Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjoni tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-anzjan li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament li kemm ilu li applika għall-penzjoni tal-irtirar ma jafx eżatt kemm irid jirċievi u kemm se jkollu kull xahar, jgħidulu bil-miktub kemm hija l-pensjoni tiegħu?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-persuna kkonċernata qed tiġi nfurmata dwar il-każ tagħha.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — kuntratti għas-servizz ta' skrivani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2011, ingħatawx kuntratti mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sabiex jingħata servizz ta' skrivani? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid għal kull każ kemm kien l-ammont imħallas kull siegħa għas-servizz offrut?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba fuq servizz ta’ skrivan huma s-segwenti: - Kummissjoni għal Vjolenza Domestika; nil - Uffiċċju tal-Arbitru; nil - Kummissarju għat-Tfal; nil - KNPD; nil - Dipartiment Standards fil-Ħarsien Soċjali; nil - Awtorita’ tad-Djar; nil - Kummissjoni għall-Għaqdiet Volontarji; nil - Awtorità Nazzjonali għall-Impjiegi; nil - Qrati tal-Ġustizzja; nil - Servizzi għall-Ħarsien Soċjali; nil - Servizzi Soċjali; 1 li jitħallas €7 is-siegħa - Kummissjoni Nazzjonali għal Promozzjoni tal-Ugwaljanza; nil

Qrati Maltin u Għawdxin — informazzjoni dwar il-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm suppost huwa l-complement ta’ kull grad ta’ ħaddiema impjegati fis-sistema tal-qrati Maltin u Għawdxin? Jista’ jindika n-numru preżenti ta’ persuni li hemm fil-preżent jaħdmu f’kull grad?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-lista ta’ persuni impjegati f’ kull grad fil-Qorti ta Malta u dak t’Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Min-naħa l-oħra d-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja għadu kif issottometta n-numru ta’ vakanzi li jikkonsidra li għandhom jiġu mimlija fil-Capacity Building Exercise għas-sena 2012. Dawn jiġu kunsidrati li huma vakanzi li jridu jiġu mimlija meta jkun hemm l-approvazzjoni tagħhom f’dan l-eżerċizzju.

mħallfin u magistrati li m’għandhomx il-full complement

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li hemm xi mħallfin u maġistrati li m’għandhomx il-full complement tal-istaff li suppost ikollhom assenjati magħhom? Jekk dan huwa l-każ, x’kienet ir-raġuni li hemm din is-sitwazzjoni u meta se tiġi rimedjata s-sitwazzjoni?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hemm 24 Ġudikant li huma pprovduti b’Messaġġier tal-Qorti wieħed minflok żewġ Messaġġiera. Dan in-nuqqas huwa dovut għall-fatt li minkejja d-diversi sejħiet li jsiru ta’ kull sena, in-numru ta’ applikanti qiegħed ikun dejjem anqas mill-vakanzi mitluba. Biex tirrimedja, l-Amministrazzjoni qed tipprova toħloq ’pool’ ta’ Messaġġiera tal-Qorti biex meta xi Ġudikant jitlob assistenza addizzjonali għal xi seduta, jintbagħat xi ħadd mill-’pool’. Jirriżulta wkoll li 4 Ġudikanti qegħdin mingħajr is-servizz ta’ Court Assistant peress li l-aħħar ingaġġ ta’ skrivani li daħlu ġew assenjati kollha ma’ Judiciary Teams oħra. Ser isir eżerċizzju sabiex dawn il-Ġudikanti jiġu pprovduti b’ assistenza klerikali jekk jinstab li jista’ jsir tqassim differenti tax-xogħol ta’ xi skrivani. Hemm ukoll Imħallef li qed jistenna li jiġi pprovdut bit-tieni Assistent Ġudizzjarju ladarba toħroġ is-sejħa għall-applikazzjonijiet. Dan wara r-riżenja tal-Assistent Ġudizzjarju full-time li kienet addetta miegħu.

Periti inkarigati mill-bini tal-estenzjoni tal-Qrati

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-periti inkarigati mix-xogħlijiet ta' estenzjoni tal-Qrati li tinsab fi Strada Stretta Valletta li tasal sa Old Bakery Street?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Periti inkarigati mix-xogħlijiet ta’ estenzjoni tal-Qrati li tinsab fi Strada Stretta, Valletta li tasal sa Old Bakery Street huma Raniolo & Associates Ltd., Architects Civil Engineers & Structural Consultants.

każ ta' karti li għadhom ma ntbagħtux

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għadha ma rċevietx il-karta biex tkun tista' tapplika għas-sussidju fuq il-kont tad-dawl u l-ilma minkejja li l-main inbidel minn fuq isem ir-raġel tagħha għal fuqha wara li miet?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha

Applikazzjoni pendenti għal post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' single parent li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fejn din applikat għal post tal-gvern tmien snin ilu iżda għadha bla risposta?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tas-sinjura in kwestjoni hija pproċċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li l-Awtorità tad-Djar għandha għall-akkomodazzjoni alternattiva.

