Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – ex ħaddiema tal-Air Malta li qed jaħdmu fis-settur pubbliku

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont ta’ kemm ġew trasferiti impjegati li kienu jaħdmu mal-Air Malta u li issa qed jaħdmu mal-gvern/fis-settur pubbliku, f’entità jew dipartiment li jaqa’ taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tindika x’salarju għandhom dawn l-impjegati? Tista’ tindika wkoll il-livell ta’ edukazzjoni ta’ dawn l-impjegati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 3391.

Santa Luċija – Ġnien iċ-Ċiniżi — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2321 dwar Ġnien iċ-Ċiniżi f’Santa Luċija, tista’ l-Ministru tindika f’liema stadju tinsab l-evalwazzjoni indikata u kemm hemm flus allokati sabiex jiġi esegwit ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-proċess tal-evalwazzjoni għandu jkun lest fil-ġimghat li ġejjin. Il-proġett huwa stmat li jiswa madwar nofs miljun ewro.

Bord tal-REWS — membri - ħatriet

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, u b'referenza wkoll għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1168, peress li jidher li mit-tagħrif mogħti almenu żewġ ħatriet tal-membri tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) ser jiġu fi tmiem dan ix-xahar (Novembru 2022), tista’ l-Ministru tispjega għalfejn il-kriterji tal-għażla għadhom ma ġewx ippubblikati?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-kriterji għall-ħatra tal-Bord tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) se jiġu ppubblikati fil-jiem li ġejjin.

Ix-XLENDI GĦAWDEX — Proġett ta’ riġenerazzjoni tal-Parkeġġ

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra dwar fiex jikkonsistu u meta bdew u fiex waslu u meta ħa jispiċċaw il-konsutazzjonijiet bejn il-Ministeru għal Għawdex u l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma rigward il-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet bejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Ministeru t’Għawdex fuq kif ser tiġi integrata l-infrastruttura tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni mal-proġett tar-riġenerazzjoni tal-parkeġġ tax-Xlendi. Id-diskussjonijiet bdew madwar xahar ilu u l-proċess tal-konsultazzjoni jingħalaq meta jintlaħaq ftehim reċiproku.

Birżebbuġa – Triq Għar Ħasan — bankina

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm f'metri kwadri se jintradam xagħri/garigue biex issir bankina fi Triq Għar Ħasan, Birżebbuġa, speċjalment in-naħa ta' fejn hemm l-irdum u faċċata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li quddiem l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi m’hemm l-ebda talba għal xi permess ambjentali relatat.

Kottonera u Belt Valletta – livelli ta’ tniġġis fl-ajra

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-pubbliku f'Malta għandux il-possibbiltà li jara online l-livelli ta' tniġġis fl-arja fid-diversi lokalitajiet, speċjalment fil-Kottonera u l-Belt Valletta? Jekk le, tista’ tgħid għala?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) għandha żewġ networks ta' monitoraġġ tal-kwalità tal-arja. Wieħed minn dawn jissejjaħ passive diffusion tube network u jikkonsisti minn mitt tubu mxerdin ma’ Malta u Għawdex, fosthom fil-Kottonera u l-Belt Valletta. Il-medja annwali tal-gassijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu (NO2) u dawk tal-benzene jinsabu pubbliċi fuq il-websajt uffiċjali tal-ERA. In-netwerk l-ieħor jikkonsisti f’ħames stazzjonijiet; fiż-Żejtun, f’Ħ’Attard, fl-Għarb, fl-Imsida u f’San Pawl il-Baħar, li jimmonitorjaw il-livelli ta’ tniġġis real time (24x7). Ir-riżultati miksuba minn dawn l-istazzjoniet jiġu trasmessi mill-ewwel online u l-pubbliku jista’ jarahom fuq il-websajt uffiċjali tal-ERA. Fuq is-sit elettroniku tal-ERA, fuq il-paġna tal-Air Quality Index, wieħed jista’ jara wkoll il-kwalità tal-arja kif inhi f’kull stazzjon b’mod sempliċi u li jista’ jinftiehem mill-pubbliku.

Kalkara – Ġnien tar-Rinella

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 2320 dwar il-Ġnien tar-Rinella fil-Kalkara, tista’ l-Ministru tindika kemm intefqu flus u kemm dam biex jiġi esegwit ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalma tħabbar pubblikament, l-investiment li sar f’xogħlijiet li saru fi Ġnien Rnella, jammonta għal madwar €1.1 miljun. Dawn jinkludu kostruzzjoni ta’ latrina pubblika, tqegħid ta’ servizzi u pavimentar, restawr tal-bjar, istallazzjoni ta’ sistema tal-irrigazzjoni, tħawwil ta’ siġar u arbuxelli, istallazzjoni ta’ sistema solari fil-pavimentar, tqegħid ta’ bankijiet smart, smart bins, drinking fountain u kiosk informattiv. Sar ukoll xogħol ta’ restawr fuq l-oqbra u l-ħitan tal-perimetru kollu. Ix-xogħol tlesta f’14-il xahar.

