Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissarju għat-Tfal investigatx artiklu li xxandar fuq is-sit “lovinmalta.com” u sussegwentament il-programm li xxandar fuq l-istazzjon Net tv bl-isem ta' 'Akila' fejn waqt l-istess programm żewġ tfajliet minuri, li skont l-istess artiklu għandhom tlettax u ħmistax-il sena, ġew mistoqsija jekk kenux lesti jieħdu ritratti lebsin ‘lingerie’? https://lovinmalta.com/news/news-video/watch-7-total-wtf-moments-from-this-new-maltese-modelling-tv-show
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Kummissarju għat-Tfal ġiet ikkuntatjata minn individwu kif ukoll mill-Awtorità tax-Xandir dwar il-programm li qed isir aċċen għalih (il-programm Aċila). Il-Kummissarju wriet it-tħassib tagħha dwar ċerti kummenti li għamel membru tal-panel fuq dan il-programm. Il-Kummissarju ma qablitx ukoll mal-mod kif qed isir il-programm, b’mod partikolari minħabba l-firxa wiesa tal-etajiet tal-parteċipanti. L-Uffiċċju ħa jkompli jsegwi dan il-programm u jkompli jiddiskuti mal-Awtorità tax-Xandir fl-aħjar interess tat-tfal.
Djar tal-Anzjani — Ilmenti mir-residenti u l-qraba
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti fid-Djar tal-Anzjani li ressqu xi ilmenti? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti? F’liema Dar Residenzjali saru dawn l-ilmenti matul is-snin 2017 u 2018?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' għajnuna hija provduta lil min jikri proprjetà residenzjali? Jista' jagħti informazzjoni dettaljata għal kull tip ta' għajnuna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f'Seduta oħra.
Djar tal-Anzjani u Persuni b’Diżabilità – kumitat konsultattiv
Question
B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8081, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qegħdin isiru l-monteraġġi/laqgħat regolari kull ġimgħa mill-ħaddiema soċjali flimkien mal-familjari ta’ kull persuna b’diżabilità li qed tirċievi xi servizz tal-Aġenzija Sapport? Jekk le, għaliex?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-laqgħat u l-moniteraġġi jsiru b’mod regolari mill-ħaddiema soċjali kif ukoll mill-professjonisti skont il-bżonn. Il-provediment u l-frekwenza tal-laqgħat ivarjaw skont il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità.
Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar
Question
Jista’ l-Ministru jindika l-inizjattivi jew proġetti ġodda kollha li jindirizzaw il-91 azzjoni ta’ policy li huma rrakkmandati fil-Politika Strateġika Nazzjonali għat-Tnaqqis fil-Faqar għas-snin bejn 2014 u l-2024?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba minnu. It-tabella turi n-numru kbir ta’ miżuri li ġew jew għadhom qed jiġu mwettqa, sabiex jintlaħqu l-miri tas-6 dimensjonijiet illi tindirizza il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Tnaqqis fil-Faqar u għal Inklużjoni Soċjali (2014-2024). Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li tispeċifika dawn il-miżuri.
B’wiċċi minn quddiem ngħid illi, dan il-Gvern li jien kburi li nifforma parti minnu, bil-fatti qed juri r-ruħ soċjali tiegħu u l-impenn li għandu sabiex ikun eradikat il-faqar minn pajjiżna.
Ministeru għall-Familja, Drittjiet tat-Tfal u Solidarjetà – trasferimenti/pagamenti f’bank
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux trasferimenti u/jew pagamenti, inkluż iżda mhux biss, ta' pagi, f'kontijiet li jinsabu fil-bank li l-isem u d-dettalji tiegħu qegħdin jingħataw separatament, mill-Ministeru u/jew mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista' jgħid dwar xiex kienu dawn it-trasferimenti u/jew pagi u kemm kien it-total tal-ammont li ġie trasferit?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, kif ukoll id-Dipartimenti, Entitajiet u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu, qatt ma għamlu xi trasferimenti u/jew pagamenti lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat.
Ministeru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali – Ħatra ta’ Bordijiet ta’ Inkjesta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7508 u ċjoe: Jista' l-Ministru jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm-il Bord ta' Inkjesta ġie maħtur minnu bħala Ministru skont dak li jipprovdi l-Att dwar l-Inkjesti (Kap. 273 tal-Liġijiet ta' Malta)? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-imsemmija Bordijiet ta' Inkjesta li ġew maħtura minnu u għal kull wieħed minnhom jindika s-suġġett u l-għan tal-inkjesta, it-termini tal-ħatra tal-inkjesta, l-isem, il-kunjom u l-kariga u/jew professjoni tal-persuni li ġew maħtura bħala Chairman u/jew Membri tal-Bord, id-data ta' meta ġie/ġew maħtur/a ċ-Chairman u l-Membri tal-Bord u d-data ta' meta ġie ppreżentat ir-rapport finali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.