Liġi tal-Freedom of Information

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 25002, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li bħalissa qed jingħataw taħriġ intensiv bħala uffiċjali tal-gvern sabiex ikunu jistgħu jħaddmu fuq livell amministrattiv il-provedimenti sħaħ tal-liġi tal-freedom of information? Meta beda u meta mistenni jintemm? Fir-rigward tal-investiment f’sistemi tal-informatika biex jiffaċilitaw dan il-proċess, kemm sar investiment s’issa u meta mistenni li l-investiment kollu meħtieġ ikun sar sabiex il-provedimenti tal-liġi jaħdmu b’mod sħiħ fuq dan il-livell loġistiku wkoll?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninsab infurmat li t-taħriġ lil madwar 400 foi officer beda fi Frar tal-2010 u effettivament għadu sejjer sal-lum. Dan kien ikopri elementi ta’ taħriġ dwar dak li għandu x’jaqsam mal-provvedimenti tal-liġi u l-ifformular tal-Kodiċi ta’ Prattika, kif ukoll, aktar riċentement, aspetti oħra li għandhom x’jaqsmu mas-sistema tal-Informatika. Dan apparti taħriġ ieħor aktar ġeneralizzat għal faxex sħaħ ta’ uffiċjali pubbliċi fil-gradi kollha li huwa intiż l-aktar biex jagħti idea ċara ta’ xi tfisser eżattament il-liġi tal-freedom of information. Dan qed isir permezz ta’ korsijiet li jkunu organizzati minn żmien għal żmien miċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ (CDRT). Barra minn hekk is-suġġett huwa parti mis-sillabu tad-Diploma fl-Immaniġġjar Pubbliku, kors imħejji miċ-Ċentru għall-Iżvilupp, Riċerka u Taħriġ. Infurmat ukoll li l-investiment fuq din is-sistema jammonta għal ta’ Eur 49,395.36. L-iżvilupp u konsolidazzjoni taghha mistennija jkun konkluż lejn nofs is-sena.

tfal li nħareġ fuqhom care order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' tfal li għandhom jew li nħareġ fil-konfront tagħhom, care order però dawn għadhom taħt il-kustodja tal-ġenituri rispettivi?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi attwalment hemm 24 minuri li l-kura tagħhom ġiet delegata lil ġenituri. F’xi każijiet minn dawn dan seħħ bħala ri-integrazzjoni lura mal-familja.

Inċidenti fuq il-Post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' inċidenti rrappurtati fuq il-post tax-xogħol matul 2011? Kemm minnhom kienu maskili? Kemm minnhom kienu feminili? Kemm minnhom kienu fatali?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Jien infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għandu għad-dispożizzjoni tiegħu in-numru ta’ talbiet li jsiru għall-benefiċċju għall-korriment fuq il-post tax-xogħol biss. Fil-fatt in-numru ta’ talbiet li saru lid-dipartiment matul is-sena 2011 kienu jammontaw għal 2557 talba minn persuni maskili u 464 talba minn persuni feminili. Id-Dipatiment tas-Sigurtà Soċjali ma jkollux statistika dwar in-numru ta’ fatalitajiet. Għaldaqstant dwar din l-aħħar statistika nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jitlob il-kumplament tar-risposta mingħand il-Ministru kkonċernat.

