Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ammont ta' fniek li delettant jista' jkollu mingħajr permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid skont ir-regoli eżistenti, kemm delettant jista' jrabbi fniek ġewwa d-djar tiegħu mingħajr ma jkollu permess mingħand l-awtoritajiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-limiti tat-trobbija ta' fniek ġo dar mhumiex regolati mill-Avviż Legali 165 tal-2011 peress li dan jirregola l-qatla u t-tpoggija fuq is-suq tal-laħam tal-fniek. Bħal kull trobbija ta’ annimali oħra, it-trobbija tal-fniek issegwi regoli li joħorgu mir-regoli tal-iżvilupp. Għalhekk jekk ikun hemm żamma ta' numru ta' fniek dan jista' jkun suġġett għall-applikazzjoni t'użu jew bdil fl-użu maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Dan jgħodd partikolarment għal żoni urbana.

Mosta — Triq Karlo Darmanin u Dun Anġ Dingli

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26811, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata flus il-Kunsill Lokali tal-Mosta għal dan il-proġett u meta? Jista' jgħid jekk il-flus kenux direttament mogħtija għal dan il-proġett jew kenux parti minn somma globali li segħtet tintuża mill-kunsill b'mod ġenerali fi proġetti ġenerali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali

Pitkalija — proċedura għax-xiri ta' ħxejjex

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura fil-pitkalija għall-persuni li jmorru jixtru l-ħxejjex minn hemm? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħinijiet partikolari għax-xerrejja li jixtru bil-kwantità u li x-xogħol tagħhom huwa dak li jbiegħu l-ħaxix u għal dawk li jmorru jixtru għall-konsum privat? Jista' jgħid ir-razzjonal wara l-mod li bih hija organizzata din is-sistema? Jista' jgħid jekk u min għandu bżonn xi pass ħalli jkun jista' jixtri minn dan il-post?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kull minn jidħol jixtri mill-Pitkalija, irrid ikun reġistrat mal amministrazijoni tal-pitkalija billi jinħariġlu pass bin-numru li bih ikun jista' jiġi uzat ghax-xiri ta’ frott u ħaxix. Kull min jidħol jixtri mill pitkalija għandu bżonn dan il-pass. Fil granet tat-Tnejn u l-Ħamis, ix xerreja li huma bejjiegħa jistgħu jidħlu bil mixi mis-sebgħa ta’ filgħodu 'l quddiem u bil-vettura mid-disgħa ta’ filgħodu 'l quddiem. Xerrejja oħra (bħal konsumaturi) jistgħu jidħlu minn nofsinhar 'il quddiem. Fil-ġranet tat-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa kulħadd jista' jidħol mis-sebgħa ta’ filgħodu 'l quddiem. Din il-proċedura tippermetti li l-ewwel jidħlu l-bdiewa bil-prodotti tagħhom u wara jidħlu x-xerrejja.

Kwalità ta' ingredjenti għall-ikel Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tinħoloq sistema fejn il-konsumatur ikun jaf il-kwantità u anki l-post tal-oriġinu tal-ingredjenti tal-prodotti li jixtri bil-waħda u li dawn ikunu magħmula anki b'mod tradizzjonali bħala ħobża Maltija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur

Raħal Ġdid — Triq il-Vittmi tax-Xogħol - tindif ta' għalqa

Question

Jista' l-Ministru jara li titnaddaf għalqa li hemm fit-Triq il-Vittmi tax-Xogħol, Għajn Dwieli, Raħal Ġdid, fejn hemm is-substation tad-dawl għax minkejja li saru ħafna rapporti, il-ħmieġ għadu hemm?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant illi ż-żona imsemmija hija taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tar-Raħal Ġdid. Għalhekk nistieden lill-Onorevoli Interpellant sabiex jressaq il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li taħtu taqa’ ir-responsabbiltà għall-kunsilli lokali.

WasteServ — kontijiet awditjati

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar kontijiet awditjati tal-kumpanija parastatali WasteServ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja l-aħħar kontijiet awditjati tal-WasteServe Malta Ltd li huma għas-sena 2009. Dawk għall-2010 se jitressqu għall-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali annwali li ppjanata li ssir fit-30 ta’ Novembru 2011.

