Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – Segretarju Permanenti – pakkett finanzjarju u kwalifiki akkademiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’pakkett finanzjarju għandu s-Segretarju Permanenti tiegħu? Il-pakkett finanzjarju jinkludi allowances u perkaċċi oħra? Jista’ jgħid ukoll xi kwalifiki akkademiċi għandu s-Segretarju Permanenti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni hi diġà pubblika. Din tinstab fl-Estimi Finanzjarji tal-2022, li tpoġġew diġà fuq il-Mejda tal-Kamra fl-aħħar leġizlatura, u fuq is-sit uffiċjali tas-Servizz Pubbliku. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-bijografija tas-Segretarju Permamenti fi ħdan il-Ministeru.

Proġetti ta’ djar affordabbli

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1999, jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, akkwistat mingħand il-Gvern, plots fil-Qrendi sabiex isiru proġetti ta' djar affordabbli? Jista' jippreżenta tabella li turi f'liema stadju dawn qegħdin, kemm se jkun hemm units, garaxxijiet u tipi oħra ta' binjiet fuq kull plot u jekk hemmx problemi legali u jekk hemm, tingħata deskrizzjoni bażika tal-problemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proġett imsemmi minnu hu parti minn pjan akbar li dan il-Gvern qed iwettaq biex ikompli jgħin lil dawk li l-aktar jeħtieġu billi se jingħataw 1,700 post ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali. Il-kwistjoni legali li qamet hi marbuta ma’ talba minn sid tal-proprjetà maġenb il-proprjetà li qed tiġi żviluppata minn Malita rigward il-ħajt diviżorju u t-titolu tal-proprjetà. Malita għamlet ukoll l-argumenti legali tagħha u bħalissa għaddej proċess ta’ analisi legali u tal-kuntratti, kif wieħed li jistenna li jsir f’ċirkostanzi hekk.

Marsaskala — popolazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jindika l-aħħar statistika li għandu dwar in-numru ta’ residenti li jgħixu fil-lokalità ta’ Marsaskala u l-etajiet tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar estimi tal-popolazzjoni ta’ Marsaskala, li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika għandu, hi dik sal-31 ta’ Diċembru 2020. Il-popolazzjoni ta’ Marsaskala hija stmata għal 15,579, li minnhom 7,239 nisa u 8,340 irġiel.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — persuni li jaħdmu bir-remote working

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu permezz ta’ remote working (teleworking), mal-Ministeru konċernat, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CARUANA, CLYDE)

L-Onorevoli interpellant għandu jkun jaf li hemm differenza bejn remote working u teleworking. Minkejja dan, ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Mejju kien hemm 1,067 ħaddiem fuq telework u 112 fuq remote working fil-Ministeru, inkluz l-entitajiet u d-dipartimenti taħtu.

Importazzjoni ta’ siment – EU Customs Tariff Codes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie importat siment, x'kienu l-EU Customs Tariff Codes użati u kemm tħallas dazju fuqu, sena b'sena, mill-2011 sal-2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Importazzjoni ta’ ramel u żrar – EU Customs Tariff Codes

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema materja prima li eventwalment tintuża għall-kostruzzjoni, bħal ramel u żrar, ġiet importata, sena b'sena, mill-2011 sal-2021, x'kienu l-EU Customs Tariff Codes użati, x'kienu l-kwantitajiet minn kull tip u kemm tħallas dazju fuqha?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Produzzjoni fil-Kostruzzjoni — data

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet jew x'inhi r-raġuni li minn Ottubru 2021, Malta ma baqgħetx tissottometti data dwar il-produzzjoni fil-kostruzzjoni għal fini ta' statistika tal-Eurostat? Jekk din id-data ġiet miġbura, tista' d-data u l-analiżi tagħha tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk din id-data ma ġietx miġbura, x'inhu l-effett fuq statistika oħra inkluż dik relatata mal-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) jissottometti data lil Eurostat dwar il-produzzjoni fil-kostruzzjoni kull kwart (tlett xhur) tas-sena u mhux kull xahar. Dan peress li l-European Business Statistics Regulation 2019/2152 ma tirrikjedix li pajjiżi zgħar bħal Malta jibgħatu data kull xahar iżda kull kwart tas-sena. Id-data tintbgħat sittin ġurnata wara li jingħalaq it-tali perjodu. Fil-fatt, l-aħħar statistika ppublikata minn Eurostat (ara d-dokument Papers Laid ‘A’ - Eurostat 71_2022 li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra) fuq dan l-indikatur, tagħmel referenza għal dan ir-Regolament. Kif ukoll jidher fid-dokument, diversi pajjizi oħra jissottomettu data kull kwart tas-sena u mhux kull xahar. Rigward il-mistoqsija dwar il-kontribut li din l-industrija tagħti lill-ekonomija, ara d-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra Papers Laid ‘B’ - NR 095_2022. Għal aktar informazzjoni rigward din il-mistoqsija, in-National Accounts Production Unit fi ħdan l-NSO tist’ tiġi kkonsultata.

