Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għassa tal-Mellieħa — karozzi

Question

Wara li għal numru ta’ ġimgħat (tal-inqas tliet ġimgħat) matul ix-xahar ta’ Ottubru, l-Għassa tal-Mellieħa spiċċat bla karozza u dan ħoloq inkonvenjent għall-pulizija sabiex jaqdu d-doveri tagħhom kif inhu sewwa u xieraq, jista’ l-Ministru jara kif jista’ jirrimedja din is-sitwazzjoni u jara li f’każijiet simili fil-futur, dan id-dewmien ma jerġax iseħħ?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-vettura li tintuża mill-Għassa tal-Mellieħa, reġgħet ġiet irritornata fid-distrett wara li sarulha t-tiswijiet meħtieġa, fid-9 ta' Novembru 2017, malli l-parts li kienu meħtieġa għat-tiswija tagħha waslu. Infurmat illi matul il-perjodu li fiha kienet qed tissewwa l-vettura, dan id-Diviżjon kien jagħmel użu minn vetturi allokati lill-Għassa tal-Qawra. F'sitwazzjonijiet bħal dawn, it-Taqsima fil-Korp responsabbli għat-tiswijiet ta' vetturi, tagħmel minn kollox biex vetturi bil-ħsara jitlestew bla dewmien, anke meta hemm ammont kbir ta' vetturi li jintużaw mill-Korp, u tagħmel dak kollu possibli biex tara li jkun hemm vetturi spare għall-użu f'każ ta' ħsarat ta' vetturi oħra tas-servizz.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — postijiet mhux aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ dawk il-postijiet fl-entitajiet/dipartimenti fid-dekasteru tiegħu li għadhom mhumiex kompletament aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità? Għal kull każ, jista’ jgħid fejn hu l-post u x’qed isir biex dan isir aċċessibbli?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija — Distrett ta’ Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Kappara – vetturi tal-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fid-distrett li jkopri Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Kappara, il-pulizija għandhom vettura waħda biss li taħdem? Jista’ jgħid kemm il-vetturi hemm bil-ħsara? X’passi se jittieħdu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fid-distretti li jkopru Tas-Sliema, San Ġiljan u l-Kappara, li huma Distretti 6 u 6A, il-pulizija għandhom seba’ (7) vetturi minn tmienja li qegħdin jaħdmu. Dwar il-vettura li hemm bil-ħsara din tittranġa ġaladaba jaslu l-parts meħtieġa, u dan hu fil-futur qrib.

Triq it-Tempesta (Qrendi) u Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija (Imqabba) – ilmenti fuq overspeeding

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lill-Kamra jekk hux qed isiru spezzjonijiet minħabba lmenti dwar każijiet regolari ta’ overspeeding fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi u fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi wara l-ilmenti li rċeviet il-Pulizija dwar każijiet ta’ overspeeding fi Triq it-Tempesta fil-Qrendi u fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija fl-Imqabba, qed isiru spezzjonijiet regolari biex dawn l-abbużi jiġu eliminati. Fil-fatt diġà nħarġu numru ta' Traffic Offence Tickets, riżultat ta' dawn l-ispezzjonijiet fl-istess toroq.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – priġunieri li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li jbatu bi problemi ta’ saħħa mentali? X’kura psikjatrika qed jirċievu dawn il-priġunieri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin hawn 196 priġunier li għandhom problemi relatati ma’ saħħa mentali. 41 minn dawn il-priġuniera, li ġew ċertifikati li jeħtieġ jirċievu kura f’faċilità psikjatrika, jinsabu fit-taqsima tal-Forensic Unit f’Monte Carmeli. 155 priġunier, li jinsabu fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, qegħdin fuq trattament psikjatriku taħt il-kura tal-Konsulenti Psikjatriċi tal-Faċilità. Darbtejn fil-ġimgħa fil-Faċilità jsiru viżti mill-Psikajtra u/jew mit-tim ta’ tobba tagħhom fejn kull darba jsir review ta’ numru ta’ priġuniera. Kuljum fil-Faċilità jkun hawn il-preżenza ta’ tabib mediku u f’każ li tkun meħtieġa l-assistenza psikjatrika, issir referral immedjata għall-Forensic Unit u l-priġunier ikun trasferit mal-mument tar-referral.

