Ħaż-Żebbuġ — resurfacing ta' toroq fiż-żona ta' Ħal Mula
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta beda x-xogħol ta' resurfacing ta' toroq fiż-żona magħrufa bħala Ħal Mula f'Ħaż-Żebbuġ Malta? Jista' jgħid meta dan ix-xogħol kien skedat li jitlesta? Jista' jagħti r-raġuni għaliex ix-xogħol ilu tant wieqaf b'inkonvenjent kbir għar-residenti taż-żona? Jista' jgħid x'azzjoni ħa jew qed jieħu l-kunsill lokali ta' Ħaż-Żebbuġ fil-konfront tal-kuntrattur ikkonċernat? Jista' jgħid jekk il-kuntrattur għandux penali minħabba dewmien, kemm huma l-penali u jekk dawn il-penali hux qed jiġu nfurzati? Jista' jinforma l-Kamra dwar jekk hemmx pjan ta' kontinġenza u jekk ittieħdetx deċiżjoni jekk ix-xogħol hux se jitkompla mill-istess kuntrattur jew le? Hemm data definita ta' meta x-xogħol se jitlesta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li peress li l-proġett in kwistjoni ma jaqax taħt ir-responsabbiltà ta' Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Mosta — żona ta' Sriedaq - servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34060 u jinvestiga jekk hux possibbli li f'Triq il-Kbira għall-komunità li tgħix f'żona magħrufa ta' Sriedaq fil-Mosta, ikollhom is-servizz ta' bus shelter li tagħti kenn lil dawk li jużaw it-trasport pubbliku li jgħaddu minn dawk l-inħawi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Mosta — Triq Patri Ġużè Delia S.J. - triq li trid titranġa
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 34203, jista' l-Ministru jara x'jista' jsir minħabba l-possibilità ta' inċident li jinvolvi l-karozza tal-lina X3 peress li s-sigurezza tal-karozzi tal-linja huma fil-fatt responsabilità ta' Transport Malta?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jieħu ħsieb jara li l-bankina fejn it-traffic lights ħdejn iċ-Ċimiterju ta’ Ħal Lija tkun verament aċċessibli għan-nies li jkunu qed jużaw wheelchair, peress li bħalissa din il-bankina hija għolja wisq għal dawn in-nies u hi ta’ inkonvenjent ghalihom?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt dan is-suġġeriment lil Transport Malta.
Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal — nefqa fuq il-proġett
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum? Minn fejn ġew finanzjati? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid f'liema stadju wasal kull wieħed minn dawn il-proġetti? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet humiex on schedule?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sa Frar 2012 l-ispiża totali tal-proġetti in kwistjoni kienet ta’ €29,306,655 maqsuma kif ġej:
€1,485,112 għal Bieb il-Belt;
€12,960,721 għal Bini tal-Parlament il-Ġdid; u
€1,445,977 għat-Teatru u l-Pjazza
u spejjeż ġenerali għall-proġetti kollha ta’ €13,414,845.
Dawn l-ispejjeż kienu ffinanzjati mill-Grand Harbour Regeneration Corporation. Il-progress fuq kull proġett huwa kif ippjanat u wasal fl-istadju li se ngħid.
Dwar Bieb il-Belt, dan qiegħed fi stadju ta’ kostruzzjoni;
Dwar il-Parlament, jien infurmat li dik magħrufa bħala s-superstructure kważi tlestiet filwaqt li nbdew ix-xogħlijiet fuq stallazzjonijiet mekkaniċi, elettriku u ilma. Ix-xogħlijiet fuq il-qoxra ta’ barra nbdew ukoll. Il-kuntratt għal xogħol ta’ finishes ingħata wkoll u l-kuntrattur mistenni jibda dalwaqt.
Dwar it-Teatru, ix-xogħlijiet fuq il-backstage mexjin skond il-pjan bl-art mistennija tkun lesta sa nofs Mejju. Ix-xogħlijiet fuq il-pedamenti tat-teatru nnifsu mexjin ukoll u huwa mistenni li l-ewwel xogħol tal-istruttura tal-ħadid jibda fil-bidu ta’ Mejju.
Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal — kuntratturi u konsulenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi/konsulenti li tħallsu fuq il-proġett ta' Bieb il-Belt, il-Parlament u t-Teatru Rjal u kemm tħallsu b'mod separat sal-lum?
