Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #22714 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kont fuq telephones skonettjati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22151 u jgħid x’passi ttieħdu dwar il-każ li ħareġ fl-aħħar rapport annwali tal-Uffiċċju ta’ l-Awditur Ġenerali, jiġifieri li matul l-2009 biss id-Dipartiment tat-Turiżmu ħallas mat-€3,200 fuq linji tat-telefon li kienu ilhom sena u nofs skonettjati? Jista' jgħid jekk giex esegwit dak li talab l-Awditur, jiġifieri li jittieħdu passi kontra l-uffiċjal li kien responsabbli li jara li affarijiet bħal dawn ma jiġrux?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-każ li qed jirreferi għalih l-Onor Interpellant, l-Awditur irrikmanda li tittieħed azzjoni biex dawn il-linji jinqatgħu, kif ukoll li l-uffiċjal responsabbli jiġi sanctioned. Ninsab infurmat ukoll li l-linji in kwistjoni ġew maqtugħa u li d-diparttiment qed jgħarbel il-każ bil-għan li jinstabu u jiġu ndirizzati xi djufijiet fil-proċeduri li jistgħu jeżistu. Milli jidher sa issa jirriżulta li peress li l-manutenzjoni tal-linji tat-telefon u ħlas tal-kontijiet huma responsabilita ta’ żewġ dipartimenti differenti jidher li bi svista kien hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni bejn l-oqsma.

MTA — nies ġodda impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mis-sena 2008 sal-lum? Kif ġew impjegati, jiġifieri x'tip ta' kuntratt, x'salarji, x'allowances u xi fringe benefits għandhom? X'xogħol qed jagħmlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant

MTA — taqsima tal-events

Question

Jista' l-Prim Ministru jelenka x'events għamlet l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta matul is-sena li għaddiet f'Malta? Għandha taqsima responsabbli għal dawn l-events? Kemm hemm impjegati tal-awtorità f'din it-taqsima? X'inhuma l-karigi tagħhom? Liema impjegati kienu responsabbli minn events partikolari bħal elenku tal-events u l-uffiċjali inkarigati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-events huma parti importanti mill-prodott turistiku ta’ pajjiżna. Huma jistgħu jservu kemm bħala fattur biex turist jagħżel li jżur pajjiżna kif ukoll bħal mezz biex ittejjeb l-esperjenza ta’ turisti li jkunu Malta fiż-żmien meta titla l-attivita’. Ir-rwol ta’ l-MTA fl-organizzazzjoni ta’ attivitajiet ivarja minn sapport finanzjarju għall-organizzazzjoni aktar diretta. L-MTA, flimkien mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali, tgħin ’l fuq minn 50 attivita’ li jsiru f’lokalitajiet mifruxin ma Malta u Għawdex fiż-żmien off peak. L-Awtorita’ toffri għajnuna finanzjarja lil diversi attivitajiet oħra fosthom l-opri li jittellgħu Għawdex, il- Vintage Car Gran Prix, il- Military Tattoo, ir- Rolex Middle Sea Race u l- Malta Marathon. L-MTA torganizza hi stess numru ta’ attivitajiet fosthom l- MTV, il- Malta Fireworks Festival, l- In Guardia f’Sant Iermu, u l- George Cross Re-Enactment. L-Awtorita’ għandha Manager Events li hu inkarigat minn uħud minn dawn l-attivitajiet. Il- Unit tal- International Media Relations u sezzjonijiet oħra fl-MTA huma wkoll involuti f’xogħol relatat ma’ attivitajiet.

MTA — palm reader

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huwa obbligat li jippanċja għax-xogħol permezz tal-palm reader fl-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-gradi kollha taħt il-ftehim kollettiv kif wkoll il-gradi ta’ Manager huma obbligati li jippanċjaw għax-xogħol permezz tal-palm reader fl-Awtorita tat-Turiżmu ta’ Malta.

