Legislature:
Category:
Reset
Active:

Karozzi second hand — Dazju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1391 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid meta se ssir ir-riforma fid-dazju tal-karozzi second hand li jiġu mportati? Id-dazju minn fuq l-importazzjoni tal-karozzi se jonqos jew le? Jekk se jonqos, hemm il-ħsieb li jsiru xi tip ta' taxxi jew kontribuzzjonijiet oħra li jaffettwaw il-prezz tax-xiri tal-vetturi?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Eurostar Programme

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1501 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u cioe': B'referenza għall-Eurostar Programme ta' l-Unjoni Ewropea li huwa ntiż biex ikabbar l-investiment ta' l-SME's fir-riċerka, x'inhi r-raġuni li skond rapport maħruġ nhar il-25 ta' Ġunju, 2008 Malta ma tidhirx li hi parteċipi f'dan il-programm, minkejja li hemm bosta pajjiżi ġodda fl-UE inklużi bħal Ċipru u l-Istati Baltiċi kif ukoll pajjiżi mhux fl-UE bħall-Iżlanda, Izrael, in-Norveġja, l-Isvizzera u t-Turkija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fil-waqt li għalissa huwa minnu li Malta tinvesti inqas minn pajjiżi oħra fir-Riċerka u l-Iżvilupp, fl-aħħar snin l-impenn tagħna f'dan il-qasam, permezz ta' l-MCST (il-Malta Council for Science and Technology) u entitajiet oħrajn, kiber b'mod sostanzjali u b'impatt pożittiv fuq l-ekonomija. Parti importanti minn dan l-impenn ittieħed mill-Malta Enterprise li permezz tagħha, f'dawn l-aħħar sentejn, Malta pparteċipat fil-programm EUREKA. Ma nistgħux nitkellmu fuq il-EuroStars mingħajr ma nifhmu l-ewwel x’inhu l-programm EUREKA, li Malta qiegħda diġa’ tieħu sehem fih, u b’suċċess kif ħa naraw. L-għan ewlieni tal-EUREKA, li m'huwiex programm ta'l-UE, huwa biex jiżdied il-produttivita' u l-kompetittivita' ta' l-industrija fl-Ewropa, l-iktar permezz ta' innovazzjoni teknoloġika. Minn mindu beda dan il-programm, fl-1985, fondi sostanzjali, kemm pubbliċi u kemm mill-privat, ġew investiti fir-riċerka u fl-iżvilupp permezz ta' proġetti tal-EUREKA. Illum f'dan il-programm jieħdu sehem 38 pajjiż bħala membri sħaħ. Malta ssieħbet f'Ġunju ta' l-2006. Il-fondi pubbliċi tal-EUREKA huma fondi li jiġu mill- budgets tal-Gvernijiet tal-pajjiżi membri u jingħataw direttament minnhom. Ta' min jgħid ukoll li m'hemmx obbligu li l-pajjiżi membri jiddedikaw fondi ghal EUREKA, u fil-fatt mhux kull pajjiż jagħmel dan. F'Malta għandna baġit iddedikat għal EUREKA, amministrata kif għidna mill- Malta Enterprise . Il-burokrazzija fil-programm EUREKA tinżamm fl'livell minimu u fl-aħħar sentejn Malta kkommettiet 350,000 Euro li magħhom żdiedu 1.2 miljun Euro f'proġetti ta' riċerka u żvilupp investiti mis-settur privat. Dan minħabba li l-programm EUREKA ma jħallix li proġetti jigu ffinanzjati 100% minn fondi pubbliċi. Il-valur miżjud u l-benfiċċju ekonomiku ta' dawn il-proġetti żgur jista' jitqies bħala ħafna akbar mill-ammonti li ġew investiti. F’Malta hemm 9 kumpanniji li qed jibbenefikaw mill-fondi ddetikati għal EUREKA mogħtija mill- Malta Enterprise . Dawn il-kumpanniji qed jżidu il-fondi tagħhom ma dawn, kif ukoll il-fondi ta’ msieħba barranin peress li l-programm EUREKA jeħtieġ kooperazzjoni ma' pajjiżi oħra membri. Il-proġetti ta' dawn il-kumpanniji Maltin se jgħinu biex il-prodotti ġodda tagħhom jkunu, mhux biss kummerċjalment vjabbli, iżda li jkollhom ukoll iżjed possibilitajiet li jikkompetu fi swieq internazzjonali. Niġu issa għall-programm EuroStars, li mhu xejn ħlief estensjoni tal-EUREKA u parti mill-istess programm! Is-sena l-oħra il-Kummissjoni ta' l-UE u l-EUREKA, ħolqu mekkaniżmu biex il-Kummissjoni jkun jista' jiffinanzja parzjlament proġetti tal-EUREKA (niftakru li l-programm EUREKA mhux programm ta' l-UE). Din hija l-ideja wara l-programm EuroStars, Proġetti biex jikkwalifikaw taħt il-EuroStars iridu, fost kundizzjonijiet oħra: · Ikollhom bħala msieħeb ewlieni kumpannija ta' daqs zgħir jew medju ( SMEs ), skond id-definizzjoni ta' l-UE, li tagħmel riċerka u żvilupp. · Jiġu minn pajjiz li qed jieħdu sehem fil-programm EUREKA; u · Jkollhom imsieħba li qed jinvestu 10% jew iktar mit-turnover annwali tagħhom f'attivitajiet ta' riċerka. Din il-kundizzjoni ta' l-aħħar tista' teskludi ħafna SMEs Maltin, jekk mhux kollha. Huwa fil-fatt diffiċli li f'Malta insibu kumpanniji li jinvestu 10% mit-turnover annwali tagħhom f'ricerka. Dan diġa' ġie kkommunikat b'mod uffiċjali lill-Kummisjoni ta' l-UE. MINKEJJA DAN, il- Malta Enterprise xorta waħda diġa' kkomunikat ukoll, lill-Kummissjoni, li fil-baġit tagħha tas-sena d-dieħla se taħseb biex tinkludi ammont biex tkopri l-parteċipazzjoni ta' Malta fil-programm EuroStars. Sadanattant se nkomplu għaddejjin bis-suċċess li ksibna s'issa fil-EUREKA. Mill-2006 'l hawn il-fondi EUREKA kollha li ġew allokati minn Malta kienu utilizzati b'suċċess mill-kumpanniji li ħadu sehem fil-programm. Nikkonkludi billi ngħid li anki issa, peress li aħna membri fil-EUREKA, kumpanniji Maltin diġa’ jistgħu jieħdu sehem fil- EuroStars, dejjem jekk jridu jipproponu proġetti li huma eliġibbli. Kumpanniji li huma interessati jistgħu jmorru għand il- Malta Enterprise għal parir, kif ukoll għal assistenza finanzjarja.