Air Malta — impjegati

Question

Peress li diversi impjegati tal-Air Malta jinsabu mħassba serjament dwar il-futur tagħhom fi żmien diffiċli ħafna, speċjalment meta l-għoli tal-ħajja qed jiżdied kif intqal mill-Ministru stess, u peress li l-iskadenza tagħhom biex jiġu trasferiti hija t-12 ta' Awwissu 2022, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex din il-bidla titlesta b'suċċess?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant il-proċess biex jiġu trasferiti il-ħaddiema li applikaw taħt l-Iskema ta’ Trasferiment tal-Impjegati Volontarji (VETS) huwa maqsum fi tnejn. Fl-ewwel fazi qed jiġu trasferiti ħaddiema li jagħmlu parti mid-dipartimenti amministrattivi tal-kumpanija filwaqt li fit-tieni fazi ser jiġu trasferiti il-ħaddiema tal- ground u passenger handling. Il-proċess miexi skond pjan sabiex il-kumpanija ma ġġarabx tfixkil fl-operat tagħha f’dawn ix-xhur meta il-kumpanija qiegħdha tesperjenza zieda qawwijja fil-bookings. Barra minnhekk peres illi il-kumpnaija aċċettat l-applikazzjoinijiet kollha tal-ħaddiema li applikaw ghall-VETS jinħtieġ li minħabba regolamenti tal-avajazjoni ċertu postijiet iridu bil-fors jimtlew minn ħaddiema ġodda qabel mal-kumpanija tkun tista’ tirrilaxxja il-ħaddiema ezistenti.

Air Malta — trasferimenti ta' impjegati

Question

Peress li l-Gvern għandu impenn li jittrasferixxi l-impjegati tal-Air Malta f’korpi governattivi oħra, jista’ l-Ministru jispjega għaliex l-istess Gvern mhux qed jikkunsidra li jassisti lis-settur privat li qed jixxennaq għar-riżorsi umani u jsib skema li permezz tagħha kulħadd jirbaħ?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ikun jikkonstitwixxi ‘state aid’.

Air Malta — xogħol ta' ground handling

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1866 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1681, jista' l-Ministru jgħid liema kumpanija se tibda tagħmel ix-xogħol ta' ground handling għall-Air Malta? Jikkonferma li l-Air Malta daħlet bi sħab ma' kumpanija Taljana biex twaqqaf kumpanija ġdida tal-ground handling?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Air Malta m’għandha ebda ftehim iffirmat kif indikat fil-mistoqsija.

Air Malta — ħaddiema li ġew trasferiti mal-RSSL

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: a. Kemm-il ħaddiem ġie trasferit mill-Air Malta għal mal-RSSL; b. Kemm-il ħaddiem fi skala u grad ta’ Assistant Officer mal-Air Malta b’pagi ’l fuq minn €30,000 basic pay ingħataw xogħol bħala messaġġiera u stackers; c. jekk ħaddiema oħra klerikali u bl-istess grad imsemmi hawn fuq li kienu trasferiti qabel ma suppost twaqqfet u kellha tibda topera l-Air Malta Aviation Services ingħatawx pakkett b’paga inferjuri minn dawk li ġew trasferiti issa u li ngħataw impjieg bi skali u gradi klerikali u ’l fuq, waqt li dawn li ġew trasferiti issa bħala messaġġiera u stackers b’responsabbiltà ferm anqas qed jingħataw u jitħallsu pagi ferm ferm ogħla?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ impjegati tal-Air Malta jew sussidjarji tagħha li applikaw taħt l-iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme kien ta’ 577. In numru ta’ impjegati li sa issa ġew trasferiti lil-RSSL huwa 88 kif jidher fit-tabelli Phase 1 u Phase 2, li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. L-Air Malta m’għandhiex informazzjoni tat-tip u kondizzjonijiet ta’ xogħol li ngħata lill-ħaddiema li ġew trasferiti mal-RSSL.