Belt, Kottonera u l-Imdina — pjanijiet tal-kumitat

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu kull kumitat għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina għat-tliet snin li ġejjin, kull kumitat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Belt, Kottonera u l-Imdina — proġetti li ġew imwettqa

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema proġetti twettqu mill-kumitati għar-riabilitazzjoni tal-Belt, Kottonera u l-Imdina matul it-12-il xahar li għaddew kull kumitat separatament? Kemm kienet in-nefqa fuq kull proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

WasteServ — policies mad-Dipartiment tal-Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-WasteServ hijiex marbuta bil-policies tad-Dipartiment tal-Kuntratti għall-procurement kollu li tagħmel?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-WasteServ timxi skont il-policies tad-Dipartiment tal-Kuntratti biex tagħmel il-procurement tagħha.

San Pawl il-Baħar — Triq is-Salina - underpass tunnel

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta tal-underpass tunnel fi Triq is-Salini, San Pawl il-Baħar, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanta mitluba.

Kiri tat-tined

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 29722, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-rata ta' kiri tat-tined?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari bil-miktub numru 415.

Livelli tan-nitrati fl-ilma tal-pjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-livelli tan-nitrati fl-ilma tal-pjan matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16832, infakkru li mill-2009 kien imniedi programm estensiv ta’ monitoraġġ tal-korpi kollha ta’ l-ilma tal-pjan u li għalhekk ikopri kemm dawk il-korpi ta’ l-ilma li jintużaw għall-irfiegħ tal-ilma tax-xorb u anke dawk il-korpi li jintużaw esklussivament għat-tisqija. Infakkru wkoll li billi l-punti ta’ monitoraġġ ikopru wkoll areas ta’ dawn il-korpi tal-ilma li ma jintużawx għall-irfiegħ ta’ ilma tax-xorb; il-livell average ta’ nitrat fihom huwa għola mill-medja li joħrog mill- pumping stations tal-Water Services Corporation li huma f’lokalitajiet aktar ċentrali fil-korp tal-ilma. Fil-fatt il-livelli ta' nitrati identifikati jikkorrelataw b’mod qawwi mal-intensita tal-attività agrikola fiż-żona minn fejn issir l-estrazzjoni. Niġbed l-attenzjoni għall-fatt li skont l-esperti huwa kkalkulat li r-Residence Time (jiġifieri, iż-żmien li jieħu l-ilma tax-xita mill-ħin li jippenetra fl-art sakemm joħroġ mill-pjan tal-art) huwa bejn wieħed u ieħor 40 sena. Dan ifisser li llum qed naraw livelli riżultat ta’ dak li sar aktar minn erbgħin sena ilu fl-użu indiskriminat ta' fertilizzant, b'mod partikolari l-Urea li llum huwa llegali li timportah u wisq aktar li tużaħ. Ninforma l-ill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għas-sena 2010.

Ġbir ta' Organic Waste

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li jinġabar organic waste kull sena f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-lum l-uniċi żewġ frazzjonijiet ta’ skart organiku li jinġabru b’mod separat huma l-qtugħ tas-siġar (green waste) u l-injam. Fl-2010 l-WasteServ irċeviet madwar 9,000 tunnellata ta’ dan il-materjal b’mod separat. L-iskart organiku mid-djar għadu jinġabar imħallat ma’ materjali oħra fil-borża s-sewda.

Reġistru tar-raħħala li jrabbu l-fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix reġistru li jgħid kemm hemm raħħala li għandhom iktar minn 50 fenka?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jeżisti Reġistru kif imsemmi skont l-Avviż Legali 165 tal-2011 li jobbliga produtturi li għandhom aktar minn 50 fenka li jkun reġistrati taħt l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji, u għandhom jkunu konformi f’kull waqt ma’ provedimenti li jinħarġu minn żmien għal żmien mid-Dipartiment.

Regolamenti tal-Unjoni Ewropea rigward biċċerija tal-fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regola li tgħid li jekk raħħal jkollu iktar minn 50 fenka jrid jkollu biccerija tiegħu approvata mid-Dipartiment tal-Agrikultura? Jista' jgħid jekk dan ir-regolament huwiex regolament tal-Unjoni Ewropea jew huwiex regolament li ġie gwidat mid-Dipartiment tal-Agrikultura lokalment?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviż Legali 165 tal-2011 jobbliga li l-qatla isir f’ biċċerija approvata skont ir-Regolament tal-Kunsill 853/2004 tal-Kummissjoni Ewropea. Iżda dan ma jfissirx li l-biċċerija għandha bilfors tkun proprjeta tal-produttur jew li kull produttur għandu jkollu biċċerija. Ir-Regolament jeżiġi li kull ma jitqiegħed fis-suq ħieles irid ikun inqatel ġo biċċerija approvata skont ir-Regolament tal-Kunsill 853/2004. Il-livell stabbilit ta’ 50 fenka huwa frott tad-diskussjonijiet mal-Uffiċjali tal-Kummmissjoni Ewropea.