Taxxi ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kif qed jintnefaq id-dħul tal-Gvern li jkun ġej mit-taxxi ambjentali?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li €15.5 miljuni li jidħlu mill-eko-kontribuzzjoni fis-sena jagħmlu tajjeb għall-bicca l-kbira ta’ l-ispiża li l-Gvern joħroġ għall-implimentazzjoni ta’ l-immaniġjar ta’ l-iskart kollu ta’ Malta u Ghawdex, li tammonta għal xejn anqas minn €17.5 miljun fis-sena.

Air Malta — Titjiriet Lejn Lourdes fi Franza

Question

Jista' l-Ministru jgħid in vista taċ-ċelebrazzjonijiet li qed isiru f'Lourdes fi Franza, l-Air Malta din is-sena żieditx it-titjiriet tagħha chartered għal dan il-pajjiż? Jista' fil-fatt jgħid kemm hu maħsub li se jkunu saru titjiriet u kemm bejn wieħed u ieħor se jkunu ġarrew passiġieri? Kif in-numru ta' titjiriet u passiġġieri hu maħsub li se jipparaguna ma' dak ta' snin oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-okkażjoni tal-150 sena anniversarju mill-ewwel dehra tal-Madonna ġewwa Lourdes, din is-sena id-domanda tal-pubbliku għal żjarat ġewwa Lourdes hija ikbar minn ta’ snin ta’ qabel. Fil-fatt, l-Air Malta għamlet żieda fil-pjanijiet għal titjiriet diretti lejn Lourdes fit-tliet xhur tas-sajf Lulju sa Settembru li jgħoddu għal 41 titjira, sabiex tieħu u ġġib lura passiġġieri, u li tfisser żieda ta’ 10 titjiriet iktar fl-istess tliet xhur tas-sajf ta’ 2007. Huwa mistenni li jkun hemm madwar 4,400 passiġġieri li jitilqu minn Malta fuq dawn it-titjiriet u għalhekk madwar 1,300 passiġġier iktar mis-sajf ta’ l-2007. Ta’ min isemmi li s-sena l-oħra kien hemm numru kbir ta’ pellegrini li marru Ruma fit-3 ta’ Ġunju 2007 għal kanonizzazzjoni ta’ San Ġorġ Preca li seta’ ħalla mpatt fuq in-numru ta’ passiġġieri li marru Lourdes is-sena l-oħra. Din is-sena huwa magħruf ukoll li passiġġieri oħra jmorru Lourdes fuq ġiti li jinkludu wkoll titjiriet lejn Toulouse, Pariġi jew Barċelona, ukoll ma’ l-Air Malta.

