Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mina mis-Swieqi/Pembroke għal Paceville

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4620 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3866, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju msemmi minnu f’din it-tweġiba? Jista’ jgħid jekk hux informat li biex l-iżvilupp mill-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, iseħħ, l-Awtorità tal-Ippjanar għamlet din il-mina bħala kundizzjoni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li studji fuq l-akkwati għadhom għaddejjin. Fuq kundizzjonijiet marbuta ma’ żviluppi partikolari, nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

E-scooters – parkeġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4617, fejn ingħad li “qegħdin jitqiesu diversi tipi ta’ parkeġġi”, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jagħmel dan b’diskussjoni mal-Kunsilli Lokali, meqjusa bħala Gvern Lokali jew mar-Reġjuni?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq dan is-suġġett saru diversi laqgħat kemm mal-operaturi stess, mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) kif ukoll bdejna laqgħat mal-kunsilli lokali nfushom. Ma tal-aħħar hemm laqgħat diġà ppjanati, u oħrajn li għadhom iridu jiġu msejħa.

E-Scooters – Laqgħa bejn Transport Malta u Reġjun Lvant

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4618, jista’ l-Minsitru jgħid x’kien l-outcome ta’ din il-laqgħa u jekk hux ser ikun hemm follow-up tagħha?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li waqt il-laqgħa ġew diskussi ċertu proposti li qed jiġu evalwati flimkien ma’ studju li qed issir.

In-Naxxar – Triq Leli Falzon — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3387, jista’ l-Ministru jindika bejn wieħed u ieħor meta se jibda x-xogħol fuq l-imsemmija triq, u ċjoè: Triq Leli Falzon fin-Naxxar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja b’taħditiet mal-Kunsilli Lokali kollha biex isir pjan ta’ toroq residenzjali li se jkunu qed isiru f’kull lokalità, inkluż fin-Naxxar, matul is-snin li ġejjin. Dawn id-diskussjonijiet għadhom ma ġewx konklużi.

Trasport Pubbliku – Servizz bejn il-Fgura u l-Isptar Mater Dei Moniteraġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3138, jista’ l-Ministru jgħid x’ri¿ultat kien hemm minn dak il-monitoraġġ li wiegħed li ser isir? F’liema perjodu sar dak il-monitoraġġ? Fuq liema bus stops sar? Hemm il-ħsieb li wara dan il-monitoraġġ isir xi titjib fis-servizz?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni neċessarja sabiex isir il-monitoraġġ qed tinġabar u qed isir studju fuq numru ta’ rotot.

Gudja – Triq De Warsbergh — tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jittieħdu passi biex Triq De Warsbergh fil-Gudja tiġi rranġata u jekk le, jista’ jara li jiġi redatt pjan għaliex is-sitwazzjoni ta’ din it-triq qed tikkawża tbatija lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din it-triq qed isservi bħala devjazzjoni tat-traffiku minħabba l-proġett ta’ madwar l-ajruport. Nikkonferma li din it-triq qiegħda fuq il-lista ta’ prijorità tagħna biex jibdew ix-xogħlijiet fuqha malli jitlesta l-proġett tal-KTAIP.

Fgura – Triq Mater Boni Consiglii — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex qed ikun hemm dan id-dewmien biex jiġi finalizzat ix-xogħol fuq Triq Mater Boni Consiglii, Fgura, peress li dan id-dewmien qiegħed jikkawża inkonvenjent lir-residenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5551.

Kumpanija tas-servizz tat-trasport pubbliku – ħlas ta’ sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas sussidju mill-Gvern lill-kumpanija privata li tħaddem is-servizz tat-trasport pubbliku, sena b’sena, mill-bidu tal-2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kienet ingħatatlu għall-mistoqsija numru 3683, jien infurmat li għas-sena sħiħa 2022 l-ammont ta’ Public Service Obligation li tħallas kien ta’ €37,819,594.36, waqt li sa Jannar li għadda l-ħlas kien jammonta għal €2,433,333.33.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Anti-Harassment Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ “Anti-Harassment Policy” (għal fuq il-post tax-xogħol) teżisti fi ħdan il-Ministeru kif ukoll fi ħdan kull aġenzija u/jew dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għall-mistoqsija parlamentari 5724.

Mosta – Triq Lorenzo Gafà u Triq l-Indipendenza – rampa biex jaqsmu persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir rampa għal dawk li jkunu qed jaqsmu t-triq f’Independence Avenue, salib it-toroq ma’ Triq Lorenzo Gafà, peress li dawk il-persuni li jużaw is-siġġu tar-roti, mingħajr din ir-rampa ma jkunux jistgħu jużaw il-bankina?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4243 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu konsulenti fil-Ministeru tiegħu, f’liema entitajiet li jaqgħu taħtu, kemm dawn jitħallsu u x’inhuma l-kwalifiki tagħhom?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ħaż-Żabbar – Triq il-Kappuċċini – Sinjali tat-Traffiku

