-riżultati ta’ din il-valutazzjoni? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra l-installazzjoni ta’ sistema ta’ arja kkundizzjonata sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati għall-atleti, l-uffiċjali u l-ispettaturi?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol tekniku mill-inġiniera sabiex jitħejjew id-disinn u d-dimensjonar ta’ sistema ġdida ta’ arja kkundizzjonata.
B’referenza għall-inċident li seħħ kawża tal-maltemp fi Frar 2023, fejn waqgħet parti mill-ħajt taċ-Ċittadella, jista’ l-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat u jerġgħu jinfetħu l-passaġġi pubbliċi kollha, inkluż il-passaġġ ta’ fuq il-bridge, fil-foss taċ-Ċittadella?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà twettqu xogħlijiet ta’ emerġenza sabiex jitneħħa kull periklu immedjat wara l-istess maltempata. Madankollu, peress li s-sit huwa wieħed ta’ importanza storika, kien meħtieġ li jsiru l-konsultazzjonijiet neċessarji, apparti investigazzjoni arkeoloġika mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH). Fix-xhur li għaddew inħareġ it-tender għat-tieni fażi tax-xogħlijiet. Dan t-tender gie
awarded
u l-kuntrattur se jkun jista jibda x-xogħol fiż-żmien li ġej.
GISAP – Main Hall – Konformità mal-istandards internazzjonali u Ewropej
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Main Hall li tintuża għall-basketball fil-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) hijiex mibnija b’parquet tal-injam li jikkonforma mal-istandards internazzjonali applikabbli għal courts tal-basketball kompetittiv, inkluż dawk tal-FIBA, u l-istandard Ewropew EN 14904? Jekk iva, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikazzjonijiet jew rapporti tekniċi relevanti?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Main Hall tal-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion (GISAP) hija mgħammra bis-sistema ta’ paviment sportiv fiss tal-injam, Adisport ADIFLEX. Din is-sistema hija uffiċjalment approvata mill-FIBA bħala flooring ta’
Competition Level 1
taħt il-liċenzja WF-047-03 u, skont id-dokumentazzjoni teknika tal-manifattur, tikkonforma mal-istandard Ewropew EN 14904. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra d-dokumentazzjoni teknika u ċ-ċertifikazzjonijiet relevanti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol f'Marsalforn ħdejn l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, biex sar u kif ukoll jindika l-ispiża sabiex jitneħħa? Jista’ jgħid ukoll min ħallas tali spejjeż?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 1095.
Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex ġurnata wara li sar ix-xogħol f'Marsalforn ħdejn l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tneħħa? Jista’ jgħid ukoll jekk l-awtoritajiet konċernati ġewx ikkonsultati qabel beda x-xogħol ta' tneħħija sabiex jiġu evitati ħsarat, inkluż ħsara ambjentali u kif ukoll ħsara fil-baħar tal-madwar?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 1095.
Jista' l-Ministru jgħid min awtorizza sabiex isir xogħol f'Marsalforn ħdejn l-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jindika x'permessi kien hemm tal-awtoritajiet sabiex seta’ jsir tali xogħol?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tiswijiet li kellhom isiru fuq il-passaġġ diġa eżistenti tal-konkos – li ġarrab diversi ħsarat kawża tal-maltempata Harry - kienu koperti permezz ta’ Development Notice; DN 00458/26. Min-naħa l-oħra, il-bqija tal-konkos li tpoġġa fuq il-blat mingħajr awtorizazzjoni tneħħa mmedjatament u s-sit reġa’ lura għal l-istat kif kien qabel.