Proposti mat-tibdil fil-klima tal-Baġit 2023

Question

Tista’ l-Ministru tgħid eżatt liema proposti ambjentali u marbuta mat-tibdil fil-klima tal-Baġit 2023 se jkunu funded mill-Fondi Ewropej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-azzjonijiet ambjentali u marbuta mat-tibdil fil-klima mhumiex biss inklużi taħt il-Ministeru li jien responsabbli minnu, u peress li l-ġestjoni ġenerali ta’ fondi Ewropej f’Malta taqa’ fir-responsabiltà ta’ Ministeru ieħor, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Żieda fl-emissjonijiet tal-Carbon Dioxide

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm żdiedu l-emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju (CO2) f’Malta f’dawn l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba li tindika varjanzi minn sena għall-oħra li mhumiex neċessarjament żidiet. Fil-fatt fis-sena 2020, kellna tnaqqis ta’ 38.6% CO2 fuq is-sena 2010.

Setturi li kkawżaw l-aktar emissijiet tal-Carbon Dioxide

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema setturi kkawżaw l-aktar emissjonijiet ta’ dijossidu tal-karbonju (CO2) dawn l-aħħar għaxar snin u kemm żdiedu sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-aktar settur li ikkawża emissjonijiet tad-dijossidu tal-karbonju huwa s-settur ‘Enerġija’ li jinkludi ukoll l-użu ta’ fjuwils konvenzjonali u t-trasport fit-territorju Malti. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella b’data dwar l-emissjonijiet ta’ dan is-settur għas-snin 2010 sa 2020.

WasteServ – ħlas ta’ pagi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed jitħallsu pagi fil-WasteServ bħala somma totali u tagħti break down tal-pagi tal-membri tas-senior management?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-wage bill ta’ Wasteserv (Malta) Ltd. jammonta għal ftit inqas minn żewġ miljun ewro fix-xahar. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-pagi tal-membri tas-Senior Management. Fir-rigward tal-paga tal-Kap Eżekuttiv, nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 404.

Sottomissjoni ta’ pjan aġġornat għat-tibdil fil-klima

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern issottomettiex pjan aġġornat għat-tibdil fil-klima qabel il-COP27 hekk kif kien miftiehem fil-Paris Agreement?

Response (DALLI, MIRIAM)

Għal skopijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (il-UNFCCC) hija l-Unjoni Ewropeja li tressaq il-pjan aġġornat dwar l-azzjonijiet fuq it-tibdil fil-klima quddiem il-Konvenzjoni u dan fil-forma ta’ pjan kollettiv għall-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropeja. Taħt il-Ftehim ta’ Pariġi l-pajjiżi membri fil-Konvenzjoni kellhom sal-aħħar tal-2022 sabiex jissottomettu pjanijiet iktar ambizzjużi dwar l-azzjoni kontra t-tibdil fil-klima. Irrid infakkar li taħt l-istess Ftehim ta’ Pariġi l-Unjoni Ewropea kienet diġa issottomettiet pjan sabiex tnaqqas l-emissjonijiet tagħha u tal-istati membri b’40 fil-mija sal-2030 meta mqabbel mal-1990. B’deċiżjoni tal-Kunsill fl-aħħar tal-2020 din l-ambizzjoni kienet miżjuda mill-Unjoni Ewropea għal-livell ta’ tnaqqis ta’ 55% sal-2030 u f’dan ir-rigward kien anke sottomess pjan aġġornat lill-Konvenzjoni. Sadanittant bħalissa fi ħdan l-Istituzzjonijiet Ewropej relevanti qed isiru d-diskussjonijiet finali dwar il-pakkett leġiżlattiv tal-Fit for 55. Hekk kif dan ikun approvat l-Unjoni Ewropea terġa’ tissottometti lill-Konvenzjoni pjan aġġornat kif ikun il-każ. Sadanittant infakkar lill-Onor. Interpellant li bħala parti mill-isforzi kollettivi tal-istati membri kollha tal-UE Malta fasslet pjan ambizzjuż ħafna, il-Low Carbon Development Strategy, li ser iwassalna biex aħna nwettqu l-parti tagħna fil-mira kollettiva Ewropea għall-2030.

REWS — CEO

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3306, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx kunflitt ċar bejn li s-CEO tar-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) jiġi appuntat minnha waqt li suppost dan iwieġeb lejn il-Bord tar-REWS u li għalhekk għandha tinbidel il-liġi biex din il-ħatra ssir mill-Bord u mhux mill-Ministru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-proviżjonijiet tal-liġi li jirregolaw l-affarijiet imsemmija huma ċari.