Biċċerija tal-fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk bidwi jistax jrabbi iktar minn 50 fenka, jipproduċi l-fniek u ma jkollux biċċerija tiegħu - u jekk ma jkollux biċċerija tiegħu allura x'servizzi jeżistu biex dan ir-raħħal jagħmel użu minnhom? Il-biċċerija eżistenti tipprovdi faċilitajiet lil dawn ir-raħħala li jridu jrabbu il-fniek?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28050, preżentement hemm diġà żewġ biċċeriji simili approvati konformi mar-Regolament tal-Kunsill 853/2004 tal-Kummissjoni Ewropea. Preżentement għaddejjin taħdidiet bejn dan il-Ministeru u l-Għaqda Produtturi Laħam tal-Fenek ta’ Malta biex ikun identifikat post minn fejn l-Għaqda tkun tista’ tiftaħ it-tielet biċċerija għall-użu tal-produtturi.

Regoli tal-Unjoni Ewropea rigward trobbija tal-fniek

Question

Jista' l-Ministru jgħid intgħazilx in-numru ta' 50 fenka biex jibdew japplikaw regoli partikolari għal min irabbi il-fniek u ma ntgħażilx numru ieħor ta' fenkiet li jista' jrabbi raħħal bħal ngħidu aħna 60/70/80/90/100 biex qabel ma dawn ir-regoli jkunu jistgħu jibdew japplikaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28050, il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi produzzjoni artiggjanali biss jekk dan jilħaq livell perċentwali ta’ ftit aktar minn dak li jista’ jkun ikkunsmat mill-istess produttur. Livell ta’ 50 fenka jirriżulta fi produzzjoni medja ta’ 2,000 fenek fis-sena; jiġifieri produzzjoni medja ta’ madwar 40 fenek fil-ġimgħa. Għalhekk il-limitu stabbilit ma setgħax ikun għola minn 50 fenka.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti mogħtija fl-ewwel disa' xhur ta’ din is-sena lill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament? Jista' jgħid fiex kien jikkonsisti kull kuntratt? Minn min ingħata u jekk ingħatax wara sejħa għall-offerti jew b'direct order? Jista' jgħid x'kien il-ħlas mogħti għal kull kuntratt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-perjodu msemmi, m'ingħata l-ebda kuntratt lill-kumpaniji msemmija.

MRA — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li għandu l-konsulent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, mal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Affarijiet Rurali? Jista' jagħti d-dettalji tal-benefiċċji kemm finanzjarji u oħrajn bħal użu tal-mobile, telephone, karozza, fuel allowance, użu ta' laptopseċċ.? X'inhu r-rwol eżatt ta' dan il-konsulent u kemm qiegħed jaħdem sigħat fil-ġimgħa? Jista' jgħid jekk żdiedulux jew tnaqqsulux xi benefiċċji minn mindu spiċċa minn direttur ġenerali u nħatar konsulent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Konsulent li dwaru saret din il-mistoqsija parlamentari qiegħed fuq kuntratt ta’ sena fuq bażi ta’ 25 siegħa fil-ġimgħa u jitħallas salarju ta’ €18,226 fis-sena (pro-rata ta’ Skala 4). Dan il-Konsulent hu ntitolat għal car cash allowance ta’ €3,440 fis-sena u ħlas ta’ mobile. Bħall-konsulenti oħra, hu jagħmel użu ta’ laptop flok desktop computer. Huwa jagħti konsulenza rigward l-Introduzzjoni u l-Implimentazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Bini u jaqdi dmirijiet ta’ Projects Leader tal-Flood Relief Storm Water Project. Dawn il-kondizzjonijiet huma inqas minn dawk applikabbli għall-grad ta’ Direttur

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xogħol lil kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-kumpaniji li ngħataw xogħol li jaqbeż l-€10,000 mill-Ministeru u/jew entitajiet li jaqgħu taħtu matul is-sena 2010 sal-lum? F'kull każ, jista' jgħid kemm huwa l-valur involut? Jista' jgħid ukoll għal kull każ jekk hux kuntratt jew direct orders? Meta ngħata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.