Air Malta — Titjiriet Chartered Lejn Lourdes

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-Air Malta bdiet it-titjiriet chartered tagħha għal Lourdes fi Franza? Minn dak inhar 'l hawn dawn it-titjiriet saru kull sena? U jekk fl-affermattiv, kemm-il titjira saret kull sena u kemm-il passiġġier ġarret? X'inhuma l-prospetti għall-futur u kif l-Air Malta tipparaguna ma' kumpaniji oħra li jorganizzaw titjiriet chartered għal dak il-pajjiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-titjiriet ta’ L-Air Malta lejn Lourdes bdew f’Marzu ta’ l-1988. Dawn it-titjiriet charter diretti lejn Lourdes saru kull sena minn dakinhar l’hawn, u kabbar in-numru ta’ passiġġieri li jmorru lejn Lourdes tant li din saret rotta stabbilita’ u popolari mal-Maltin. It-titjiriet isiru l-iktar fi żmien l-Għid, f’Mejju, bejn Lulju u Settembru, u anke f’Diċembru. L-Air Malta tista’ u rnexxielha toffri wkoll dan il-prodott bħala ‘daytrip’ jew bħala ġita ta’ ġurnata għal dawk il-pellegrini li jridu jmorru fuq viżita’ qasira, imma dan jiddependi mid-disponibilita’ ta’ l-ajruplani. Dawn l-aħħar snin it-traffiku għal Lourdes (imorru u jiġu) kien hekk:- Total ta’ passiġġieri 2004 – 7,930 Total ta’ passiġġieri 2005 – 8,997 Total ta’ passiġġieri 2006 – 9,214 Total ta’ passiġġieri 2007 – 7,863 Total ta’ passiġġieri 2008 – 11,240 (stima) Ta’ min iżid li, l-Air Malta din is-sena irnexxielha tieħu xogħol ġdid għal titjiriet bejn Manchester u Lourdes darbtejn fil-ġimgha fil-perjodu bejn Mejju u Settembru 2008 għal tour operator Ingliż, u tuża l-ajruplan li għandha fil-bażi ta’ Manchester. Għalhekk, dan mistenni iżid il-preżenza ta’ l-Air Malta fl-ajruport ta’ Lourdes għal din is-sena biss. Għas-sena 2009, l-Air Malta se tagħmel l-istess pjanijiet bħal ta’ din is-sena għas-suq Malti, u għandha żżomm il-kompettitivita’ tagħha f’dan is-suq u tikkompara tajjeb ma’ kumpaniji oħra.

Użin tal-ħobż Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu permess li jkun l-użin tal-ħobż Malti skond l-aħħar ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-furnara u x'passi qed jittieħdu biex ikun assigurat li qed jinżamm dan il-piż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi Ordni Numru 1 tal-20 ta’ Mejju, 2008 tistabilixxi li l-piż ta’ ħobza kbira tal-Malti m’għandhux ikun anqas minn 540 gramma waqt li dik żgħira mhux anqas minn 270 gramma. L-Awtorita’ Maltija dwar l-iStandards matul l-aħħar snin, irċeviet diversi rapporti mingħand id-Dipartiment tal-Konsumatur fil-konfront ta’ fran differenti fuq il-piż tal-ħobż. Il-policy tal-Awtorita’ hi, illi f’każijiet ta’ din in-natura, jittieħdu passi fil-konfront ta’ fran illi dwarhom isir numru ta’ rapporti, ripetutament u minn sorsi differenti.

Ftuħ ta' negozji ġodda — Applikazzjonijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti biex jingħataw permess ħalli jiftħu negozji ġodda f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn in-negozji beħsiebhom iħaddmu aktar minn 20 persuna u kemm minnhom lesti li jħaddmu inqas minn ħamsa? Dawn in-negozji ġodda huma ta' proprjetarji Maltin jew barranin? Kemm jieħu fit-tul l-proċess sabiex xi ħadd li jrid jinvesti f'xi negozju jinħarġulu l-permessi meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

VAT Minn Bejgħ Ta' Prodotti Diesel u Petrol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal il-gvern mill-VAT fuq bejgħ ta' prodotti ta' diesel u petrol ta' kull kwalità fis-sena 2005, 2006, 2007 u sat-30 ta' Mejju 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux l-informazzjoni mitluba fis-sistema tiegħu, għax il-figuri ta’ VAT miġbura u rrappurtati minn persuni rreġistrati li jbiegħu prodotti ta’ diesel u petrol ta’ kull kwalita’ jinkludi wkoll ammonti oħra ta’ VAT miġbura fuq provvisti ta’ servizzi u prodotti oħrajn li huma rrapportati kollha f’kaxxa waħda.