MTA — ħaddiema li applikaw għar-reduced hours

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta li talbu u ngħataw reduced hours? Kemm hemm impjegati fl-awtorità li talbu u ma ngħatawx reduced hours? X'inhuma l-karigi li fuqhom jingħataw ir-reduced hours? X'inhuma r-raġunijiet ta' dawk li ma ngħatawx reduced hours?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm ħdax-il (11) impjegat fuq reduced hours. Ma saret l-ebda talba għal reduced hours li ma ġietx milqugħa. Ir-reduced hours jingħataw fuq kriterji kif stabbiliti mil-linji gwida li jirregulaw l-family friendly measures.

MTA — konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha konsulenti l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta ? Min huma? Xi ħlas, x'allowances u xi fringe benefits jingħataw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.

MTA — extenstion fuq l-età tal-irtirar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw extensions fuq l-età tal-irtirar lill-persuni impjegati mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta mis-sena 2008 sal-lum? X'inhuma r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mis-sena 2008 sa llum ingħataw erba’ extensions fuq l-eta’ tal-irtirar. Tlieta min dawn l- extensions kienu nisa li laħqu l-eta tal-irtirar ta’ sittin sena u ngħataw extension sa l-eta ta’ wieħed u sittin. Il-każ l-ieħor kien jikkonċerna raġel li ngħata extansion ta’ xagħrejn.
Leg 11 PQ #22869 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Qawra — bini ta' akwarju

Question

Issa li l-kuntratt tal-bini tal-akwarju fil-Qawra ngħata lil min għadu jizviluppa l-post, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li jinbeda x-xogħol fuq il-post, u f'kemm żmien hu mistenni li dan l-istess akwarju jitlesta biex jibda jservi ta' attrazzjoni turistika, fost l-oħrajn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fil-11 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-General Contracts Committee, fi ħdan id-Dipartiment tal-Kuntratti, rrikkmanda li wara l-evalwazzjoni li saret, il-Kuntratt għad-disinn, bini u tmexxija ta’ attrazzjoni pubblika fil-Qawra li tinkludi Akkwarju Pubbliku jista’ jingħata lil Konsorzju magħżul. Pero’ minn wara dan il-pass fadal aktar stadji li l-proċess irid jgħaddi minnhom qabel jiġi fil-fatt iffirmat il-kuntratt. L-ewwel wieħed huwa l-fażi tal-appell tad-deċiżjoni tal-GCC u t-tieni hija kjarifika mill-Kummissjoni Ewropea fuq punt ta’ State Aid. Risposta fuq dan hija mistennija fil-ġranet li ġejjin. Ġaladarba il-Gvern ikollu din il-kjarifika, ikun jista’ jibda l-proċedura li twassal għal firma tal-kuntratt. Wara dan il-proċess kollu huwa mistenni li jibda x-xogħol fuq is-sit -xogħolijiet li mistennija jieħdu bejn erbatax u tmintax il-xahar. Mhux eskluż li partijiet mill-proġett jitlestew u jinfetħu għall-pubbliku qabel.
Leg 11 PQ #22871 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal tal-konsumatur — talbiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji dwar kemm kien in-numru ta' talbiet li ġew sottomessi quddiem it-tribunal dwar l-affarijiet tal-konsumatur, matul l-2010? Kemm minn dawn il-każi ġew deċiżi s'issa? Kemm ġew deċiżi favur il-konsumatur, u kemm ġew deċiżi kontra min għamel it-talba (il-konsumatur)? Kemm hu n-numru ta' każijiet pendenti bħalissa quddiem dan it-tribunal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul 2010 kien hemm 584 talbiet quddiem it-Tribunal għal-Talbiet tal-Konsumatur. Ġew deċiżi 359 każ li minnhom 267 ġew deċiżi favur il-konsumatur waqt li 92 kienu favur il-kummerċjant. Bħalissa n-numru ta’ Każijiet pendenti huwa ta’ 243.
Leg 11 PQ #22907 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — proprjetà immobiljari

