Jista' l-Ministru jispjega għaliex it-tribunal amministrattiv li jidher li kellu jkun presedut mill-Maġistrat Doreen Clarke għadu mhux qed jiffunzjona? Jista' l-Ministru jispjega x'miżuri se jieħu f'dan ir-rigward?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi t-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva issa ilu li beda jiffunzjona u kien hemm diversi seduti. Tajjeb ukoll li ssir referenza għar-risposta li kienet ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20613 tal-Onorevoli Interpellant. Ta’ min jirrimarka li riċentament it-Tribunal ma baqax jiġi ppresedut mill-Maġistrat Dr. Doreen Clarke u ġiet maħtura minflokha l-Maġistrat Gabriella Vella fejn hemm diversi seduti appuntati, u ċioe għal nhar il- 21, 27 u, 28 ta’ Jannar u l-1 ta’ Frar, 2011.
Ma jidhirlux il-Ministru li l-kummenti riċenti tiegħu dwar l-għoti tal-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest fir-realtà ma kenux ġustifikati u jpoġġu lill-membri tal-ġudikatura f'dawl ikrah mal-pubbliku, speċjalment meta l-Maġistrat konċernat dejjem qdiet dmirha bl-aħjar abilità mistenni mill-uffiċċju tagħha?
Isla — problema strutturali fl-opramorta ta' dar privata
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Għassa ta' Bormla rigward periklu li hemm għal terzi minħabba problemi strutturali fl-opramorta f'dar privata li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-ħsarat imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Però in vista ta' din il-Mistoqsija, il-Pulizija bdiet il-proċeduri skont il-liġi sabiex jekk hemm xi periklu jitneħħa.
Qorti tal-Familja — kwestjoni ta' allegazzjoni bejn il-koppja
Question
Billi ħafna separazzjonijiet li jitressqu quddiem il-Qorti tal-Familja ikunu jinvolvu it-tfal, jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm każijiet fejn wieħed mill-koppja involuta resqet ilmenti ta' abbuż meta t-tfal kienu taħt il-kustodja tal-parti l-oħra, f'dawn l-aħħar 5 snin? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm każijiet fejn wieħed mill-koppja għamlet allegazzjonijiet foloz kontra l-parti l-oħra f'dan iż-żmien? X'passi ttieħdu mill-qorti meta dan jiġi deċiż? Kemm tressqu persuni l-qorti fuq allegazzjonijiet foloz ta' dan it-tip f'dawn l-aħar 5 snin u x'weħlu?
Kemm hawn persuni mċaħħda milli jaraw it-tfal tagħhom minħabba allegazzjonijiet mill-parti l-oħra din is-sena? Billi l-persuni mċaħħda jkunu qed ibatu mentalment, jista' l-Ministru jara li fejn isiru allegazzjonijiet ta' dan it-tip, il-każijiet jiġu investigati bir-reqqa u malajr kemm jista' jkun biex b'hekk it-tbatija titnaqqas u jekk jirriżulta li fil-fatt ma jkun sar xejn kif allegat, jittieħdu proċeduri legali kontra min ikun għamilhom? Kemm hemm każijiet bħal dawn quddiem il-qorti llum u kemm ilhom pendenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika fuq kemm jidħlu applikazzjoinjiet fil-Qorti tal-Familja fejn wieħed mill-koppja nvoluta tkun resqet x'ilmenti ta' abbuż meta t-tfal kienu taħt kustodja tal-parti l-oħra. U dan minħabba l-fatt li, talbiet simili jiġu ppreżentati permezz ta' rikors fl-atti tal-kawża li tkun diġà mibdija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' membri tal-Korp tal-Pulizija li jiffurmaw parti mill-Kavallerija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp fit-Taqsima tal-Kavallerija tal-Pulizija mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-eżiġenzi u l-ħtiġijiet tal-kommunità.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma d-distretti tal-Korp tal-Pulizija? Jista' jgħid għal kull każ kemm hu n-numru ta' membri tal-korp, maqsuma skont il-grad tagħhom?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab ifurmat illi n-numru ta' membri tal-Korp jitqassmu skont it-topografija, demografija u l-ħtiġijiet oħra li l-Korp jikkonsidra minn żmien għal żmien. Qed inqiegħed l-informazzjoni dwar id-distretti fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) meta tneħħiet is-CCTV
camera
li kienet imwaħħla viċin l-HSBC Branch ta' Ħal Balzan;
b) meta sar il-hold up fuq l-HSBC Branch ta' Ħal Balzan; u
ċ) min mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Balzan ħareġ l-istruzzjonijiet biex titneħħa din l-istess camera?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal Mistoqsija Parlamentari numru W 197.
Jista' l-Ministru jgħid min kien it-tabib li eżamina lil Queiroz li mbagħad ħareġ iċ-ċertifikat li fuqu Queiroz inħarġitlu l-approvazzjoni biex jinħeles mill-ħabs u jintbagħat f'pajjiżu?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-dibattitu li sar f’dan il-Parlament nhar is-6 ta’ Ottubru 1994 in relazzjoni mal-Mozzjoni Nru. 171 tal-istess sena, fejn tirriżulta l-informazzjoni mitluba.
Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — dipartimenti/uffiċċji - lifts
Question
Jista' l-Ministru jgħid u jelenka kemm-il uffiċċju/dipartiment li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu għandu żewġ sulari jew iktar u jgħid f'liema hemm lift funzjonabbli?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
investigazzjoni dwar tfiegħ ta' bajd fuq karozzi u djar
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga permezz tal-Pulizija fl-Għassa tal-Mosta, min kien il-persuna/i li għal darbtejn nhar ta' Ħadd konsekuttivament għamlu straġi fi Triq Dawret il-Wied, Triq il-Bwieqi u Triq il-Fuħħar żona ta' Santa Margerita fil-Mosta, fejn dawn il-persuni waddbu mijiet ta' bajd fuq il-karozzi u mal-faċċata tal-bini fejn għamlu ħsara bi tbajja li jħalli warajh t-tfiegħ tal-istess bajd?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, filwaqt li għadha qed tinvestiga l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, qiegħdha tagħmel aktar sorveljanza fl-inħawi msemmija.
Jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari 22192 u jgħid jekk jaħsibx il-gvern preżenti li għandu jsir it-tibdil meħtieġ biex ġudikanti li taw ġieħ lill-pajjiż b'ħidmiethom, bħalma kien Sir Anthony Mamo, għandhom ikunu huma ukoll eleġibbli għall-Presidenza?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Il-Gvern ma jidhirlux li għandu jinbidel dan il-provvediment li sar bi qbil bejn il-Gvern u l-Opposizzjoni.
Billi l-liġi ta' Malta tgħid li ħadd ma jista' jaqla' flus minn wiri ta' films pornografiċi, jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Pulizija għadha ma ħadet ebda passi kontra lukandiera u kontra sidien tal-cable tv li qed ixandru u hemm min anke ammetta li qed jikser il-liġi sfaċċatament? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-Pulizija illum, sitt xhur wara li l-Ministru stess ordnalhom jinvestigaw l-ovvju?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu żgħażagħ taħt it-12-il sena jixorbu l-alkoħol din is-sena? Jista' jgħid kemm inqabdu tfal ġo postijiet ta' divertiment fejn mhux suppost jidħlu, din is-sena?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra ma kienx hemm tfal taħt it-12-il sena li nqabdu mill-Pulizija jixorbu xorb alkoħoliku, filwaqt li kien hemm 139 persuna taħt is-17-il sena li nstabu f’postijiet ta’ divertiment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga matul ix-xahar ta' Diċembru 2010 ? Jista' jgħid x'tip kienet u kemm kienu l-ammonti għal kull każ, kif ukoll fejn inqabdet?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-droga maqbuda matul ix-xahar ta’ Diċembru tas-sena l-oħra kienet kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Cocaine
0.3grm
Cannabis resin
10kg005.4grm
Cannabis grass
32.1grm
Cannabis plant
10 plants
Ecstasy
998 tablets
LSD
2 micro dots
Mephedrone
2.8grm
Infurmat ukoll illi din id-droga nqabdet fl-ajruport, l-Ibraġġ, Paċeville, San Pawl il-Baħar u Ħal Tarxien.
Persuni taħt l-età fi ħwienet tax-xorb u divertiment
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni taħt l-età fi ħwienet u stabbilimenti tax-xorb u divertiment matul ix-xahar ta' Diċembru 2010? Jista' jgħid f'liema lokalità kien kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul Diċembru tas-sena l-oħra kien hemm 21 persuna taħt is-17-il sena li nstabu f’postijiet ta’ divertiment ġewwa San Ġiljan, Floriana u Qawra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu nies ipejpu fejn mhux suppost matul ix-xahar ta' Diċembru 2010? F'liema lokalità sar kull każ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta' Diċembru tal-2010 kien hemm 74 persuna li nqabdu jpejpu f’postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru taħrikiet kontra kontavvenzjonijiet tat-traffiku matul ix-xahar ta' Diċembru 2010? Jista' jgħid kemm minnhom saru bejn l-ewwel u l-15 ta' Diċembru u dawk bejn is-16 ta' Diċembru u l-aħħar tas-sena? Jista' jgħid ukoll f'liema lokalità saret kull kontravvenzjoni ?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi bejn l-1 u l-15 ta’ Dicembru tal-2010, il-Pulizija ħarġet 2,898-il ċitazzjoni għal diversi kontravenzjonijiet tat-traffiku fid-diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex, filwaqt li bejn is-16 ta’ Diċembru u l-aħħar tas-sena ingħataw 2,619.
Jista' l-Ministru jgħid jekk matul ix-xahar ta' Diċembru 2010, inqabdux ħwienet u stabbilimenti ta' divertiment li kienu qed jiksru l-liġi ta' sound esaġerat jew li baqgħu miftuħin wara l-ħin stabbilit?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul ix-xahar ta' Diċembru tal-2010, il-Pulizija ħarġet 19-il ċitazzjoni dwar daqq ta' mużika b'volum għoli fi stabbilimenti kummerċjali u 5 oħra talli baqgħu miftuħin wara l-ħin permess.