Ħruġ ta' tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-ħruġ ta' tender li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jagħti indikazzjoni dwar meta se toħroġ din it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi it-Taqsima Proprjetà tal-Gvern għada qed tanaliżża t-talba għax-xiri ta’ din il-biċċa art. Id-deċiżjoni ma tirrigwardax biss din il-biċċa art iżda wkoll proprjetà oħra milquta b’esproprju. Qed isiru l-isforzi kollha meħtieġa biex fl-inqas żmien possibli jiġi deċiż x’inhu l-iktar konduġibbli għall-partijiet kollha nvoluti.

Qormi — Tenders għall-ġardini

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 1760 u jgħid meta se jinħarġu t-tenders għall-ġardini li hemm fil-Housing Estate ta' l-Istabal, f'Hal Qormi minħabba li uħud minnhom jinsabu fi stat abbandunat? Jista' jagħti indikazzjoni meta dawn it-tenders se jinħarġu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1760.

Kawżi Ġusti — Fondi

Question

Billi m'hemm l-ebda dubju li l-għaqdiet sportivi ta' kull tip li għandna f'Malta u f'Għawdex qed jaħdmu għal kawża ġusta, jista' l-Ministru jikkonsidra li parti (xi perċentwali fissa) mill-flus fil-fond għall-kawżi ġusti tintuża biex titqassam bħala kontribuzzjoni tal-ħlas tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li individwi jew organiżżazzjonijiet jistgħu jitolbu għal għajnuna finanzjarja mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fir-rigward ta’ proġetti speċifiċi. Għaldaqstant dawn il-fondi ma jistgħux jintuzaw għal spejjeż rikorrenti.

Aċċess għal garage

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1747 u 1458 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura,Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jinvestiga l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sabiex jiġi mogħti lilha aċċess effettiv għal garage mibni lilha mid-Dipartiment ta' l-Artijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1747.

Proċeduri biex tiftaħ negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri, liċenzji, permessi u ħteġijiet oħrajn hemm bżonn li jiġu sodisfatti sabiex persuna tkun tista' topera negozju?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kull attivita’ kummerċjali teħtieġ xi forma ta’ liċenzja. Kif jindika l-avviż legali Numru 1 ta’ l-2006 hemm diversi awtoritajiet li joħorġu xi forma ta’ liċenzja u fost dawn hemm id-Direttorat għas-Servizzi Kummerċjali fi ħdan id-Diviżjoni tal-Kummerċ. Il-liċenzji irregolati minn dan id-Direttorat huma maqsuma fi tnejn jiġifieri dawk marbutin ma’ post kummerċjali u dawk li huma personalizzati. Biex post ikun jista’ jintuża għal skopijiet kummerċjali, irid l-ewwel u qabel kollox ikun approvat mill-MEPA. Wara jagħmel applikazzjoni ma’ l-awtorita’ kompetenti u jippreżenta numru ta’ dokumenti fosthom pjanta tal-post u oħrajn li huma fuq lista ma’ l-applikazzjoni. Jekk l-attivita’ kummerċjali tikkonsisti fi prodotti ta’ l-ikel ikun meħtieġ approvazzjoni wkoll mid-dipartiment tas-saħħa. Attivitajiet kummerċjali mhux minn post fiss bhal bejjiegħa fit-toroq (street hawkers), bejjiegħa fis-swieq fil-beraħ (market Hawkers), bejjiegħa sostituti (substitute hawkers) etc jeħtieġu liċenzja personali li għaliha ma hemm l-ebda ħtieġa ta’ awtorizzazzjoni oħra għajr fejn jidħlu prodotti ta’ l-ikel. L-applikazzjonijiet jistgħu jinġabru mid-dipartiment konċernat, jew mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali jew jitniżżlu (downloaded) minn fuq il-portal tal-Gvern.

Importazzjoni/Esportazzjoni ta' Prodotti /Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn imports u kemm kien hawn exports ta' prodotti u servizzi sena, sena fit-2003, 2004, 2005, 2006, 2007 u 2008 (sat-30 ta' Ġunju)?