REWS – Membri u Chairman tal-Bord

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3111, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux se ssir sejħa pubblika għall-ħatriet taċ-Chairman u l-membri tal-Bord attwali meta jiġu fi tmiem il-ħatriet tagħhom rispettivi, dan ukoll meta wieħed iqis li l-Att dwar ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, Kap. 545 jgħid b’mod ċar li “Il-membri tal-Bord tar-Regolatur għandhom jinħatru abbażi ta’ kriterji oġġettivi, trasparenti u ppubblikati, fi proċedura indipendenti u imparzjali, li tiżgura li l-kandidati jkollhom il-ħiliet u l-esperjenza meħtieġa.”?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kwalunkwe ħatriet ġodda fuq il-Bord tar-regolatur se jsiru f’konformita mal-liġi.

Il-Fgura – Triq Mater Boni Consilii – Xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba li tat il-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 2744, peress li fl-10 t’Ottubru li għadda l-Ministru infurmatni li x-xogħlijiet kienu ser jiġu konklużi “fil-jiem li ġejjin” u issa qegħdin f’nofs Novembru (xahar wara) u x-xogħol għadu pendenti, tista’ l-Ministru ġentilment tagħti aġġornament ta’ x’sar fl-aħħar xahar fuq dan il-proġett u meta ser ikun lest ix-xogħol min-naħa tal-Koporazzjoni kkonċernata? Taf il-Ministru li f’din il-parti tat-triq hemm mill-inqas żewġ parkeġġi riżervati għall-persuni b’diżabilita li ilhom neqsin minħabba li tneħħa t-tarmak, sa minn Marzu li għadda bil-konsegwenza li dawn il-familji qed jiffaċċjaw ħafna problemi minħabba dan id-dewmien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma kkonkludiet il-parti tagħha u issa jmiss l-awtorità responsabbli biex tagħlaq ix-xogħlijiet pendenti.

Malta Enterprise – servizzi ta’ għajnuna lil kumpanniji jimplimentaw l-ESG

Question

Fid-dokument tad-Diskors tal-Baġit 2023, f’paġna 56, hemm stqarrija li timplika li l-Malta Enterprise se tkun qed toffri servizzi biex tgħin lill-kumpaniji jimplimentaw l-ESG. Tista’ l-Ministru tgħid: · X'servizzi se jiġu offruti? · Min se jkun qed joffri dawn is-servizzi? · Meta se jibda dan is-servizz?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalma issa ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, l-intrapriżi Maltin u Għawdxin ser ikunu qegħdin jirċievu l-għajnuna u l-inċentivi li għandhom bżonn sabiex jiżviluppaw prattiċi interni li jgħinuhom isiru aktar sostenibbli u jilħqu l-kriterji ESG fejn dawn ikunu applikabbli. Dan qed nagħmluh għax nemmnu li din hija t-triq 'il quddiem sabiex l-intrapriżi Maltin u Għawdxin isaħħu l-kompetittività tagħhom mingħajr ma jitgħabba fuqhom piż żejjed li jkun kontro produttiv. Tajjeb li ninforma lil Onor. Interpellant li lura f’Novembru 2021, nedejna pjattaforma li permezz tagħha l-intrapriżi Maltin diġà qed ikunu assistiti sabiex jipprovdu, b’mod volontarju, informazzjoni konformi mal-kredenzjali tal-ESG. Dan kien l-ewwel pass u rridu nkomplu nibnu fuq din il-ħidma li saret u li diġà attirat l-interess ta’ bosta kumpaniji Maltin. Issa, flimkien mal-Malta Enterprise ser ikunu qegħdin niżviluppaw linji gwida biex il-kumpaniji Maltin ikunu jistgħu jilħqu l-kredenzjali tal-ESG kif stabbilit mil-Corporate Sustainability Reporting Directive. Propju fl-10 ta Novembru li għadda il-Parlament Ewropew adotta din id-direttiva li issa mistennija tiġi addottata mil-kunsill Ewropew fl-aħħar ta’ Novembru.

Start-Ups – għajnuna fi proġetti mill-Gvern

Question

Fid-dokument tad-Diskors tal-Baġit 2023, f’paġna 53, hemm dikjarazzjoni dwar Start-Ups fejn il-Gvern iddikjara li għen 35 proġett (Start-Ups ġodda) u biex jagħmel dan investa €35 miljun. Tista’ l-Ministru tgħid: · Jekk hux possibbli li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, lista ta' dawn l-istart-ups u l-focus ewlieni tagħhom fl-industrija? Eżempju (AI, 3D Printing etc) · Kemm impjegaw persuni dawn l-istart-ups matul l-aħħar 12-il xahar? · X'inhuma s-salarji medji? · X'inhuma l-ħiliet speċjalizzati meħtieġa biex taħdem ma' dawn l-istart-ups? · X'inhu r-return on investment li qed jistenna l-Gvern mill-investiment ta' €22 miljun?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kunsilli Lokali — Ġbir ta’ Boroż għall-Iskart b’xejn

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-Kunsilli Lokali hux se jibqgħu jqassmu boroż tal-ġbir tal-iskart b'xejn?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-WasteServ għadha kif iffirmat kuntratt għax-xiri tal-basktijiet organiċi (borża bajda). Dawn il-boroż se jitqassmu lill-kunsilli lokali s-sena d-dieħla biex jingħataw lir-residenti.