Abbużi fuq anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrapurtati każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani lill-pulizija fis-sena 2015 u fis-sena 2016 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi peress li s-sistema kompjuterizzata tal-pulizija ma tinkludix kategorija speċifika għal reati relatati ma’ abbuż fuq persuni anzjani, imma t-tip ta' reati imwettqa, l-informazzjoni li setghet tinġabar fiċ-ċirkustanzi kien in-numru ta' rapporti li saru mal-pulizija, kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Din tkopri reati relatati ma’ abbużi li jinvolvu persuni ta' sittin sena jew aktar, li kienu vittmi, tar-reati kif indikati fit-tabella. Rapporti li jinvolvu vittma/i ta’ età 60 sena jew aktar Tip ta' Rapport 2015 2016 2017 (sa Ottubru) Feriti fuq il-persuna 91 86 52 Vjolenza Domestika 103 113 101 Serq b'armi 8 3 4 Mugging 17 5 6 Snatch & Grab 56 100 37 Total 275 307 200

Forzi Armati ta’ Malta – operazzjoni ta’ salvataġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ saru fuq il-baħar minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta fejn matulhom ġew salvati nies fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2228, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li l-FAM wetqet operazzjonijiet ta’ salvataġġ u salvat persuni kif elenkat: Sena Operazzjonijiet ta’ salvataġġ Persuni salvati 2013 76 1854 2014 34 602 2015 48 1273 2016 57 1251 2017 (sa 7.11.17) 42 732 Total 257 5712

Korp tal-Pulizija – operazzjoni ta’ salvataġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il operazzjoni ta’ salvataġġ kien hemm li kienet tinvolvi membri tal-Korp tal-Pulizija fejn matulhom ġew salvati nies fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm ġew salvati nies f’dawn l-operazzjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

'Ninsab infurmat illi ma tinżammx statistika elettronika dwar "operazzjonijiet ta’ salvataġġ" li involvew membri tal-Korp tal-Pulizija fejn ġew salvati nies fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017. Madankollu verifiki manwali juru illi f'dan il-perjodu, il-Pulizija "taw assistenza" lil diversi persuni li konsegwentement ġew salvati jew tnaqqset il-ħsara li setgħet saritilhom. Dan ġara l-aktar f'każijiet bħal attentati ta' suwiċidju fejn il-persuni kkonċernati ġew imwaqqfa, konsegwenza ta' negozjar ma’ membri tal-Korp, oħrajn ġew megħjuna wara inċidenti tat-traffiku jew inċidenti oħra fejn l-azzjoni tal-pulizija evitat illi l-inċidenti kienu fatali, ħafna drabi flimkien ma’ aġenziji oħra, bħal timijiet mediċi jew dawk tal-Protezzjoni Ċivili, fost ċirkostanzi oħra. L-ammont ta' dawn il-każi kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt'. 2013 2014 2015 2016 2017 Sa Ottubru Drabi li l-pulizija assistew 81 133 123 117 53 Persuni salvati 84 138 143* 133 53 *Ammont ta' nies assistiti f'każ minn din is-sena mhux magħruf

Talbiet għall-għajnuna lill-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kien hemm lill-Protezzjoni Ċivili għall-għajnuna fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jgħid x’kienu t-talbiet għall-għajnuna? Jista’ jgħid, fejn applikabbli, kemm ġew salvati nies?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma jżommx statistika ta’ kemm ġew salvati nies. Lista’ ta’ każijiet li għalihom intalbet l-għajnuna qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Peress li l-istatistika tinżamm kull 3 xhur, l-informazzjoni mitluba tkopri sal-aħħar ta’ Settembru 2017. 2013 2014 2015 2016 2017 sa Settembru 5122 4843 5084 4840 4440