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3139 u 3710, jista’ l-Ministru jagħti din l-informazzjoni u ċjoè meta ser isiru s-sinjali mal-art, inkluż stop signs u marki sofor, peress li wara li fl-aħħar żmien sar it-tarmak mill-ġdid fit-triq, dawn is-sinjali baqgħu ma sarux?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Fgura — inċidenti tat-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku fil-Fgura fis-snin 2021 u 2022? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni ġew feruti u/jew mietu kawża ta’ dawn l-inċidenti? Jista’ jgħid ukoll kemm pedestrians ġew milqutin waqt li qed jaqsmu t-triq?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5690 din għandha tiġi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Pjan ta' Riġenerazzjoni tal-Port

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 2054, 3730, 4034, 4251, 4608, 4831, 4884 u 4921 u jgħid kemm sewa l-pjan kbir ta’ Riġenerazzjoni tal-Port? Jista’ jagħti l-istudji li ntużaw?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li l-Onor. Interpellant hu diġà fil-pussess tal-pjani għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-istudji kollha li saru b’konsegwenza, jien infurmat li dawn swew €345,000.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii –– Xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3137 fejn il-Ministru informa li dawn ix-xogħlijiet se jkunu lesti sa Diċembru li għadda, peress li wasalna fl-aħħar ta Jannar 2023 u x-xogħol għadu għaddej, jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li dan ix-xogħol jintemm? X’inhi r-raġuni li dan ix-xogħol waqa’ lura? Jista’ l-Ministru konċernat jieħu l-passi neċessarji sabiex il-kuntrattur jimxi b’ritmu mgħaġġel kemm jista’ jkun u mhux jitħalla jġebbed bix-xogħol b’numru limitat ta’ ħaddiema fuq is-sit tax-xogħol? Jaf il-Ministru li sakemm qed isir dan it-tnikkir, ir-residenti ta’ din il-parti tat-triq qed jgħaddu minn inkonvenjenti kbar bla bżonn speċjalment meta tagħmel ix-xita?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel saff t’asfalt fl-ewwel fażi ta’ din it-triq ingħata iktar kmieni il-ġimgħa l-oħra wara li nstab li partijiet mill-pedamenti ta’din it-triq kien jinvolvi aktar xogħol kawża ta’ materjal naturali dgħajjef. Fattur ieħor li kkawża ħsarat kien it-temp u b’hekk kellu jerġa’ jsir xi xogħol. Ix-xogħol fit-tieni fai jinsab fi stadju avvanzat filwaqt li fil-ġimgħat li ġejjin mistenni li jibda x-xogħol fuq il-pedamenti.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consiglii — Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jaġġorna lill-Kamra rigward ix-xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq Triq Mater Boni Consiglii, il-Fgura? X'inhu l-pass li jmiss u meta hu maħsub li titlesta?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5551.

Triq tal-Barrani

Question

B’referenza għall-pjan għal Triq tal-Barrani u li kienet fil-midja fil-jiem li għaddew, jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, pjanti li juru l-pjanijiet tax-xogħlijiet previsti għal din it-triq prinċipali u għal interċessjonijiet tat-toroq li jaqbdu ma' din it-triq u li jinkludu: a. Direzzjoni lejn iċ-Ċentru ta' Ħal Tarxien (Triq Palma), b. Gudja (Triq Ħal Tarxien), c. Direzzjoni Bulebel-Fgura (Triq San Anard), d. Direzzjoni St James Hospital (Triq il-Ħotba), e. Ħal Għaxaq (Triq il-Belt Valletta), u f. aktar l’isfel fid-direzzjoni tal-Vjal 25 ta' Novembru, Żejtun?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanijiet għal dan il-junction upgrade għadhom qed jiġu ffinalizzati. L-Agenzija tinsab f’diskussjonijiet attivi ma’ stakeholders biex dan il-proġett jimxi l-quddiem għal benefiċċju ta’ kulħadd.

Marsa — Triq it-Tiġrija - aċċess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5344 u jikkonferma li t-traffic lights ta' Triq it-Tiġrija, il-Marsa (35°52'49.3"N 14°29'28.2"E) huma aċċessibbli biss għal numru żgħir ta' nies li għandhom aċċess għal ċavetta? Jekk iva, jista' jispjega r-raġuni għal dan? Jista' jgħid min huma n-nies li għandhom aċċess? Jista' jispjega wkoll għalfejn ir-residenti li jgħixu fl-akkwati m'għandhomx?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-traffic lights minnu indikati huma intiżi biex jiffaċilitaw manuvrar ta’ vetturi kummerċjali fl-akkwati u huma s sidien ta' dawn l entitajiet kummerċjali li għandhom access għalihom. Il-kontroll ta’ dawn il-lights kien imwaħħal qrib dawn l-attivitajiet kummerċjali għal dan il-għan, jiġifieri biex ikunu jistgħu joħorġu l vetturi tagħhom mit-trejqa li hemm biswit. Biex jiġi evitat il-periklu li hemm meta persuna taqsam dik it triq, ittieħdu numru ta miżuri. Persuna tista' timxi passaġġ ta' madwar 400 metru li hu sigur u li xorta waħda jaqdi lir-residenti li jgħixu fl-inħawi.