Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt Valletta — Aċċessibilità għall-ambulanzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29471 u jgħid jekk hemmx xi pjan, jew korrispondenza għaddejja ma’ entitajiet oħra tal-Gvern li mhux neċessarjament jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, sabiex tissolva l-kwistjoni tal-aċċessibilità għall-ambulanzi fit-toroq tal-Belt Valletta, partikolarment dawk li fil-passat riċenti kellhom każijiet fejn l-ambulanzi sabu diffikultà biex jgħaddu? Jekk iva, jista’ jqiegħed din l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistqosija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Kummissarju tas-Saħħa Mentali — tibdil fl-isem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ser jieħu l-Gvern biex jinbidel l-isem tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali u jitneħħew it-termini ‘diżordni mentali’?  Jista’ jgħid ukoll jekk jikkunsidrax li l-Uffiċċju tal-Kummissarju tas-Saħħa Mentali jimxi fi ħdan il-Kummissarju tas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman biex ikun hemm iktar awtonomija?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess sabiex jiġu proposti emendi għall-Att dwar is-Saħħa Mentali nbeda diġa’.

Saħħa Mentali — Titjib fis-servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjanijiet biex jissaħħu s-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Is-servizzi tas-saħħa mentali fil-komunità qed jissaħħu b’mod sostanzjali.  Bħalissa, fil-komunità hemm ħmistax-il servizz  f’lokalitajiet strateġiċi, immexxija minn timijiet multidixxiplinari li jinkludu servizzi speċjalizzati bħal Community Mental Health Teams, Rehabilitation Centres, Clozapine Clinic, Outreach Teams u l-Crisis Resolution Home Treatment Team għall-interventi f’każijiet ta’ kriżi. Barra minn hekk, is-servizz CYPS joffri kura multidixxiplinarja għal tfal u żgħażagħ. Dawn l-inizjattivi jikkontribwixxu għal servizz aktar qrib il-pazjent u b’fokus fuq l-intervent preventiv. Il-ħidma tagħna tkompli għaddejja bil-għan li nkomplu nsaħħu s-Servizzi fil-Komunita b’mod sostenibbli u inklużiv.

Sptar Mount Carmel — Strateġija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija dwar l-Isptar Mount Carmel, issa li hemm Kap Eżekuttiv ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istrateġija dwar l-Isptar Mount Carmel hi integrali mal-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar is-Saħħa Mentali li qed timxi b’mod attiv, b’enfasi fuq il-kura fil-komunità, il-prevenzjoni, u l-integrazzjoni tas-servizzi. Il-ħidma qed tiffoka fuq it-tisħiħ tat-timijiet multidixxiplinari, l-iżvilupp ta’ servizzi ġodda, u l-promozzjoni ta’ benessri mentali f’kull stadju tal-ħajja. L-għan aħħari hu li nkomplu nsaħħu dan is-settur b’mod sostenibbli u inklużiv.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2025?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva – Chief Executive Officers

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 23775, jista’ l-Ministru jgħid: (a) Kemm damu/ilhom fil-ħatra dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi u meta ser jispiċċa t-terminu tagħhom? (b) Kif ġew magħżula kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (ċ) X’kumpens finanzjarju u perkaċċi oħra ħadu/qed jieħdu kull wieħed/waħda minn dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi sena b’sena mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (d) Kemm-il siegħa fil-ġimgħa kienu/huma obbligati li jaħdmu dawn iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (e) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time fis-servizz pubbliku, aġenziji, awtoritajiet u entitajiet tal-Gvern, ma’ min u f’liema kariga/grad, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? (f) Liema kienu/huma dawk iċ-Chief Executive Officers, ta’ dawn l-aġenziji, awtoritajiet, entitajiet u korpi li kienu/huma wkoll impjegati full-time mal-privat, ma’ min u f’liema kariga/grad qegħdin, sena b’sena, mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra ta’ ħatra u l-kuntratt ta’ dawn iċ-Chief Executive Officers?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22677, il-perjodu li għalih ikun maħtur Kap Eżekuttiv huwa stabbilit fil-kuntratt li jistipula l-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Ċentri ta’ Matul il-Jum

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser jingħalqu xi Ċentri ta’ Matul il-Jum? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawn iċ-ċentri u meta ser jingħalqu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità m’għandha l-ebda pjan biex tagħlaq xi Ċentri għal matul il-jum.

MRIs, Knee replacements u Katarretti — Stennija għall-interventi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin jistennew l-interventi mediċi tal-MRI, knee replacement u katarretti, u kemm ilhom fuq il-lista ta’ stennija? Jista’ jgħid ukoll kemm qed ikun ’il bogħod l-appuntament li qed jingħata?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li hemm 171 pazjent li ilhom jistennew aktar mill-perjodu stipulat fiċ-Charter tal-Pazjenti. Infakkar lill-Onor. Interpellanta li meta weġibt mistoqsija simili fit-18 ta’ Ġunju 2025, in-numru ta’ pazjenti li kienu qed jistennew kien ta’ 269. Ikun hemm bosta raġunijiet għala il-perjodu ta’ stennija ikun itwal minn dak stipulat. Imma nserraħ ras lill-Onor. Interpellanta li kull talba għall-MRI urġenti isir fl-iqsar żmien possibbli. Il-Gvern illum joffri tliet MRIs fl-Isptar Mater Dei li qed jaħdmu 24 siegħa kuljum, 7 t'ijiem fil-ġimgħa. Introduċejna MRI fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, servizz tal-MRI fiċ-Ċentru Ċensu Moran u ġiet installata magna fir-Residenza San Vinċenz. Għar-rigward tal-lista ta’ stennija għall-knee replacement, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29038. Għar-rigward tal-lista ta’ stennija għall-katarretti, nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25674.