Social housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' units ta' social housing f'Malta u f'Għawdex?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant la darba il-housing estates tal-gvern huma proprjetà tad-Dipartiment tal-Artijiet, din il-mistoqsija għandha issir lill-Ministeru responsabbli minn dan id-dipartiment. Min-naħa l-oħra l-Awtorità tad-Djar għandha proprjetà li hija bniet f’ housing estates u li qegħdin preżentament jinkrew. L-informazzjoni tidher fit-tabella ta’ hawn taħt:- Lokalità Nru. Tal-Blokkijiet Sena Meta Tlesta l-blokk Units f’housing estate Titolu KeraBejg] B’Buga Triq Tal-Ġebel 5 Jannar 2005 30 30- Bormla Triq San Mikiel 2 Lulju 2003 16 16- Bormla Triq Mariano Gerada Ent 5 1 Lulju 2003 8 8- Bormla Triq Mariano Gerada Ent 13 1 April 2007 8 8- Bormla Ent 71, 67, 68, 69 Blk 3 Triq Mariano Gerada 4 Diċembru 2007 25 25- Bormla Ent 87 Triq Erin Serracino Inglott 1 Settembru 2005 6 6- Bormla Triq Wigi Rosato 1 Mejju 2003 4 4- Bormla Triq Santu Rokku 1 Lulju 2000 4 4- Bormla Triq Sqaq l-Erwieh 1 Majju 2002 4 4- Bormla 18 Triq San Gwann 1 Frar 2001 6 6- Bormla 95 Triq San Gwann 1 Frar 2001 6 6- Fgura Triq l-G]arnuq 5 Mejju 2002 27 27- Floriana Triq il-Kappuccini 1 April 2004 8 8- Isla Triq San Filippu 1 Mejju 2004 3 3- Kirkop Triq il-Fieres 5 Jannar 2002 24 24- Mgarr Triq il-Karamelli 2 Mejju 2008 17 17- Msida Triq il-Kuncizzjoni 4 Mejju 2005 35 341 Msida Triq il-Wied 4 Mejju 2005 24 24- Pembroke Triq Profs Walter Ganado 2 Settembru 2001 12 12- Paola – Triq Salvatore Imbroll 1 Frar 2009 2 2- Qawra – Tal-Qortin 1 Diċembru 2007 8 8- Tarxien – Sqaq Brittaniku 2 Jannar 2001 7 7- Tarxien – Triq Alfier de Medran 3 April 2002 21 21- Tarxien – Sir Temi Zammit 2 Diċembru 2009 12 12- Valletta – Triq Sant’Ursola 2 April 2004 18 18- Valletta – Tirq il-Bjar 1 April 2004 2 2- Valletta – Triq San Nikola 1 Frar 1999 9 9- Valletta – Triq il-Merkanti 1 Mejju 2001 8 8- Żebbuġ - Triq l-Indipendenza 2 Ġunju 2008 12 12- Żurrieq – Triq ir-Rettur 1 Frar 2002 4 4-

Awtorità tad-Djar — tiswija fuq apramorta

Question

Jista' l-Ministru jara li l-Awtorità tad-Djar tirranġa l-periklu li hemm f'partijiet mill-apramorta ta' Blokk 9 fi Triq il-Ġnien, Ħal Qormi peress li ilha ma tingħata manutenzjoni u partijiet mill-ġebel qegħdin jitmermru u għandhom bżonn jiġu rranġati?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, bi tweġiba għall-mistoqsija tiegħu, illi l-Awtorità tad-Djar qatt ma ġiet innotifikata qabel dwar dawn l-allegati ħsarat. Minkejja dan, l-awtorità ħadet nota tal-interpellanza u se ssir ispezzjoni fil-jiem li ġejjin.

Awtorità tad-Djar — akkomodazzjoni alternattiva

Question

Jista' l-Ministru jiċċekja fiex wasal il-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li ilu fuq il-waiting list tal-Awtorita tad-Djar sa mill-1993 u qatt ma ngħata akkomodazzjoni alternattiva?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevili Interpellant li mir-records tal-Awtorità tad-Djar ma jirrizultax li l-persuna indikata għandha xi applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tad-Djar u jirriżulta ukoll li qatt ma ġiet sottomessa applikazzjoni għall-ebda servizz tal-Awtorità tad-Djar mill-istess persuna

Applikazzjoni għall-wens

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, peress li jieħu ħsieb lil missieru li għandu 87 u lil ħuħ b'diżabilità u ma jistax joħroġ jaħdem? Peress li dan applika għall-benefiċċju tal-wens u ma kellux risposta fil-pożittiv u peress li minkejja li għandu l-proprjetà, flus fil-bank m'għandux, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

każ dwar children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, mhux qed tirċievi children's allowance u kull darba li tmur titkellem dwar il-każ tagħha dejjem jgħidulha li s-somma għadha qed tinħadem?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna indikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.

talba għal post tal-gvern

Question

Jista’ l-Ministru jara każ ta’ single parent li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li ilha li applikat għal post tal-gvern xi 11-il sena u minkejja li kemm-il darba marret il-Housing għadha bla risposta?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni m’għandiex applikazzjoni minn dan il-fond imsemmi. Għaldaqstant hija mitluba biex tiġi ġewwa l-Awtorità tad-Djar u tammenda l-applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva u tiċċekja wkoll jekk tikkwalifikax għal Skema R biex tkun tista’ tibbenefika minn sussidju fuq il-kera.