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont xi proprjetà immobiljari għandu l-Ministeru tiegħu jew entità/kumpanija li jaqgħu taħtu mikrija mill-privat u kemm hu l-ammont ta' kera li tħallset lil privat mill-Ministeru tiegħu u kull kumpanija/entità li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu fis-sena 2010? Jista' jikkonferma jekk matul is-sena 2011 din il-kera hijiex se togħla?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-Informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 11 PQ #22940 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali tal-Mosta — dejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu d-dejn li għandu l-Kunsill Lokali tal-Mosta għas-sena 2009 u 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-bilanċ li l-Kunsilli Lokali jkollhom fil-working capital tagħhom fl-aħħar tas-sena. Ninsab infurmat li għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2009 il-Kunsill Lokali tal-Mosta kellu bilanċ pożittiv ta’ €1,914 (elf u disa’ mija u erbatax-il ewro). Peress illi bħalissa l-Kunsilli Lokali qed jagħlqu l-kotba tagħhom għas-sena finanzjarja li għada kemm għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2010, il-figura għal din is-sena tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #22969 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Użu ta' Casa Corogna fi Strada Stretta, Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-gvern iddeċieda li juża l-bini magħruf bħala Casa Corogna fi Strada Stretta, fil-Belt Valletta bħala uffiċini għall-Avukat Ġenerali meta l-istess bini oriġinarjament ingħata għall-atturi tat-Teatru Manoel u hemm bżonn kbir għalih bħala parti minn proġett għall-qawmien mill-ġdid ta' Strada Stretta bħala ċentru kulturali u riġenerazzjoni tal-qalba tal-Belt b'ħidma kulturali kif propost mill-Fondazzjoni ta' Strada Stretta anke bil-ħsieb tal-Belt bħala belt kapitali tal-kultura Ewropea 2018?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li lura fl-1992, l-Avukat Ġenerali kien għamel talba lill-awtoritajiet biex jinstab post alternattiv għall-uffiċċju tiegħu biex ikun jista jaqdi d-dmirijiet tiegħu aħjar, minħabba problemi ta’spazju fil-Palazz tal-President. Wara diversi kunsiderazzjonijiet, kien ġie deċiż li l-aħjar sit fejn setgħu jinbnew uffiċini xierqa biex jaqdu l-ħtiġijiet li jġibu magħhom id-dmirijitet ta’ l-Avukat Ġenerali kien dak okkupat mill-bini magħruf bħala Casa Corogna fi Strada Stretta, fil-Belt Valletta. Dan peress li huwa sit viċin il-Qorti u joffri spazju biżżejjed biex ikun jista jospita’ l-impjegati kollha li jaħdmu f’dan l-uffiċċju. Infurmat ukoll li fi Frar ta’ l-1993, permezz ta’avviż fil-Gazzetta tal-Gvern kienu bdew il-preparamenti biex dan il-bini jiġi użat għal dan l-iskop mill-Avukat Ġenerali. F’Settembru tas-sena 2000 l-Avukat Ġenerali għamel applikazzjoni lill-MEPA għall-iżvilupp ta’ dan is-sit. Il-MEPA kienet innotifikat lill-pubbliku b’din l-applikazzjoni mingħand l-Avukat Ġenerali b’numru PA 05050/00, permezz ta’ avviż. Dan kollu huwa verifikabbli permezz tas-sit elektroniku tal-MEPA. Fil-fatt ninsab infurmat wkoll li l-ipproċessar tal-permess huwa fi stadju avvanzat ħafna u, fid-dawl tad-deċiżjoni tal-Gvern, li kemm l-uffiċini fil-bini tal- Main Guard , kif ukoll dawk fil-Palazz tal-President, ikunu vvakati biex jiġu implimentati l-pjani li hemm fir-rigward ta’ dawn il-binjiet, huwa aktar importanti minn qatt qabel li l-proċess biex jinbena l-uffiċċju ġdid fuq is-sit li għalih qed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant jiġi deċiż. Naturalment l-Onorevoli Membru jifhem ukoll illi l-użu tal-bini jinbidel maż-żminijiet bħal ma tinbidel is-soċjeta maż-żmien. Fil-fatt hawn ħafna bini fil-Belt u f’postijiet oħra illi fi żmien il-Kavallieri kien jintuża għal skopijiet differenti minn dawk li għalihom jintuża illum . F’ħafna każijiet lanqas ma jagħmel sens illi wieħed jipprova juża dak il-bini għall-istess skop illi kien jintuża qabel . ‘Casa Corogna’ illum hija bini kważi kollu sfrundat u li ilu abbandunat għal żmien twil u l-konverzjoni ta’ dan il-bini f’ uffiċċju jkun qed jagħti użu lil dan il-bini. Għandu jingħad ukoll illi l-bini se jokkupa biss parti minn Strada Stretta u li l-viżjoni ta’ żvilupp orjentat lejn l-arti u l-kultura f’din it-triq xorta tista’ tiġi akkomodata fil-kumplament tagħha.
Leg 11 PQ #23048 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Interim From: OWEN BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Karnival ta' Malta — programm

