Jista' l-Prim Ministru jiddikjara jekk is-security guards li jaħdmu mal-kumpanija li rebħet it-tender maħruġ minn Heritage Malta għall-provvediment ta' security guards jitħallsux il-paga minima nazzjonali jew iktar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-kuntrattur huwa marbut li jħallas il-pagi kif stabbilit mil-liġijiet dwar ix-xogħol.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f’liema ġurnali dehru r-riklami intitolati "The truth prevails BWSC contract"? Kemm–il riklam deher fuq kull ġurnal u kemm kienet in-nefqa totali fuq kull wieħed minn dawn il-ġurnali fuq dawn ir-riklami? Jista' jgħid min kien responsabbli għad-disinjar tar-riklami u x’kien il-ħlas mogħti lil min kien responsabbli għal dan d-disinjar ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ser jagħti l-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment permezz tar-risposti tiegħu f’ Mistoqsijiet Parlamentari nri: W185 u 22291.
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk il-livell tal-edukazzjoni jagħmilx differenza meta persuna tapplika biex issir suldat regolari fl-Armata? Jista' jgħid jekk daħlux suldati regolari ġodda fl-Armata fl-2010? Jekk iva, kemm applikaw u kemm fil-fatt daħlu? Hemm pjanijiet li jiddaħlu suldati regolari fl-2011? Jekk iva, kemm se jiddaħħlu u meta se jsiru s-sejħiet għall-applikazzjonijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kull ma jmur, il-livell tal-edukazzjoni qed jiżdied fl-importanza tiegħu meta persuna tapplika biex tidħol fil-Forzi Armati ta’ Malta. Fl-aħħar sejħa ghall-applikazzjonijiet, l-edukazzjoni swiet daqs 60% tal-marka globali. Il-marka ta’ l-edukazzjoni ngħatat skond il-gradi tal-‘O’ levels fil-Matematika, Ingliz jew Malti. Jekk l-applikant ma kellux ‘O’ levels f’dawn is-suġġetti, kellu jpoġġi ghal eżami fis-suġġetti li kellu neqsin, fejn f’kull suġġett, seta’ jilħaq biss massimu ta’ 70% tal-marka massima (mogħtija lil min kellu O Level Grad 4 jew C skont kif applikabbli f’dak is-suġġett). F’din l-aħħar sejħa, kienu applikaw daqs 625, fejn minnhom, il-FAM ha ddaħħal biss erbgħin. Ir-reklutaġġ hu ppjanat li jibda fl- 24 ta’ Jannar 2011.
Sadanittant, fl’ 4 ta’ Jannar 2010 kienu daħlu it-tieni grupp ta’sittin rekluta fil-Forza Regolari minn total ta’ 260 li kienu applikaw taħt l-iskema B (dħul bl-eżami - għal min ma kellux O Levels). Din l-iskema m’għadhiex fis-seħħ.
Hemm il-ħsieb li terġa’ ssir sejħa għall-applikazzjonijiet fl-2011 għal numru limitat (mhux aktar minn erbgħin) ta’ rekluti ġodda. Dawn ser jeħtieġu li jkolhom minn qabel l-‘O’ levels fil-Matematika, Ingliz u Malti. Gradi ta’ D u E (jew 6 u 7) jiġu meqjusa wkoll.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jiddaħħlu skrivana ġodda maċ-Ċivil, li r-riżultat tal-eżami intbagħat lil dawk li poġġew għalih f’Lulju li għadda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li tweġiba għall-ewwel parti tal-mistoqsija Parlamentari diġa’ ngħatat permezz tat-tweġibiet għall-mistoqsijiet Parlamentari numri 19111, 19351, 21311, 21831.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-prassi hi li ma jintbagħat l-ebda riżultat tal-eżami, kuntrarju għal dak li qed jingħad fl-aħħar part ital-mistoqsija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fil-ġimgħat li għaddew daħlux għand l-Awtorita' ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar ilmenti minn residenti li jgħixu fl-inħawi tat-Tarzna dwar problemi maħluqa lilhom minn xogħol ta’grit blasting li twettaq fit-Tarzna? F’każ li iva, jista' jgħid x’passi ttieħdu? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol hux permess li jsir? Jista' jgħid x’passi ttieħdu biex dan l-inkonvenjent ma jerġax jirrepeti ruħu fiż-żmien li ġej?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat lid daħlu numru ta’ lmenti għand il-MEPA dwar problemi kkawżati mill-grit blasting. Il-MEPA ħarġet stop notice u tablet lil Palumbo Shipyards sabiex japplikaw għal permessi ambjentali , sabiex dawn il-problemi jiġu ndirizzati, kif wkoll sabiex jittieħdu miżuri immedjati sabiex jieqaf it-tniġġiż. Ser jiġu diskussi l-metodi illi bihom ser jiġu kkontrollati l-impatti li jirriżultaw mix-xogħolijiet tagħhom kif wkoll jiġu nvestigati teknoloġiji alternattivi. Sa issa, m’ hemmx qafas legali speċifiku li jirrikjedi li xogħol ta’ grit blasting jeħtieġ xi permess mill- MEPA. Madankollu, il-MEPA tista’ timponi l-ħtieġa ta’ permess ambjentali fuq kull attivita li tirriżulta fi tniġġiż.