Persuni li ttelgħu l-Qorti fuq drink driving

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-Qorti fuq drink driving fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija f’Malta u f’Għawdex b’mod separat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u sa Ottubru 2017, l-ammont ta' persuni li ttellgħu l-Qorti fuq drink driving f’Malta u f’Għawdex kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. 2013 2014 2015 2016 2017 sal-aħħar ta’ Ottubru Malta 180 213 183 190 177 Gozo 6 6 5 13 4

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — ħaddiema li kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 96 u jagħti informazzjoni ta’ kemm ħaddiema li jaħdmu fid-dipartimenti u fl-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi, kellhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom mibdul? Partikularment kemm-il ħaddiem kien fuq kuntratt definit li nbidel għal kuntratt indefinit u kemm-il ħaddiem kien impjegat fuq bażi part-time li nbidel għal wieħed full-time fil-perjodu bejn l-1 ta' Mejju 2017 u t-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma kien hemm l-ebda persuna li l-kuntratt tagħha ġie maqlub minn wieħed definit għal ieħor indefinit fi żmien indikat. Kien hemm persuna waħda li minn partajmer inqalbet fultajmer fil-perjodu inkwistjoni.

Uffiċjali tal-Forzi Armati ta’ Malta – Responsibility Allowance

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi r-Responsibility Allowance li titħallas lil xi fizzjali fil-Forzi Armati ta’ Malta u jelenka dettaljatament kemm hu l-ħlas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-imsemmija allowance tvarja bejn ħamsa fil-mija u għaxra fil-mija tal-paga bażika.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin — Rapport ta’ due diligence

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull rapport ta' due diligence li sar fuq il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, qabel ma’ din ingħatat direct order ta' €1 miljun u iktar minnu, għal sistema ta' IT fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm ‘due diligence’ skont it-termini finanzjarji ma kienx obbligatorju għal raġunijiet li din kienet direct order u mhux tender, kif ukoll għaliex l-ewwel proċedura nnegozjata (negotiated procedure) fl-2015 kienet ta’ inqas minn €500,000, minkejja dan, il-kumpanija xorta ġiet mitluba tissottometti d-dokumenti meħtieġa meta dawn in-negozjati ġew estiżi fl-2016 biex b’hekk l-ammont totali sar €880,000. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm due diligence skont it-termini finanzjarji ma kienx obbligatorju għal raġunijiet li din kienet direct order u mhux tender, kif ukoll għax l-ewwel proċedura nnegozjata ( negotiated procedure ) fl-2015 kienet ta’ inqas minn €500,000, xorta nħasset il-ħtieġa li jiġu sottomessi dokumenti meħtieġa meta dawn in-negozjati ġew estiżi fl-2016 biex b’hekk l-ammont totali sar €880,000. Irid jiġi ppreċiżat li fil-bidu tal-2016, it-tibdil intern u l-pjani ta’ Direttur ġdid kellhom effett drastiku fuq il-ħtiġijiet għas-sistema tan- network . Dawn kienu jinkludu: • aktar network f’żoni li ma kinux koperti bl-ewwel kuntratt; • preparazzjoni ta’ network għall-installazzjoni tas-sistema ta’ CCTV; • ċaqliq tan- network cabinets • xogħol komplut fuq Local Area Network fl-Isptar Monte Karmeli – Forensika; u • xogħol komplut fuq Local Area Network fil-Y.O.U.R.S. fl-Imtaħleb, fost oħrajn.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — sponsorships