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm tal-Karnival ta' Malta li se jsir ftit ġranet oħra ? Għaliex dan ma jinstabx fuq l-internet meta qegħdin proprju lejliet il-karnival?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f' xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17276 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Data fuq il-kwalità tal-arja

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jekk id-data tal-kwalità tal-arja teżistix by segment? Jista' jipprovdi figuri dwar particulate matter għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm-il darba l-gvern jew l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għad m'għandhomx id-data neċessarja, x’time lines jeżistu biex dawn jibdew joperaw skont normi stabbiliti tal-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għall-PQ 17276 kienet tinkludi l-aħħar data rigward il-livelli ta’ PM10 imkejla mill-istazzjonijiet ta’ kejl fiss u li għaddiet mill-proċess ta’ assigurazzjoni tal-kwalità, d-data tal-2009 għadha ma għaddietx minn dan il-proċess u għaldaqstant il-MEPA m’għandiex aġġornamenti f’dan ir-rigward. Dan il-proċess għandu jitlesta sal-aħħar ta’ Diċembru 2010.
Leg 11 PQ #18483 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Tenders Governattivi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata mis-segwenti entitajiet, kemm b’direct order u kemm permezz ta’ tender Governattiv: Bord Mediku Kummissjoni Elettorali, Bord tal-Appelli dwar l-Ippjanar, Bord dwar l-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet, Bord tar-Reġistrazzjoni u Reviżjoni, Bord tal-Appell għall-Affarijiet tal-Konsumatur, Bord tal-Appelli dwar it-Turiżmu, Bord tal-Appelli Kunsilli Lokali (Offerti), Bord tal-Fond għall-Ħarsien tal-Ambjent, Bord tal-Warrant ta' Restawraturi, Ċentru għall-Kreattività San Ġakbu, Direttur tal-Infurzar (MTA), Fondazzjoni Patrimonju Malti, Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Ġwann, Industrial Projects and Services Limited, Kumitat Festi Nazzjonali, Kumitat għall-Prevenzjoni u l-Kontroll dwar il-Patrimonju – Kulturali? Lil min ingħata u kemm kien jiswa kull kuntratt fil-perjodu 2008, 2009 u 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #18973 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — works manager