Jista’ l-Ministru jagħti elenku tad-diversi għajnuniet offruta bħala sussidju tal-kera? Min jista’ japplika/jgawdi minn dan is-sussidju? X’tip ta’ dokumentazzjoni jeħtieġ li tiġi pprovduta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-2017 l-Awtorità tad-Djar varat skema li permezz tagħha inkwilini f’postijiet residenzjali mikrija mill-privat jistgħu jibbenefikaw minn sussidju li jlaħħaq sa massimu ta’ €2,000 fis-sena. Meta persuna tissottometti applikazzjoni għas-sussidju tal-kera tkun mitluba dawn id-dokumenti ;
· Kopja tal-Karta tal-Identità valida ta’ kull applikant u tal-ulied li jgħixu miegħu li għandhom taħt it-tmintax-il sena;
· F’każ ta’ persuna separata / divorzjata / annullata, għandha tipprovdi kopja tad-deċiżjoni finali tal-Qorti kompetenti li tippronunzja l-firda jew kopja tal-att pubbliku li jagħti effett lill-firda bil-kunsens tal-miżżewġin jew żewġ persuni imsieħba f’Unjoni Ċivili bl-awtorità tal-qorti kompetenti;
· F’każ ta’ applikant bona fide de facto separat għandhom jinġiebu dawk il-provi dokumentati jew provi ta’ xorta oħra li jippruvaw il-pożizzjoni tagħhom bħala persuni bona fide de facto separati. L-Awtorità jkollha d-diskrezzjoni sabiex tiddeciedi jekk il-prova ta’ separazzjoni de facto ġietx attenuta;
· FS3 tal-applikant tas-sena preċedenti. F’każ ta’ applikant pensjonant, ikun mitlub jipproduċi dokument li juri l-ammont kollu ta’ pensjoni, u f’każ ta’applikant Self Employed, ikun mitlub Profit & Loss Account / Income Statement iffirmat minnu u Balance Sheet / Statement of Financial Position jekk applikabbli flimkien ma’ kopja tal-Formola tat-Taxxa tas-sena kalendarja preċendenti d-data tal-applikazzjoni jekk applikabbli;
· Kuntratt tal-Kera u Ktieb tal-Kera jew kuntratt ta’ enfitewsi tar-residenza tal-applikant u kopja tal-aħħar irċevuta;
· Kopja tal-Karta tal-Identità Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, f’każ li l-applikant jew xi ħadd minn uliedu li jgħixu miegħu għandu diżabilità;
· F’każ li l-applikant qiegħed jagħmel fostering tat-tfal, kien huwa/hija stess fostered, kien jgħix f’istituzzjoni, temm programm ta’ riabilitazzjoni, jew ħareġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, għandhom jipproduċu dokument uffiċjali li jindika dan;
· Work Book Entries aġġornat maħuġ mill-Jobsplus (Sezzjoni Work Book) ta’ kull applikant;
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument illi jinkludi d-dettalji u l-kriterja tal-eliġibbiltà tas-sussidju tal-kera.
Kif tħabbar fil-baġit għall-2019, is-sussidju fuq il-kera ser jkun qiegħed jinbidel sabiex ikun qiegħed jiġi kkunsidrat mhux biss id-dħul gross tal-familja iżda anke n-nefqa tagħhom fuq il-kera.
Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ għajnuna li tingħata fil-forma ta’ in work benefits?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-benfiċċju tal-In-Work jingħata lil tlett kategoriji differenti ta’ benefiċjarji li għandhom tfal taħt it-23 sena u li għadhom jgħixu fl-istess dar. Dawn il-kategoriji huma koppji fejn it-tnejn ikunu jaħdmu, fejn xi ħadd biss mill-koppja jkun f’impjieg, kif ukoll lill-persuni waħedhom li jkunu jaħdmu.
Ir-rati tal-In-Work Benefit huma mqassmin skont id-dħul nett mill-impjieg illi jkollhom il-benefiċjarji.
Fil-każ ta’ koppja fejn it-tnejn jaħdmu, irid ikollhom dħul nett bejniethom ta’ bejn l-€10,000 u l-€24,630 fis-sena, fejn xi ħadd minnhom għallinqas ikollu jew ikollha dħul ta’ aktar minn €3,000 fis-sena. Ir-rata massima li tista’ titħallas hija dik ta’ €1,300 fis-sena għal kull wild għal min għandu dħul nett minn impjieg ta’ bejn €12,530 u €17,729. Din il-kategorija fejn il-koppja qegħdin it-tnejn f’impjieg, kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Diversi rati oħra huma applikabbli għal dħul li m’huwiex f’din il-faxxa.