Proġetti ta’ Djar Affordabbli

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi lokalità b’lokalità plots li l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament akwistat mingħand il-Gvern sabiex isiru proġetti ta' djar affordabbli u li għadhom ma saru l-ebda xogħlijiet fihom? Tista’ din it-tabella turi kemm ser ikun hemm units, garaxxijiet u tipi oħra ta' binjiet fuq kull plot, x'inhu l-istatus ta' kull wieħed mill-proġetti, jekk hemmx problemi legali u jekk hemm problemi tingħata deskrizzjoni bażika tal-problemi?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija m’għandha l-ebda plot li għadu ma sar l-ebda xogħol fih. Il-plots li kienu ngħataw lill-kumpanija kollha qed jiġu żviluppati jew ġew żviluppati.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – uffiċjali li ħadu sehem fi programm televiżiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm sar ħlas, u d-data, mill-Ministeru u lil min, inkluż One TV u One Productions, mill-2017 sal-lum biex uffiċjali tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) dehru/ħadu sehem fil-programm Espresso?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ebda uffiċjal tal-Ministeru (inkluż il-Ministru) ma deher jew ħa sehem fil-programm Espresso.

Air Malta Aviation Services Ltd. – reklutaġġ ta’ ħaddiema

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1678, jista’ l-Ministru jgħid f’liema gradi jew designation ġew impjegati t-23 impjegat ġdid tal-Air Malta Aviation Services Ltd. bejn l-2018 u l-2022? Jista’ jgħid jekk dawk li rriżenjaw ingħatawx l-opportunità li jingħataw impjieg mal-Gvern bħall-kumplament tal-ħaddiema tal-Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Air Malta – ħaddiema li applikaw taħt l-Iskema tal-Voluntary Transfer Employment Scheme

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1679, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-577 li applikaw għall-VETS kellhom kuntratt fuq bażi ristretta (definite) mal-Air Malta u jekk dawn issa ngħatawx impjieg permanenti mal-RSSL jew il-Gvern?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-577 ħaddiem tal-Air Malta li applikaw għall-VETS kien hemm 3 (tliet) ħaddiema li kienu fuq bażi ristretta (definite) u s’issa wieħed ingħata impjieg mal-RSSL jew il-Gvern.

Air Malta – xogħol ta’ ground handling

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1681, jista’ l-Ministru jgħid liema kumpanija se tibda tagħmel ix-xogħol ta’ ground handling għall-Air Malta? Jikkonferma li l-Air Malta daħlet bi sħab ma’ kumpanija Taljana biex twaqqaf kumpanija ġdida tal-ground handling?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’Seduta oħra.

Air Malta: — Diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea dwar approvazzjoni ta’ state aid għall-Air Malta

Question

Jista’ l-Ministru jagħti dettalji dwar fiex waslu d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea fuq l-approvazzjoni ta’ pakkett ġdid ta’ state aid għall-Air Malta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea għall-għoti ta’ state aid għadhom għaddejin, għaldaqstant mhux propizju li jingħataw tweġibiet qabel l-għeluq ta’ dawn in-negozjati

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol – infiq ta’ flus f’reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum lil One TV Productions u/jew lill-Partit Laburista u/jew lill-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, jew persuna oħra f'reklamar u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni tal-Ministru odjern jew predeċessur tiegħu jew uffiċjal tal-Ministeru fil-programmi Espresso u Kalamita fuq One TV?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma tħallsu ebda flus mill-Ministeru mill-2017 sal-lum, f’reklamar, u/jew bħala ħlas għal stedin u parteċipazzjoni, tal-Ministru odjern jew predeċessur, fil-programmi Espresso u Kalamita, lill-persuna msemmija fil-mistoqsija.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — CEOs

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' CEOs li huma impjegati mill-Gvern li jaqgħu taħt id-dekasteru rispettivi tal-Ministeru tiegħu u fejn huma impjegati? Jista' jagħti s-salarju li kull CEO rispettiv jitħallas u l-lista ta' benefiċċji allokati lil kull wieħed?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Monte di Pietà – rahan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm deheb depożitat taħt l-iskema ta’ rahan f’idejn il-Gvern fil-Monte di Pietà? Jista’ jindika wkoll l-eqdem rahan li ngħata u li għadu veljanti u ma nġabarx sal-aħħar ta’ Diċembru 2021?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li sal-aħħar ta’ Diċembru 2021 kien hemm 4,493 rahan depożitati fil-Monte di Pietà, bl-ixjeħ rahan imur lura għas-26 ta’ Marzu 1984.