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 81 u jagħti lista ta' sponsorships li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jifformaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta' Mejju sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fil-każ tal-Korp tal-Pulizija kien hemm sitt uffiċjali li ngħataw sponsorship biex jattendu kors part time fuq bażi ta' darbtejn fil-ġimgħa għall-BA (Hons) Public Administration, skont il-Kontenut ta' Ċirkulari tal-OPM li ġġib in-numru 7/2017. Barra minn dan, spettur ingħata scholarship tas-Cepol biex jattendi Master of Arts in Policing fil-perjodu 2017-2019, fejn matul dawn is-sentejn ikun meħtieġ jattendi barra minn Malta għal erba’ jew ħames darbiet għal perjodu ta' ġimgħa kull darba.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – konsulenzi minn individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi entità fid-dekasteru tiegħu tatx xogħol legali jew talbitx konsulenzi mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jew id-ditta legali tiegħu, minn Mejju 2003 sa Frar 2008 u minn Marzu 2008 sa Frar 2013? Jekk iva, meta? Liema entità kienet/hija, u kemm kien/hu l-valur/ħlas tax-xogħol imsemmi sena b’sena? Ix-xogħol ingħata b’tender jew inkella b’direct order?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma ngħata l-ebda xogħol legali u lanqas intalbet konsulenza mill-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, fil-perjodu msemmi.

Kummissarju tal-Pulizija, Deputati Kummissarji, Chief Executive tal-Korp u konsulent – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettaljatament il-pakkett finanzjarju sħiħ, inkluż il-paga u l-perkaċċi tal-Kummissarju tal-Pulizija, tad-Deputati Kummissarji, taċ-Chief Executive tal-Korp u tal-konsulent li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-pakkett finanzjarju tal-Kummissarju tal-Pulizija, id-Deputati u Konsulent li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, huwa l-istess pakkett li jgawdu uffiċjali tal-Gvern li għandhom headship position. Dwar is-CEO dan hu kif ġie spjegat fiċ-Ċirkolari li għaliha kien applika is-CEO eżistenti.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġie stallat fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin wara Marzu 2013? X'proċedura ntużat u kemm intefaq f'kull każ u min għamel ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fil-perjodu msemmi ma ġie nstallat ebda lift fil-Facilita’ Korretiva ta’ Kordin

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 66 u jagħti lista tad-direct orders li ngħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jiffurmaw parti mill-Ministeru li jmexxi u dan għall-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — ħaddiema b'diżabilità - ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk matul din is-sena kienx hemm ilmenti (kemm jekk huma ilmenti ġodda jew fis-seħħ mis-snin preċedenti) minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom? Jekk iva, jista’ jagħti n-numri għal kull dipartiment/entità (mingħajr ma jsemmi l-ismijiet tal-persuni)?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul din is-sena ma kien hemm l-ebda tip ta’ ilment minn ħaddiema b’diżabilità li ma jkunux jistgħu jwettqu x-xogħol mogħti lilhom minħabba l-limitazzjoni imposti mid-diżabilità tagħhom.

Persuni mressqa l-Qorti akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta’ dmirijiethom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fl-2013, fl-2014, fl-2015, fl-2016 u fl-2017 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom, sena b’sena b’mod separat? Kemm minn dawn instabu ħatja mill-Qorti? X'pieni ngħataw dawn il-persuni li nstabu ħatja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi wara li saru l-verifiki neċessarji dwar persuni li ġew akkużati li ħebbew u attakkaw membri tal-Korp tal-Pulizija waqt il-qadi ta' dmirijiethom fis-snin 2013, 2014, 2015, 2016 u sa Settembru 2017, irriżulta illi l-ammonti f'dan il-perjodu kienu kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Hemm diversi każi li għadhom sub judice però minn dawk li nstabu xi wħud mill-pieni li ngħataw kienu jinkludu priġunerija, multi, probation, twiddib u ċanfira u sentenzi sospiżi. 2013 2014 2015 2016 2017 Sa Settembru Total Persuni li tressqu l-Qorti wara li attakkaw u ħebbew għall-Membri tal Pulizija 83 83 70 58 57 351 Persuni li nstabu ħatja 67 56 48 32 16 219