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li ma kellhomx works manager mis-sena 2006 sal-lum? Kien hemm raġuni għal dan? B'liema mod kien qed issir l-iċċekkjar tal-ħlasijiet bħalma huma kejl tax-xogħlijiet, jekk ix-xogħol sarx skont kif mitlub u skont is-sengħa eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra lista ta’ dawk il-Kunsilli Lokali li ma kellhomx works manager mis-sena 2006 u l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #19050 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nefqa f'konsulenza mill-ministeri u segretarji parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17731 u jgħid kemm intnefqu flus f'konsulenza fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2010 mill-ministeri u segretarjati ta' segretarji parlamentari, dekasteru b'dekasteru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Rigward in-nefqa f’konsulenza minn Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Membru jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministri kkonċernati.
Leg 11 PQ #20201 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

shelters tal-gwerra — protezzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 18709 dik il-parti li titkellem dwar inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta, u li jidher li ma baqax jinġabar, jista' l-Prim Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma x-shelters li laħqu nġabru f'dan l-inventarju? Fejn jinsabu dawn ix-shelters? Jista' jara li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tikkordina mal-kunsilli lokali biex tipprova tiġbor din l-informazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni għall-inventarju tax-shelters li jeżistu f'Malta u f'Għawdex qed tiġi miġbura kull meta tiġi akkwistata informazzjoni minn każijiet ta' applikazzjonijiet jew rapporti minn individwi, imma din l-informazzjoni tkun nieqsa minn pjanti informattivi u ħafna drabi ix-shelters ikunu magħluqa u ma tistax issir spezzjoni. Il-lista li sa issa ġabret il-MEPA tinkludi madwar ħamsin shelter f'diversi lokalitajiet, fosthom: Sliema, l-Isla, Għargħur, Mġarr, Kirkop, San Pawl il-Baħar, Mtarfa, Birżebbuġa, Ħaż-Żebbuġ, Birkirkara, Ħal-Luqa, Ħamrun u Gżira. Wara l-mistoqsija parlamentari 18709 ħames individwi kitbu fuq blogg ta' ġurnal lokali b'informazzjoni dwar fejn jinstabu xi entraturi tax- shelters , filwaqt li tlett individwi oħra kitbu lill-MEPA fejn wieħed bagħat lista ta' 19 il- shelter f'Ħaż-Żebbuġ, persuna oħra bagħtet informazzjoni dwar shelter f'Ta' Xbiex, u individwu ieħor bagħat lista b'informazzjoni dwar l-infieq biex jitħaffru madwar 200 shelter f'Għawdex, imma id-dokument oriġinali ma jurix l-entraturi imma jsemmi t-toroq biss. Din l-informazzjoni inżammet għal referenza futura imma xorta waħda hemm bżonn li jiġu lokalizzati l-entraturi, jinfetħu, jsiru spezzjonijiet u surveys tax- shelters minn ġewwa sabiex jiġi stabbilit kemm huma kbar. L-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ilha tikkoordina mal-kunsilli lokali biex tipprova tiġbor informazzjoni dwar wirt kulturali fil-lokalita'. Ħafna drabi l-informazzjoni li tintbagħat tkun lista ta' xi postijiet fil-lokalita', fejn wara l-MEPA jkollha xorta waħda tagħmel riċerka dwar il-proprjetajiet storiċi u tiġbor/tagħmel pjanti, ritratti, surveys u dokumentazzjoni oħra. Eżempju ta' dan kienet talba dwar l-imtieħen tar-riħ fejn 15 il-kunsilli minn 68 wieġbu.
Leg 11 PQ #20254 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta mhijiex imsemmija fir-rapport tal-European Environmental Agency

Question

Billi fir-rapport riċenti tal-European Environmental Agency m'hemmx referenza għal Malta dwar il-green house gas emissions, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan hux dovut għall-fatt li Malta s’issa m'għandhiex Kyoto targets jew għax it-tagħrif meħtieġ ma wasalx fil-ħin mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 20950.
Leg 11 PQ #20356 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — ammont pendenti ta' applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont pendenti ta' applikazzjonijiet li hemm quddiem l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont is-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità għandha quddiema erbat elef ħames mija u disgħa u tmenin (4589) applikazzjoni għall-ewwel deċiżjoni u tmin mija u tnejn u sittin (862) applikazzjoni għal “reconsideration”.