Response (GATT, AUSTIN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Pjanijiet għat-tibdil tal-post minflokk is Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuwa l-pjan fejn qabel kien hemm ix-Ship Building fil-Marsa u Raħal Ġdid? Jista' jgħid jekk il-gvern kellux xi laqgħat biex din l-art tinbidel għal skop ieħor? Jekk fl-affermattiv x'kienu l-laqgħat? Jekk qatt ma saru laqgħat, jista' jgħid jekk hemmx xi pjan għal din l-area? Jista' jgħid jekk hemmx xi pjanijiet għal Sir Paul Boffa Avenue? Jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ssir xi flyover? Hemm il-ħsieb li jsir pjan biex jonqos it-traffiku?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsiru lqugħ fuq il-pontijiet li hawn fit-toroq madwar Malta u Għawdex, sabiex ikun hemm is-sigurtà meħtieġa għas-sewwieqa li jkunu għaddejjin minn taħt dawn il-pontijiet u dan sabiex jiġu evitati inċidenti li jistgħu jkunu fatali?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Żejtun — Ġebel San Martin - servizz tat-trasport pubbliku
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi tibdil mill-kumpannija Arriva ħalli ż-żona ta' Ġebel San Martin fiż-Żejtun tiġi moqdija kif kien isir fil-passat? Jekk iva, x'tibdil seħħ u jekk le ghaliex hemm din ir-reżistenza ħalli dawn in-nies għallanqas jieħdu l-istess servizz li kellhom qabel u forsi aħjar ukoll?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mis-27 ta’ Mejju 2012, se tiġi emendata ir-Rotta 84 sabiex tibda tipprovdi servizz lir-residenti ta’ Ġebel San Martin. Infurmat ukoll li se tiġi emendata l-frekwenza ta’ din ir-rotta fejn minn kull 60 minuta l-frekwenza se tiġi għal kull 30 minuta.
B'referenza għall-ittra mill Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern tat-18 ta' Settembru 2008 li referenza tagħha qed tintbgħat separatament, jista' l-Minsitru jgħid x’azzjoni ħadet Transport Malta billi l-korrispondenza kienet ġiet mghoddijja lilhom mid-Director Estate Management Department of Government Property Division?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara jekk Transport Malta tistax tinvestiga aktar fil-fond possibilitajiet aktar prattiċi li permezz tagħhom residenti fit-triqat (naħa ta’ fuq) Triq it-Torri, Triq Dinjonisju Famucelli kif ukoll Triq Mons. Innocenz Zammit fis-Swatar, ikunu jistgħu jaqsmu għan-naħa l-oħra ta’ ħdejn l-Università mingħajr perikli kif ukoll biex jinstab mezz biex huma jkunu jistgħu jsuqu l-karrozzi tagħhom lejn l-istess direzzjoni mingħajr ma jirrikorru għar-rotta twila u t-tidwir bla bżonn kif qed jiġri fil-preżent?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm underpass sabiex il-pedonali jaqsmu min-naħa tas-Swater għan-naħa tal-Università fejn underpass hija meqjusa bħala l-aktar mod sikur biex taqsam it-triq. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara l-mistoqsija tiegħu u jinforma lejn liema direzzjoni qed jitlob li jistgħu jsuqu l-karozzi.
Mellieħa — sinjali tat-triq ħdejn il-lukanda Seabank
Question
Peress li minn ħdejn il-lukanda Seabank, il-Mellieħa mhemmx sinjali biex jigwidaw lis-sewwieqa li jkunu ġejjin mal-vapur ta' Għawdex; peress li t-triq prinċipali għal Mellieħa tinsab magħluqa u peress li dan in-nuqqas ta' senjaletika qed ikun ta' inkonvenjent għas-sewwieqa u anke qed ikun kaġun ta' perikolu għalihom, jista' l-Ministru jara li jkun hemm senjaletika opportuna u adegewata?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-pjan tal-immaniġġjar tat-traffiku, fiż-żona msemmija ġew installati numru ta’ tabelli adekwati li juru d-direzzjoni lis-sewwieqa.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-rotta X6 se titneħħa u dan a detriment ta' diversi Għawdxin li kienu jużaw din ir-rotta speċjalment fil-peak hours?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li għalkemm ir-rotta X6 sejra titneħħa mis-27 ta' Mejju, minflokha se tiġi introdotta rotta ġdida bin-numru 42 li se tgħaddi mill-istess rotta kif tagħmel ir-Rotta X6 illum, bid-differenza li minflok tgħaddi mill-bypass ta' San Pawl il-Baħar se tgħaddi minn Triq Parades, Triq San Pawl u Triq il-Mosta ġewwa San Pawl il-Baħar. Dan qed isir biex tiġi imtejba l-iskeda tal-vjaġġi bejn iċ-Ċirkewwa u l-Belt Valletta.
In vista tax-xogħlijiet li qed isiru fiċ-Ċirkewwa, in vista tal-fatt li ħafna Għawdxin iħallu l-vetturi tagħhom fl-inħawi taċ-Ċirkewwa biex itaffu ftit mill-ispejjeż tat-trasport li għandhom ta' kuljum u in vista tal-fatt li l-ispazju għall-parkeġġ naqas drastikament u ħafna Għawdxin qed ilaqtu ħafna ċitazzjonijiet, jista' l-Ministru jara kif għandu jiġi mħolli spazzju għal parkeġġ għal dan il-għan?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Transport Malta hi konxja mill-fatt li sakemm jitlestew ix-xogħlijiet fuq it-terminal taċ-Ċirkewwa, il-pubbliku, speċjalment l-Għawdxin li jħallu il-karozzi tagħhom ipparkjati ċ-Ċirkewwa, qed jesperjenzaw inkonvenjent, u qed isir sforz sabiex ix-xogħlijiet jitħaffu u b'hekk il-perjodu ta' nkonvenjenza jkun jista' jiqsar.