Response (FENECH, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 2003.

Suq tal-Belt — Elevator

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-miżuri sabiex l-elevator fis-suq tal-Belt jerġa' jibda jintuża mill-aktar fis peress li mingħajru jonqos ħafna l-kummerċ tal-ħwienet fis-sulari ta' fuq? Jista' l-watchperson fil-post jieħu ħsieb is-sigurta' fil-każ li l-elevator mhux possibli jintuża short term?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru responsabli.

Azzjonisti ta' kumpanniji

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-ammont globali ta' persuni naturali Maltin li huma azzjonisti ta' kumpannija/kumpanniji reġistrati taħt l-MFSA? Minn dawn, kemm hu l-ammont ta' persuni li għandhom bejn 18 u 35 sena separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba mhix disponibbli u mhijiex tat-tip li normalment tinġabar la mir-Reġistru tas-Soċjetajiet u lanqas mill-NSO. Ikun jeħtieġ wisq riżorsi pubbliċi sabiex tiġi miġbura tali statistika.

Kitarri elettriċi, drum kits u bass giutars

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati kitarri elettriċi, drum kits u bass giutars sena b'sena separatament fl-aħħar erba' snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba fuq il-kitarri elettriċi, drum kits u bass guitars ma tistax tingħata kif mitluba minħabba li l-kitarri ta’ kull tip huma miġbura taħt Nomenklatura Magħquda waqt li d-drum kits jaqgħu taħt il-kategorija ta’ percussion musical instruments bħal drums, xylophones, cymbals, castanets, maracas etc. Għaldaqstant din l-informazzjoni qiegħda tiġi murija fit-tabella mpoġġija fuq il-mejda tal-Kamra.

MFSA — Legal Section

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif ihni mqassma l-Legal Section tal-Malta Financial Service Authority mil-lat organizzattiv? Kemm-il darba sar safar minn ħaddiema tal-Legal Section tal-Malta Financial Service Authority fl-aħħar sena u fejn? Kemm ġie jiswa' dan is-safar?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Legali tal-MFSA huwa mwaqqaf skond l-artikolu 12 ta’ Kap 330 tal-Liġijiet ta’ Malta u fil-preżent jikkonsisti f’direttur, senior manager, manager u administrative assistant. Skond ir-records tal-MFSA, bejn l-1 ta’ Lulju 2007 u it-30 ta’ Ġunju 2008, membri tal-Uffiċċju bħala total intbgħatu fuq ħames żjarat ta’ xogħol sabiex jattendu għal meetings jew attivitajiet barra minn Malta. Id-destinazzjonijiet kienu kif ġej: 1. Madrid 2. Pariġi darbtejn; 3. Praga 4. Maastricht In-nefqa totali li ħalset l-MFSA għal dawn is-safriet ammontat għal EUR 5,231.66, li magħhom iridu jiżdiedu EUR 344.65 fir-rigward tas-safra li kienet ġiet ikkanċellata u posposta għal data sussegwenti. Is-safriet minn 1 sa 3 kienu kollha konnessi mal-parteċipazzjoni regolari ta’ dan tal-Uffiċċju f’ meetings li jsiru kull tliet xhur f’kapitali ewropej minn sub-group tas-CESR, li jgħaqqad ir-regolaturi tas- securities ta’ l-Unjoni Ewropea, liema sub-group jieħu ħsieb – fost ħwejjeġ oħra - ko-operazzjoni u skambju ta’ informazzjoni bejn ir-regolaturi speċjalment fil-kamp tal- market abuse . In-numru 4 kienet żjara għal skop ta’ taħriġ.

Photovoltaic cells

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il metru kwadru ta' spazju għandu l-Gvern fil-bjut tal-binja tiegħu? Kemm minn dan l-ispażju f'persentaġġ għandu photovoltaic cells?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-Taqsima Proprjeta’ tal-Gvern m’għandhiex l-informazzjoni mitluba. Hemm xi entitajiet/Awtoritajiet illi wkoll installaw dan l-apparat, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel it-talba tiegħu lill-Ministri konċernati.

Żjara fl-Ukraina

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Malta Enterprise organizzat żjara fl-Ukraina għal diversi negozjanti li akkumpanjaw lill-Presidnet u l-Viċi Prim Ministru? Kif intagħżlu dawn in-negozjanti? Jista' jagħti l-ismijiet tal-persuni/kumpanniji li ffirmaw din id-dikjarazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ż-żjara lejn l-Ukraina kienet organizzata mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha titressaq lil Ministru konċernat.