Legislature:
Category:
Reset
Active:

Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb

Question

Peress li l-bini tal-ex Telemalta Maltacom u Maritime Radio Station u Department of Civil Aviation wireless telegraphy station f’Triq Wied Rini bejn il-Baħrija u l-iMtaħleb (Kunċizzjoni) limiti tar-Rabat, li possibilment huwa mogħti minn art tal-gvern, inbnew xi għerejjex fil-perimetru u l-garaxxijiet ta’ taħt it-triq huma okkupati wkoll, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk din l-art ġietx mgħoddija lil terzi jew jekk ġietx okkupata?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tal-Artijiet diġà għamlet l-ispezzjonijiet neċessarji fejn is-sezzjoni tal-Infurzar waħħlet notifiki mal-propjetajiet li potenzjalment qed jiġu okkupati mingħajr titlu. L-Awtorità se tkompli tieħu l-passi neċessarji fiż-żmien li ġej.

Ħal Tarxien – bus shelters

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jsir bdil jew installazzjonijiet ġodda ta’ bus shelters ġewwa l-lokalità ta’ Ħal Tarxien?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta qiegħda tinstalla numru ta Bus Shelters ġodda f’diversi lokalitajiet madwar Malta. Infurmat li sal-aħħar tas-sena jkunu twaħħlu madwar 30 Bus Shelters ġodda. Infurmat ukoll li Transport Malta qiegħda fil-proċess li tagħti importanza fl-ippjanar tal-installazjonijiet tal-bus shelters il-ġodda għas-sena id-dieħla kemm f’Malta u kif ukoll f’Għawdex.

Il-Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol ta’ għoti mill-ġdid ta’ wiċċ ta’ tarmak f’Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta? Peress li f’din it-triq hemm problema kbira li kull meta tagħmel ix-xita, l-ilma jlaħħaq mal-bankina, jista’ jieħu ħsieb u jara li jsir xogħol ta’ bini ta’ culverts ġodda f’partijiet mill-istess triq li fil-preżent ma hemmx water culverts biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġà ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija se tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, Tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu se jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Infrastruttura Malta – stimi ta’ xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ipprepara l-istimi għax-xogħlijiet ta' toroq li se jsiru minn Infrastruttura Malta, jekk hux mill-impjegati ta' Infrastruttura Malta, mill-impjegati ta' xi Dipartiment tal-Gvern jew jekk inqabdux konsulenti privati? Jekk saru minn konsulenti privati, jista’ jgħid jekk inħarġitx xi sejħa għall-offerti jew ingħataw direct order u kemm tħallsu dawn il-konsulenti privati biex għamlu dawn l-istimi? Min huma dawn il-konsulenti privati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Aġenzija Infrastruttura Malta — membri

Question

Peress li skont l-Att li waqqaf l-Aġenzija Infrastruttura Malta, kull membru magħżul mill-Ministru stess kellha tkun persuna li hi kkwalifikata minħabba l-esperjenza li għandha u l-kapaċitajiet li wriet fi kwistjonijiet relatati mal-funzjoni tal-Aġenzija Infrastruttura Malta, u ċjoè mal-bini ta' toroq, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid kull membru li hemm fil-bord ta' din l-Aġenzija: a. xi kwalifiki akkademiċi għandu fix-xjenza tal-bini ta' toroq? Kemm ilu/ilha li ottjena/ottjeniet dawn il-kwalifiki?; b. għandux/għandhiex xi forma ta' Masters Degree fir-Road Engineering? Kemm ilu/ilha li ottjena/ottjeniet dan il-Masters Degree u minn liema Università ġie maħruġ?; c. x'esperjenza prattika fuq bini ta' toroq għandu/għandha u għal kemm-il sena? Minn fejn ġab/ġabet din l-esperjenza, minn xogħol mal-Gvern/Awtorità tal-Gvern jew mill-privat? Xi proġetti ta' toroq għamel/għamlet u x'tip ta' proġetti huma: proġetti maġġuri, xogħlijiet ta' toroq arterjali jew distributorji, xogħlijiet ta' toroq residenzjali jew xogħlijiet ta' toroq residenzjali?