Is-sitwazzjoni tal-parkeġġ se tkun l-agħar minn Mejju sa Ġunju meta ix-xogħlijiet fuq it-
terminal
innifsu u fuq it-toroq lejn u l’barra mit-terminal se jkunu fl-aqwa tagħhom. Ftit ftit l-
areas
affetwati se jibdew jonqsu u l-postijiet ta' parkeġġ jibdew jiżdiedu.
Transport Malta qiegħda wkoll tikkordina internament bejn il-proġett tat-terminal u dak tat-triq ħalli, kemm jista’ jkun possibli, jiġu liberati spazji għall-parkeġġ, filwaqt li x-xogħlijiet ikunu wkoll jistgħu jipproċedu mingħajr interruzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-karozzi li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku ma ġewx skrapjati u kemm minnhom ġew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-508 li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku f’Malta, n-numru ta’ vetturi li ġew skrapjati jammonta għal 165. Mill-ammont ta’ 343 vettura li ma ġewx skrapjati, dawn huma hekk kif ġej:
· 75 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali;
· 3 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali bħala
vintage buses
fuq ir-rotot tat-trasport għat-turisti skont il-PTSR L.S 499.56;
· 127 ġew mgħoddija lill-Heritage Malta;
· 118 ġew mixtrija mill-kumpanija Arriva Malta Ltd;
· 1 ġiet miżmuma minn Transport Malta għal raġunijiet ta’ taħriġ;
· 8 ġew mixtrija minn entitajiet governattivi;
· 1 ġiet mgħoddija lill-Malta Red Cross;
· 10 għadhom għand is-sid oriġinali minħabba raġunijiet legali jew bejn terzi persuni.
Mit-78 karozzi tal-linja li kienu joperaw għat-trasport pubbliku ġewwa Għawdex, minnhom ġew skrapjati 3. Il-75 l-oħra huma hekk kif ġej:
· 64 għandhom liċenzja mġedda;
· 8 ġew garaxxjati;
· 1 m’għandux il-liċenzja mħallsa;
· 2 għadhom miżmumin minħabba raġunijiet legali.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi upgraded il-bus shelter li hemm fil-qalba tal-area residenzjali f'Ħal Farruġ - Ħal Luqa, jiġifieri qrib il-kappella, u dan sabiex ikun anqas perikoluż għal min jagħmel użu minnu, u dan peress li l-bank li hemm huwa magħmul minn saratizzi skaldati?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li Transport Malta ħadet nota ta’ dan il-bus shelter sabiex tara x’hemm bżonn isir u sabiex jitwettaq dan ix-xogħol aktar tard din is-sena.
Ċirkewwa — distanza teila bejn il-vapur sal-karozza tal-linja
Question
Peress li qed ikun hemm ilmenti minn diversi anzjani li meta l-vapur qed jitrakka fis-south quay taċ-Ċirkewwa qed ikollhom distanza twila mill-vapur sal-karozza tal-linja u anke kull min għandu problema ta' mobilità qed ikollu dawn id-diffikultajiet kbar kollha, jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-użu tas-South Quay fil-preżent huwa ta’ natura temporanja. Fil-preżent dan il-moll qed jintuża’ minħabba raġunijiet ta' saħħa u sigurta` sakemm jitlestew ċertu xogħlijiet li għaddejin fuq it-terminal prinċipali. Dawn ix-xogħlijiet huma mistennija li jitlestew sal-aħħar ta' Ġunju 2012.
Infurmat ukoll li Transport Malta qed tinvestiga kull possibbilta` sabiex tkun tista’ tnaqqas l-inkonvenjent għall-pubbliku li juża dawn il-faċilitajiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Pawlu Micallef ġewwa l-Fgura tinbeniex u tiġi mogħtija t-tarmac ukoll? Jekk iva, meta huwa maħsub li dan isir?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru 31257 fejn hemm spjegat il-proċedura wżata qabel tittieħed deċizjoni biex tinbena triq. Għalhekk waqt is-survey li se jsir dalwaqt, tkun tista’ tittieħed deċiżjoni dwar din it-triq.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' parkers li huma liċenzjati biex jagħmulha ta' parkers f'Malta u f'Għawdex? F'liema lokalitajiet hemm parkers li huma awtorizzati biex jagħmlu dan it-tip ta' xogħol? Kemm huma r-rati li jridu jitolbu lil dawn il-parkers (car park attendants)?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li hemm 58 car park attendants li għandhom liċenza maħruġa minn Transport Malta. Wieħed minn dawn huwa assenjat f’parkeġġ tal-karozzi skedat f’Għawdex. M’hemm l-ebda rata ta’ ħlas li għandha jew li tista’ tintalab minn dawn il-car park attendants, iżda dawn għandhom permess li jżommu kull gratifikazzjoni li jistgħu jirċievu mingħand sewwieqa li jużaw il-parkeġġi skedati.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ parkeġġi skedati .