Jista' l-Prim Ministru jgħid:
a) meta tneħħiet is-CCTV
camera
li kienet imwaħħla viċin l-HSBC Branch ta' Ħal Balzan;
b) meta sar il-hold up fuq l-HSBC Branch ta' Ħal Balzan; u
ċ) min mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan ħareġ l-istruzzjonijiet biex titneħħa din l-istess camera?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-CCTV camera li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet ilha ma tiffunzjona sewwa minn tal-anqas sa mis-sena 2006. Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan informa b’dan lill-Kumitat Konġunt responsabbli għaliha. Minkejja tentattivi biex din titħaddem b’mod effettiv il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan lmenta li s-CCTV camera msemmija qatt ma tat ir-riżultati mistennija meta kien meħtieġ. Għaldaqstant il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan f’laqgħa li saret fl-10 ta’ Ottubru 2007 iddeċieda li jikteb lill-Kumitat Konġunt sabiex din titneħħa.
Ninsab infurmat illi kien sar hold up fuq il-fergħa ta’ l-HSBC ġewwa Ħal Balzan nhar it-30 ta’ Novembru 2007. Peress li dan il-każ mhux konkluż, kif wkoll hemm proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Kriminali kontra żewġ persuni, ma nħossx li huwa opportun li jingħata aktar tagħrif.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema kien il-Ministeru jew awtorità responsabbli min-naħa Maltija għall-organizazzjoni tal-Concerto di Natale li xxandar fuq l-istazzjoni Rai 2?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura fi ħdan l-Uffiċċju tiegħi kien responsabbli mill-organiżazzjoni min-naħa Maltija tal-Concerto di Natale li xxandar fuq Rai Due f’ Lejlet il-Milied.
Jista’ l-Ministru jgħid x'passi qed jieħdu l-awtoritajiet kkonċernati rigward ħsejjes li l-Hompesch Steel ġewwa Ħaż-Żabbar qed tagħmel, jekk dawn il-ħsejjes humiex aċċettabbli u skont ir-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea minħabba li qed ikunu ta’ inkonvenjent kbir għar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li is-sit Hompesch Processing Co. Ltd. huwa regolat permezz ta' Environmental Permit maħrug mill-MEPA. l-Awtorita' diġa għandha xi informazzjoni fuq ħsejjes minn dan l-impjant pero hemm bżonn jsir 'upgrading' generali ta' l-impjant li jirrekjedi permess mid-Direttorat ta' l-Ippjanar. Bħala parti minn dan il-proċess, l-impatt ta' ħsejjes ha jkun ittrattat.