Response (BORG, IAN)

Filwaqt li l-Gvern jilqa’ l-interess li l-Oppożizzjoni qed turi f’Infrastructure Malta ftit xhur biss wara li vvutat kontra t-twaqqif tagħha f’din il-Kamra, hija ħasra li jidher li l-istess Oppożizzjoni għadha ma fehmet xejn dwar l-għan ta’ din l-entità. Infrastructure Malta mhijiex xi kumitat tekniku jew kuntrattur tat-toroq. Din l-aġenzija għandha quddiemha missjoni importanti, li twettaq l-impenn tal-Gvern li permezz ta’ investiment bla preċedent pajji¿na jagħmel qabża kbira 'l fuq fil-kwalità tal-infrastruttura ta’ pajjiżna, infrastruttura li tolqot direttament u b’mod kontinwu s-setturi kollha tas-soċjetà u tal-ekonomija. L-iżvilupp tal-infrastruttura m’għandux jitqies biss mill-lenti tal-ħiliet tekniċi meħtieġa biex tibni triq. L-infrastruttura ta’ pajjiż hija sistema ħajja li teħtieġ is-sehem ta’ ħafna oqsma differenti. Il-Bord ta’ Infrastructure Malta jinkludi taħlita ta’ rappreżentanti ta’ oqsma soċjali, kummerċjali u tekniċi li lkoll huma marbuta mal-infrastruttura tat-trasport f’pajjiżna. Dawn jinkludu l-kunsilli lokali, in-negozju, l-inġinerija, l-arkitettura u oħrajn.

Applikazzjoni għall-xogħlijiet

Question

Nirreferi għall-applikazzjoni 6031/18 li tirreferi ‘Application processing is currently suspended at the perit’s request’ u minkejja hekk ix-xogħol għaddej xorta waħda. PA Enforcement itenn “That the ongoing works have got nothing to do with PA but are being done by Transport Malta on accordance with their own permit RWT 1-152A/18”. Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ix-xogħlijiet humiex regolari jew qed isiru biex jakkomodaw l-applikant li talab għal change of use? Jista’ jgħid jekk Transport Malta kkonfermatx li qed twettaq dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk għandhomx PA permit?

Response (BORG, IAN)

Ninsab Infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar tikkonferma li x-xogħlijiet fuq it-triq ma jirrikjedux permess mingħand l-Awtorità tal-Ippjanar peress li dawn huma eżentati skont Klassi 3 tal-Ordni dwar in-Notifikazzjoni dwar Żvilupp (L.S. 552.08). Nixtieq nżid li ma hemm l-ebda xogħlijiet għaddejjin fuq dan il-PA6031/18. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li huwa minnu li Transport Malta ħarġet permess RWP1-1528/18 għal xogħol fi Triq bla isem fi Triq Mikiel Anġ Borg, San Ġiljan. Dan il-permess ikopri xogħol fit-triq u l-applikazzjoni minn naħa tal-kuntrattur kienet għal; - Detection - Road Surfacing & Scarifying - Water Catchment Għaldaqstant, il-permess ta’ Transport Malta ma jkopriex ix-xoghol li huwa msemmi f’applikazzjoni PA6031/18 li qed jitlob “To construct reservoir & pump room”. Ix-xogħol li qed isir f’dan is-sit mhux qed isir minn Transport Malta.

Triq li minn Ħaż-Żabbar tagħti għaż-Żejtun – xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra f’liema stadju waslet it-triq li qed issir minn Ħaż-Żabbar saż-Żejtun? Jista’ jgħid kemm intefaq fiha sa issa u kemm huwa previst li ser jintefaq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7233 f’Seduta 145.

Awtorità tal-Ippjanar – sottomissjonijiet mill-pubbliku għal Pjan Lokali għal Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sottomissjonijiet kollha li saru lill-Awtorità tal-Ippjanar mill-pubbliku dwar il-gżira ta’ Għawdex, bħala parti mill-konsultazzjoni pubblika preliminari li saret mill-istess Awtorità bejn Lulju u Settembru tas-sena 2013 dwar il-Pjan Lokali għall-Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant japprezza li din id-domanda mressqa titlob ammont qawwi ta’ riżorsi umani u ħin, u għalhekk qed nitolbu aktar ħin biex tinġabar tali informazzjoni.

Trasport Pubbliku — Karozza tal-Linja X2 - stage magħruf bħala Tax-Xintill

Question

Jista' l-Ministru jara li t-trasport pubbliku magħruf bħala X2, tieqaf fuq l-istage li hemm f'Luqa Road, magħruf bħala tax-Xintill (hemm żewġ stages faċċata ta' xulxin)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rotta X2 hija waħda mir-rotot Express liema rotta tgħaqqad il-lokalitajiet ta’ tas-Sliema u San Ġiljan mal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta via l-Isptar Mater Dei, Raħal Ġdid u Santa Luċija. Sabiex iħaffu fit-tragitt tagħhom, rotot ta’ dan it-tip ma jieqfux fuq kull bus stop. Infurmat ukoll li fil-każ ta’ din ir-rotta l’eqreb bus stop fl-istess akwati li fuqu tieqaf ir-rotta X2 huwa dak li jġib l-isem “Nazzarenu” u li qiegħed madwar 200 metru il-boghod.