Kummissarju għas-Saħħa Mentali — Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti annwali tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali abbażi tas-snin 2020, 2021, 2022, 2023 u 2024?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma l-Onor. Interpellant li r-rapporti annwali tal-Uffiċju tal-Kummissarju għas-Saħħa Mentali għas-snin 2020, 2021 u 2022 diġà tpoġġew il-Mejda tal-Kamra. Ir-rapporti għas-snin 2023 u 2024 ser ikunu qed jiġu ppreżentati f’xi seduta oħra.

Il-Mellieħa — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29615 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tal-Mellieħa (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29616 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

In-Naxxar — Sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29617 u jgħid kemm kien hemm sejħiet ta’ emerġenza għall-ambulanza fl-inħawi tan-Naxxar (lokalità kollha), minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni xahar b’xahar?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Siġar tal-palm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inqalgħu siġar tal-palm mill-ġonna tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex mill-20 ta’ Marzu 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u għaliex inqalgħu? Jista’ jgħid ukoll fejn ġew imħawla mill-ġdid dawn is-siġar tal-palm?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li mid-data msemmija nqalgħet siġra żgħira tal-palm li kienet marida. Sa issa ma nqala’ l-ebda palm ieħor. Madanakollu, sar xogħol ta’ tiżbir fil-kumplament tas-siġar tal-palm.

Sptar Ġenerali ta’ Għawdex — Gradi tal-entraturi prinċipali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew aktar minn tliet ġimgħat minn meta nqalgħu l-gradi taż-żewġ entraturi prinċipali tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u sal-lum għadu ma twaħħal xejn minflokhom? Jista’ jgħid ukoll meta hu maħsub li dawn il-gradi jitwaħħlu mill-ġdid?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex qiegħed isir xogħol ta’ tisbiħ fiż-żewġ entraturi prinċipali. Il-gradi taż-żewġ entraturi ta’ Għajn Qatet ġew imwaħħla u x-xogħol ta’ tisbiħ huwa lest. Intant, is-sejħa għall-offerti għal ‘automated barriers’ li se jitwaħħlu fl-entratura prinċipali li hemm fit-Triq l-Arċisqof Pietru Pace ingħalqet. Sadanittant, saret l-installazjoni elettrika biex appena jasal l-apparat tkun tista' teħel.

Mediċina Olanzapine depot injection

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jew jikkonferma jekk hux perikoluż li mediċina bħalma hi l-Olanzapine depot injection tiġi mibdula?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika aħjar għal xiex qed jirreferi meta jgħid li l-Olanzapine depot tiġi mibdula. Huwa veru li kien hemm nuqqas globali ta’ din il-mediċina, però mill-informazzjoni li għandhom il-kliniċi, il-pazjenti li għalihom kien indikat li jieħdu il-kura bil-mediċina (olanzapine) ħaduha. Ninsab infurmat li kien hemm xi każijiet limitati li fiċ-ċirkustanza nqalbu temporanjament għall-pinnoli ta’ l-istess mediċina (minnflok l-injezzjoni). Skont il-fehma tal-kliniċi, din ma għamlitx differenza lill-pazjenti.

Ċentru Vincent Moran — Trasferimenti ta’ ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif direttur jieħu deċiżjoni li jiġu trasferiti ħaddiema mill-post tax-xogħol tagħhom għaċ-Ċentru Vincent Moran b’mod immedjat (mil-lum għall-għada), mingħajr ma jiġu kkunsidrati l-effetti li tali trasferiment jista’ jħalli fuq is-servizz li jkun diġà qed jingħata, u mingħajr ma ssir diskussjoni mal-managers rispettivi?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru dejjem jirrikonoxxi l-importanza ta’ djalogu strutturat u komunikazzjoni effettiva mal-maniġers rispettivi u l-impjegati kollha. Ġejt infurmat li ma kien hemm l-ebda deċiżjoni finali dwar trasferiment b’mod immedjat ta’ ħaddiema lejn iċ-Ċentru Ċensu Moran, minkejja li ġew ikkunsidrati diversi għażliet ta’ ridistribuzzjoni ta’ riżorsi umani. Tali proċess ta’ evalwazzjoni dejjem ikun bbażat fuq għanijiet strateġiċi relatati mal-twettiq tal-kura sekondarja fl-aħjar interess tal-pazjenti.

Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva — Impjegati full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29893 u jagħti t-total tal-impjegati full-time u part-time, fi ħdan il-Ministeru tiegħu, inkluż dawk f’awtoritajiet, f’entitajiet u f’dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteri tiegħu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninsab infurmat li l-impjegati mal-Awtoritajiet u Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru ta’ dan il-Ministeru huwa kif ġej: 614-il ħaddiem full time u 7 ħaddiema fuq bażi part-time.