Ninsab infurmat wkoll illi d-Direttiva dwar l-istorbju ma tispeċifikax limiti dwar dan jew għal xi operazzjoni oħra. Il-livelli permissibli ta’ ħoss huwa mħolli f’ idejn l-Istati Membri. Huwa għal din ir-raġuni li hemm bżonn jintalab permess jistipula il-livell massimu ta’ ħoss li jista jintlaħaq.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21374 u 20681 u jgħid liema huma l-għodod li l-kumitati amministrattivi se jkollhom biex ikunu jistgħu jaħdmu? Jista' jgħid liema huma l-kumitati amministrattivi li għamlu użu mill-iskema li hi direttament għalihom? Fiex tikkonsisti din l-iskema? Kemm hu l-ammont tal-flus li bbenefika kull kumitat amministrattiv?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 20681
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21375 u 20686 u jgħid wara li ġie ppreżentat il-Budget 2011 u fid-diskors ġie rappurtat li l-gvern nieda diversi fondi speċjali u skemi, li ammontaw għal €6.2 miljun u li permezz tagħhom kunsilli lokali kienu megħjuna jwettqu proġetti importanti, liema huma dawn il-proġetti? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra breakdown ta' kemm ġie jqum kull proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba li tajt f’ mistoqsija 21496
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21307 u 20586 u jgħid jekk saritx konsultazzjoni mar-residenti ta' Ħal Safi fuq l-istallazzjoni ta’ radar kbir fil-barracks tas-suldati ġewwa Ħal Safi ? L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar naqset li tagħmel il-konsultazzjoni? Għaliex? Kien hemm xi oġġezzjoni mill-kunsill lokali ta’ Ħal Safi fuq l-istallazzjoni tar-radar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-installazjoni ta' 'Air Traffic Control Radar' hija suġġetta għal notifka ta' żvilupp permezz tal-avviż legali 115/07, hekk imsejjaħ id-Development Notification Order (DNO), b'referenza DN 622/10. Din il-proposta ta' installazzjoni ta' torri għar-radar jikkwalifika taħt il-Klassi 11 tal-istess avviżż legali għal-żvilupp permess li għandu x'jaqsam ma l-avjazzjoni, peress li dan l-iżvilupp hu sitwit fil-konfini tal-ajruport hekk kif muri fi-Skeda II tal-Klassi 11 tal-istess avviżż legali hekk kif ġie emendat b'avviżż legali 226/10.
F'notifika ta' żvilupp b'DNO, kontra għal dak li jiġri f' applikazzjoni għal-iżvilupp, ma jsirx konsultazzjoni jew avviżż lil pubbliku jew mal-Kunsilli Lokali, għalkemm f'dan il-każ, l-iżvilupp propost għadda mill-iskrutinju min-naħa tad-Direttorrat tal-Ambjent għal-impatt ambjentali li fill-fatt ma jirriżultax li dan l-iżvilupp jitlob studju għal-impatt tal-ambjent (Environment Impact Assessment, EIA). Min naħa l-oħra l-MEPA għada qed tistenna mill-applikant, il-Malta Air Traffic Sevices Ltd., studju mitlub mill-Malta International Airport dwar is-sigurta tal-ajruport għal-dak li għandu x'jaqsam hekk imsejjaħ 'Obstacle Limitation Surface' li anke għandu jiġi approvat mid-Direttorat tal-Avjazzjoni Civili fi ħdan il-Malta Transport.
monitoraġġ tas-sit tad-Dwejra waqt l-iffilmjar on site
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid min kellu jieħu ħsieb il-monitoraġġ tas-sit tad-Dwejra waqt l-iffilmjar on site, l-uffiċjal/i tat-Direttorat tal-Ambjent jew tal-Ippjanar? Huwa minnu li minflok ma dan sar kif suppost minn dik tal-Ambjent sar minn dik tal-Ippjanar? Jekk iva, ix-xogħol li sar mill-persuna mid-Direttorat tal-Ippjanar x’kwalifiċi għandha fuq l-ambjent naturali?
Billi fil-każ tal-Mistra li kienet Natura 2000 site, kif ukoll fir-rapport tiegħu l-Awditur tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar kien stqarr li kien hemm bżonn ta' appropriate assessment, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm assessment simili fil-każ tad-Dwejra? Jekk le, min se jerfa' r-responsabbiltà diretta għal dan in-nuqqas?
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ntebħet li saret il-ħsara fid-Dwejra? Dan billi s-Sur M. Seychell qal li kien fit-28.10.10 filwaqt li d-Direttur tal-Ippjanar, is-Sur Chris Borg ta' l-istess awtorità stqarr li dan sar fl-14.10.10?