Fil-każ ta’ koppja fejn xi ħadd minnhom biss jaħdem, id-dħul nett irid ikun bejn €6,600 u €17,130, fejn l-ogħla rata hi ta’ €550 għal min għandu d-dħul nett ta’ bejn is-€6,600 u l-€10,130. Din il-kategorija ta’ persuni kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Hawnhekk ukoll hemm rati oħra applikabbli għal min għandu dħul ta’ aktar minn €10,131 iżda li ma jaċċedix is-€17,130.
Fil-każ fejn persuna waħedha li hija f’imjieg u għandha dħul nett ta’ bejn €6,600 u €17,130 bi tfal taħt it-23 sena li joqogħdu fl-istess dar, din ukoll hija intitolata għall-In-Work Benefit. Ir-rata massima li tista’ titħallas hija ta’ €1,350 fis-sena għal kull wild għal min għandu dħul nett ta’ bejn €8,830 u €9,729. Din ir-rata tiżdied bi €80 oħra fis-sena għall-ewwel wild eleġibbli. Din il-kategorija ta’ benefiċjarji kellhom żieda massima ta’ €100 fis-sena għal kull wild. Diversi rati oħra huma applikabbli għal dħul li m’huwiex f’din il-faxxa.
Biex persuna jew persuni jikkwalifikaw għal dan il-benefiċċju jridu japplikaw fuq formola apposta li tinkiseb mill-uffiċċji distrettwali jew inkella minn fuq il-website u jkunu jridu jippreżentaw dokument uffiċjali (FS3 jew Profit and Loss Account) tad-dħul li kellhom matul is-sena ta’ qabel. Il-pagamenti għal din is-sena jibdew joħorġu f’April, kull 3 xhur b’lura.
Jista’ l-Ministru jagħti elenku ta’ għajnuna li tingħata fil-forma ta’ children’s allowance?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Allowance tat-Tfal tingħata lill-ġenituri li għandhom tfal taħt is-16-il sena, u li għandhom il-kura u l-kustodja tagħhom.
Sabiex wieħed ikun eleġibbli għall-allowance tat-tfal, it-twelid tal-wild irid ikun reġistrat fir-Reġistru Pubbliku ta’ Malta.
Fejn il-familja għandha dħul nett ta’ aktar minn €25,045 fis-sena, ir-rata applikabbli hija dik minima, li hija ta’ €8.66 fil-ġimgħa, filwaqt li r-rata massima li tista’ titħallas hija dik ta’ €24.08 fil-ġimgħa għal min għandu dħul nett daqs il-Paga Minima Nazzjonali. Id-dħul li jiġi kkalkulat għall-allowance tat-tfal, mhuwiex biss d-dħul li ġej mill-impjieg biss, iżda id-dħul kollu li jista’ jkollha dik il-familja.
Għal min għandu rata ta’ aktar minn dik minima, fl-2019 l-allowance tat-tfal żdiedet minn 6% għal 6.5% tad-differenza bejn id-dħul massimu applikabbli ta’ €25,045 u d-dħul nett li l-familja kellha. Bħalissa, id-dħul li jiġi kkalkulat huwa dak tas-sena 2017. Għal min, skont il-komputazzjoni li ssir, ir-rata tiġi anqas minn dik minima, ir-rata li titħallas lil individwu/familja, tkun ir-rata minima stabbilita. Ir-rata massima din is-sena żdiedet minn €22.23 għal €24.08 fil-ġimgħa.
Meta tarbija tiġi reġistrata, jibda l-proċess biex isir il-pagament, fejn l-ewwel titħallas ir-rata minima applikabbli jekk il-ġenituri ma jkunux diġà qed jirċievu l-allowance tat-tfal u tintbagħat notifika biex jekk id-dħul ta’ dik il-familja jkun anqas minn €25,045, għandha issir applikazzjoni u jintbagħtu d-dokumenti meħtieġa, biex jekk ikun il-każ, tiżdied ir-rata applikabbli.
Jekk il-ġenituri jkunu qegħdin diġà jirċievu rata ta’ allowance skont id-dħul nett tagħhom, allura l-pagament tal-wild il-ġdid isir skont dik ir-rata mingħajr il-ħtieġa ta’ applikazzjoni. Wieħed irid ifakkar li kull tibdil fiċ-ċirkostanzi, għandu jiġi ikkomunikat lid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali, fi żmien 6 xhur, inkella tista’ tintilef parti mill-allowance dovuta.