Problema ta' ilma f'post tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ ta' ġuvni li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li jgħix f'post tal-gvern li minnu qed joħroġ kwantità ta' ilma u meta kienu marru jarawh tal-housing qalulu li se jirranġawh, imma minkejja li għadda ż-żmien dan baqa' bla risposta? Jista' jara li jinstab xi rimedju għal din il-problema?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-proprjetà allokata lill-inkwilin issewwiet fis-17 ta’ Lulju, 2009. Fl-20 ta’ Jannar, 2010, il-girien sewwew is-sistema tad-dranaġġ minn naħa tagħhom, u ġie kkonstatat minn tekniċi tal-Awtorità illi l-problema waqqfet.

Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja — flus f'konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f'konsulenzi mid-dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2011, maqsuma b'mod separat għal dawk li jaqbżu l-€10,000 u lil min ingħataw? Jista' jghid ukoll b'liema mod ingħatat kull konsulenza?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dawn huma l-konsulenzi li ngħataw ‘l fuq minn €10,000; - KNPD; €20, 166.20 wara ħruġ ta’ tender għal rapporti dwar applikazzjonijiet tal-MEPA, site visits u konsulenza dwar l-aċċess fiziku mill-Perit Joseph Spiteri; u €15, 698.30 wara ħruġ ta’ tender għal eżaminazzjoni medika ta’ applikazzjonijiet għall-ID Specjali u Blur Badge minn Dr Joe M Pace - Kummisarju ghat-Tfal; nil - Kummissarju ghal Vjolenza Domestika; nil - Ufficju tal-Arbitru; nil - Dipartiment Standards fil-Harsien Socjali; nil - Awtorità tad-Djar; nil - Kummissjoni ghall-Ghaqdiet Volontarji; nil - Servizzi ghal Harsien Socjali; nil - Awtorità Nazzjonali ghall-Impjiegi; nil - Qrati tal-Gustizzja; nil - Servizzi Soċjali; €47,027.55 għal servizz ta’ konsultazzjoni għal bidla fil-pensjonijiet, liġi tal-kera u MPVI (Market Property Value Index) lis-Sur David Spiteri Gingell - Kummissjoni Nazzjonali ghal Promozzjoni tal-Ugwaljanza; nil

każ ta' housing

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ urġenti tal-Housing tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li ilu pendenti għaxar snin sħaħ? Tista' tiġi kkunsidrata b’mod urġenti għal akkomodazzjoni alternattiva ground floor peress li għandha għadd ta’ ċertifikati mediċi on file?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni tas-sinjura in kwestjoni hija proċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra. Peress li l-istock ta’ postijiet vojta huwa limitat ħafna, ninforma lilll-applikanta li f’kaz li hija tikri post mill-privat hija tkun tista tapplika għal sussidju fuq il-kera dejjem jekk hija tkun konformi mall-kundizzjonijiet tal-Iskema fi dhan l-Awtorità tad-Djar.

każ ta' individwu mċaħħad mil-libertà

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani għaliex l-individwu, li r-referenza tal-każ tiegħu qed tintbagħat separatament, qed jiġi mċaħħad milli jgħix fil-libertà tant li meta l-ġenituri jkunu morda lanqas jista' jżurhom biex jorqod magħhom biex ikun ta' wens għal matul il-lejl ? Jista' jara li din l-inġustizzja tiġi rimedjata bla aktar inkonvenjent lejn d-drittijiet umani?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn investigazzjonijiet li għamlet l-Awtorità tad-Djar irriżulta li l-inkwilin ma kienx qed jagħmel użu mill-fond kif suppost li jagħmel. Evidenza ta' dan kien l-konsum baxx hafna tad-dawl u l-ilma. Għalhekk l-Awtorità tad-Djar kompliet tinvestiga aktar fil-fond. Ninsab ċert li l-Onoveroli Interpellant jifhem tajjeb li postijiet residenzjali tal-Gvern m'għandhomx jitħallew vojta iżda jiġu utilizzati kif suppost mill-inkwilini. Dan, min-naħa l-oħra ma jiffirsx li l-inkuwilin ma jistax jżur u jieħu ħsieb il-ġenitur tiegħu iżda huwa mistenni li jagħmel użu kontinwu mill-fond mikri lilu mill-Gvern.