Awtorità tal-Ippjanar — Rilokazzjonijiet ta’ pompi ta’ petrol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-applikazzjonijiet għar-relocation ta’ pompi tal-petrol li ġew approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-1 ta’ Frar 2018 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza, u f’kull każ jista’ jgħid kemm kien id-daqs tal-pompa oriġinali u kemm hu d-daqs tal-pompa rilokata rispettivament?

Response (BORG, IAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 5156, L-Awtorità iddeċidiet u approvat applikazzjoni waħda relatata ma’ rilokazjoni ta’ pompi tal-petrol mill-1 ta’ Frar 2018 sa llum. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dettalji ta’ din l-applikazzjoni mitluba huma murija fit-tabella sussegwenti: PA No Proposal Location Dcn Date Original Area Proposed Area PA/05477/16 'Relocation of Savoy Petrol Station, Rue D'Argens, Sliema to new site at Qormi Road, Luqa. Proposal includes the construction of Fuel Service Station, incorporating fuel dispensing area, ground floor Class 4B shop, Tyre Service Garage, VRT Garage, ATM, Car Wash Facilities, storage at first floor level and installation of PV panels at roof level. Site at, Triq Hal Qormi, Luqa, Malta 31/05/2018 260sqm 3000sqm

Dipartiment tal-Artijiet – art għall-iżvilupp fi snin 60

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt bil-kondizzjonijiet oriġinali tal-lukanda li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament meta fis-snin 60, id-Dipartiment tal-Artijiet kien ta l-art għall-iżvilupp?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Lands Department ġie kostitwit fis-sena 1962. Il-bejgħ li sar qabel 1962 kien isir bejn it-teżor u l-Works Department. Bħala Awtorità tal-Artijiet, m’għandniex records li aħna begħna din l-art fis-sittinijiet. Il-bejgħ illi għandna record tagħom u li diġà għaddejna l-informazzjoni huma dawk elenkati f’PQ 5289, f’Seduta 103.

Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads – xogħlijiet fuq toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li t-tender li ħarġet l-Aġenzija Infrastruttura Malta ħarġet bit-titlu Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18) meta bl-istess tender se jsiru xogħlijiet fuq toroq distributorji u mhux residenzjali? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta separata għal kull lott li tindika liema toroq se jsiru u l-extents ta' kull triq li se ssir kif ukoll il-klassifikazzjoni ta' kull triq, u ċjoè hiex triq residenzjali, triq non-urban, triq maġġura, triq arterjali, triq distributorja, eċċ.?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-Gvern huwa determinat li jwettaq il-pjan tiegħu li jagħmel qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq kollha, huma fejn huma, b’mod gradwali, fis-snin li ġejjin, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun, hekk kif jixraq lill-familji u n-negozji f’Malta u Għawdex. Il-pjanti mitluba tal-ewwel 120 triq li ser jinbnew mill-ġdid is-sena d-dieħla jinsabu fl-istess dokument pubbliku msemmi f’din il-mistoqsija, jiġifieri “Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)."

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid ma’ min ikkonsulta biex issir kull triq ta' kull lott li jinsab fit-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li f’kull ħidma li tagħmel fit-toroq, Infrastructure Malta tqis diversi fatturi tekniċi, filwaqt li tikkonsulta ma’ individwi u entitajiet differenti li jużaw, jew b’xi mod jew ieħor ikunu interessati fit-toroq li fihom ikun ser isir l-investiment ta’ titjib.

Aġenzija Infrastruttura Malta — Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stima ta' kull triq li se jsir ix-xogħol fuqha skont it-Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18)? Meta hemm il-ħsieb li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq kull triq? Jista’ jagħti d-dettalji tax-xogħlijiet li se jsiru f'kull triq f'kull lott (pereżempju cement stabilization material, ħxuna ta' surface cold milling, ħxuniet u tip ta' tarmak, eċċ.), għal kull triq separatament?

Response (BORG, IAN)

Ninforma l-Onor. Interpellant li t-tagħrif mitlub jinsab fl-istess dokument pubbliku msemmi f’din il-mistoqsija tal-istess Onor Interpellant bl-isem ta Tender for the Construction and Resurfacing of Residential Roads (Ref. IM 004/18).

Awtorità tal-Ippjanar — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7580 u jgħid kemm kien hemm impjegati mal-Awtorità tal-Ippjanar, f'liema grad u f'liema sezzjoni, xahar b'xahar, mill-2016 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.