Djar tal-Anzjani u Persuni b’Diżabilità – –Amministrazzjoni ta’ Mediċini
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8083, jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jamministra u jagħti l-mediċini lir-residenti tad-Djar Residenzjali, jekk hux infermiera kwalifikati jew le?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li, l-amministrazzjoni u l-għoti tal-mediċini fid-djar residenzjali għall-anzjani kif ukoll ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule, issir mill-infermiera kkwalifikati.
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, l-mediċina li tingħata fid-djar residenzjali għal persuni b’diżabilità tal-Aġenzija Sapport, tiġi amministrata minn
Support Workers
illi jaħdmu fl-istess residenzi. Din il-mediċina tiġi preparata minn farmaċisti kkwalifikati, skont il-preskrizzjoni tal-psikjatra jew it-tabib.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7968 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi kemm hawn pensjonanti li jirċievu xi forma ta’ pensjoni mill-Istat u jaqsam tali informazzjoni fi brackets kif ġej:
- Anqas minn €400 fix-xahar;
- Bejn €401 u €500 fix-xahar;
- Bejn €501 u €600 fix-xahar;
- Bejn €601 u €700 fix-xahar;
- Bejn €701 u €800 fix-xahar;
- Bejn €801 u €900 fix-xahar;
- Bejn €901 u €1,000 fix-xahar;
- Bejn €1,001 u €1,100 fix-xahar; u
- Aktar minn €1,101 fix-xahar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jara li jsir kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament dwar applikazzjoni ta' Akkomodazzjoni Soċjali? Jista' jsir rapport mis-social worker dwar dan il-każ partikolari?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi, qiegħed jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa, bħal kull każ ieħor.
Kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u tnaqqis ta’ €200
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7976 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar li t-tnaqqis ta' €200 oħra fil-kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi se jwassal għal żieda ta' €11 fil-ġimgħa lil madwar 2,000 pensjonant, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm pensjonanti li jirċievu pensjoni tas-servizz, tat-Teżor jew pensjoni addizzjonali u li mhux ser jaraw żieda vera fil-pensjoni? Jidhirlu l-Ministru li żieda ta' €11 fil-ġimgħa hija adegwata fl-isfond tat-tkabbir ekonomiku mistenni għal pajjiżna?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari Numru 7975.
Kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u tnaqqis ta’ €200
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7974 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern semma li €200 oħra se jiġu mnaqqsa fil-kalkoli tal-pensjonijiet tas-servizzi u li dan it-tnaqqis ta' €200 kien ġie oriġinarjament introdott fis-sena 2008, u, bl-eċċezzjoni tal-2010, kull baġit annwali mill-2008 li hawn inkluda dan it-tnaqqis fuq it-tnaqqis tas-snin preċedenti u peress li fil-passat, il-€200 kienu jiġu mnaqqsa fil-kalkoli f'każijiet fejn il-pensjonant kien jirċievi żewġ pensjonijiet, bħal pereżempju pensjoni tat-Teżor u pensjoni normali, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux se jkun il-każ fl-2019 ukoll?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari Numru 7973.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7978 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Peress li fil-baġit li tħabbar għas-sena 2019, il-Gvern ħabbar tnaqqis ta' €200 fil-kalkoli tal-pensjonijiet bl-għan li dawk li qed jaqilgħu fost l-iċken pensjonijiet tiżdidilhom il-pensjoni bi ftit u peress li dan it-tnaqqis ta' €200 ġie introdott fis-sena 2008, u, bl-eċċezzjoni tal-2010, kull baġit annwali mill-2008 inkluda tnaqqis ta' €200 fuq it-tnaqqis tas-snin preċedenti, u peress li hemm eluf ta' pensjonanti li kienu jaħdmu maċ-ċivil li minħabba li jikkwalifikaw għal aktar minn pensjoni waħda, qed jirċievu aktar mill-pensjoni massima tal-bolla, jiġifieri €12,185 fis-sena u dawk li jirċievu pensjonijiet annwali ta' inqas minn din iċ-ċifra, raw aġġustament tal-pensjoni tagħhom bil-mod il-mod iżda dawk li bid-dritt għandhom jieħdu pensjonijiet li huma aktar mill-massimu jridu jistennew is-snin qabel ma jibdew jaraw il-frott ta' proposti bħal dawn, jista’ l-Ministru x'miżuri short term għandu l-Gvern biex issir ġustizzja ma’ dawn il-pensjonanti?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba ta’ Mistoqsija Parlamentari Numru 7977.
Installazzjoni ta’ lift fi blokka – każ ta’ persuna
Question
Jista’ l-Ministru jara meta ser jitkompla x-xogħol ta’ installazzjoni ta' lift, fi blokka li tlestiet peress li x-xogħol fuq il-lift waqaf fejn f’din il-blokka hemm persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, b'diżabilità?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi, qiegħed jingħata l-attenzjoni kollha meħtieġa, bħal kull każ ieħor.