Jista' l-Prim Ministru jara jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tistax tikkonferma l-allegazzjoni li ma ħadet ebda azzjoni qabel ma dehru rapporti fil-media dwar il-każ Dwejra?
Upgrading and expansion Mcast Institute of Mechanical Engineering at Malta/Gozo ERDF No.056 — grant agreement
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21479, jista’ l-Prim Ministru jgħid min approva li l-perjodu tal-implementation u d-disbursement schedule dwar il-proġett “Upgrading and expansion, MCAST Institute of Mechanical Engineering at Mata/Gozo ERDF Nru 056 jiġi estiż sal-aħħar ta’ Frar 2011? Għal liema raġunijiet ġie estiż?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor.Interpellant li l-estensjoni tal-proġett sal-aħħar ta’ Frar 2011 ġiet approvata mil-Awtorita’ ta’ Ġestjoni wara li l-MCAST ippreżentat ġustifikazzjoni valida wara dewmien li nqala’ waqt il-proċess ta’ tendering.Kif l-Onorevoli japprezza, is-suq mhux dejjem jirreaġġixxi kif ikun mistenni u għaldaqstant dan ifisser li aktar żmien ikun meħtieġ biex jiġu ġġudikati t-tenders skond proċeduri u r-regolamenti.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri mistennija li jittieħdu matul l-2011 mill-gvern u l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta biex jiffaċilitaw l-aċċess bejn Malta u Għawdex bil-baħar u bl-ajru? Kemm hu mistenni li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li se jittieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dettalji rigward il-miżuri li qegħdin jittieħdu biex jiffażilitaw l-aċċess bejn Malta u Għawdex bil-baħar u bl-ajru, ġew ipprovduti fir-risposta għall-mistoqsija Parlamentari numru 17269.
Matul l-2010 inħarġu diversi tenders fosthom dawk kollha li jikkonċernaw xogħolijiet temporanji kif wkoll diversi tenders relatati max-xogħol permanenti tat-terminal il-ġdid. Peress li kien hemm appell fuq wieħed mit-tenders prinċipali tax-xogħolijiet temporanji, dawn ta’ l-aħħar ma setgħux jitlestew din-is-sena. Dawn ser isiru is-sena dieħla fejn fil-bidu tas-sena 2011 għandhu wkoll jibda x-xogħol ta’ kostruzzjoni tat-terminal il-ġdid. Il-proġett kollu mistenni jiswa €12m u jitlesta għall-aħħar tas-sena 2012.
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 24
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21291 u 20886 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 24 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Strateġija għall-Industrija ta' Malta — Rakkmandazzjoni numru 38
Question
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21392 u 20974 li saru lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġew riferuti lilu u jgħid kif twettqet rakkmandazzjoni numru 38 tal-istrateġija għall-industrija ta' Malta 2007-2010? X'miżuri ttieħdu f'dawn it-tliet snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-konsolidazjoni waslet fil-fażi finali. Il-liġi li sejra twaqqaf l-Awtorita tal-Kompetizjoni u Affarijiet tal-Konsumatur tiprovdi biex is-servizzi tal-laboratorji jkunu amalgamati u jiffurmaw parti min din l-entita ġdida.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tiegħu talabx spjegazzjoni mingħand uffiċjal fid-Dipartiment tat-Turizmu fi ħdan l-uffiċċju tiegħu li huwa intitolat għall-użu b’xejn tat-telefon, u li mill-aħħar rapport annwali tal-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali, ħareġ li tella' kont ta’ iktar minn €6,000? Jekk le, għaliex ma ntalbitx spjegazzjoni? Jekk iva, xi spjegazzjoni ngħatat? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan l-uffiċjal kienx intitolat għal spiża daqshekk qawwija f’dak li huwa użu tat-telefon? Jekk le, saret talba biex dan l-uffiċjal jagħti lura dak li ma kienx intitolat għalih?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-uffiċjal inkarigat huwa ntitolat għas-servizz b’xejn tat-telefon u tal-mobile. Għalhekk mhux il-każ li ssir investigazzjoni u lanqas li tingħata spjegazzjoni