Tista' l-Ministru tgħid jekk sarux testijiet fuq l-art, inkluż geological studies, fiż-żona fejn hu ppjanat li ssir l-espansjoni proposta għall-impjant tat-trattament tad-drenaġġ ġewwa l-Qammiegħ, fil-Mellieħa? Jekk iva, tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-riżultati ta' dan l-istudju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li qed inpoġġi kopja tad-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra, ninforma lill-Onor. Interpellanta li dan huwa mehmuż bħala Appendiċi 3 fis-sejħa għall-offerti li nħarġet u li tinstab fil-website tal-etenders tal-Gvern.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26255, tista’ l-Ministru tispeċifika fiex jikkonsistu l-allowances li jitħallsu l-ħaddiema ta’ Ambjent Malta u x’tip ta’ allowances huma? Tista’ tgħid ukoll l-ammont eżatt għal kull tip ta’ allowance, u għal kull tip ta’ allowance tgħid jekk oriġinatx minn ftehim kollettiv, mill-Public Service Management Code, minn approvazzjonijiet speċifiċi, jew kwalunkwe forma oħra ta’ ftehim?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, kif ġie spjegat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26255, l-allowances li jirċievu l-ħaddiema ta’ Ambjent Malta huma dawk standard li jitħallsu fis-Servizz Pubbliku. B’dan il-mod il-ħaddiema li jappartjenu lill-klassijiet tal-agrikoltura, tax-xjenza, tal-ambjent, tal-general service, tal-gradi tekniċi u industrijali u anke lill-Managerial Stream jirċievu l-allowances li jipprovdi għalihom il-Ftehim Settorjali rispettiv. Dan jgħodd ukoll għall-headships u l-Assistenti Diretturi tad-Dipartiment li jirċievu allowances skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fis-Servizz Pubbliku. Hemm imbagħad allowances oħra li jipprovdi għalihom il-manwal tal-Public Service Management Code u/jew il-Ftehim Kollettiv tas-Servizz Pubbliku; dawn jinkludu l-Qualification Allowance, ix-shift allowance u l-ħlasijiet għal xogħol li jsir fil-Ħdud u l-Festi Pubbliċi.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26307, tista’ l-Ministru tispjega dik li hi l-proċedura mill-2021 ’il quddiem, rigward ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq artijiet li huma tal-gvern?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li proċeduralment Ordni ta’ Waqfien u Konformità toħroġ fuq il-persuna li hi magħrufa bħala sid l-art jew l-okkupant. Fil-każ ta’ illegalità fuq art tal-Gvern, issir konsultazzjoni mal-Awtorità tal-Artijiet fejn f’każ li l-art hija mikrija/mqabbla, d-dettalji tal-persuna fuq min hi mikrija/mqabbla jingħataw lill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) biex l-azzjoni tittieħed fuq il-persuna magħrufa. F’każ li l-art mhux mogħtija b’kirja/qbiela, allura l-Ordni ta’ Waqfien u Konformità toħroġ fuq l-Awtorità tal-Artijiet.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk humiex ser isiru x’xogħlijiet neċessarji fi Triq Paola, f’Ħal Tarxien billi tidher ċar li qiegħda taqa’ u ċċedi biċċa biċċa?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq fin-Naxxar li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta' trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta' bejn April 2025 u Diċembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tagħmel xogħlijiet fi Triq is-Sies u Triq Edward Pirotta fil-limiti ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, filwaqt li l-Enemalta qed tippjana li fiż-żmien ġej tagħmel xogħlijiet biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’inħawi differenti tan-Naxxar.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f'Ħal Lija li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta' trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta' bejn April 2025 u Diċembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Enemalta qed tippjana li fiż-żmien ġej tagħmel xogħlijiet biex tkompli ssaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’inħawi differenti ta’ Ħal Lija. Dawn jinkludu intervent li se jsir fi Triq il-Mitħna biex tiġi ikkummissjonata substation ġdida fiż-żona.
Tista' l-Ministru tgħid f’kemm-il sessjoni ta' tweġibiet orali għall-mistoqsijiet parlamentari kellha tirrispondi hi personalment mill-bidu ta' din il-Leġiżlatura sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Konvinta li l-Onor. Interpellant jaf li dan il-Parlament huwa gwidat bi proċedura parlamentari stabbilita mill-Ordnijiet Permanenti tal-Kamra. Għaldaqstant, naħseb li jifhem li l-ordni tal-interpellanza għal tweġiba orali u l-mod kif jiġu magħmulin interpellanzi huma regolati mill-istess Ordnijiet Permanenti. L-informazzjoni kif mitluba ma tinżammx.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet qed jsiru fi Triq l-Iskola, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiswew?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala parti mit-tieni fażi ta’ rinfurzar tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, fejn fl-ewwel fażi tpoġġew aktar minn 82 kilometru ta’ cables ġodda, Enemalta qed tqiegħed 60 kilometru ieħor ta’ cables ġodda taħt l-art f’diversi lokalitajiet inkluż f’Ħal Tarxien. Billi x-xogħlijiet huma kkordinati minn Infrastructre Malta, flimkien ma’ interventi infrastrutturali oħrajn li se twettaq fiż-żona indikata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan li t-turf fil-Park tas-Salina jinbidel hekk kif partijiet minnu tqattgħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ambjent Malta tagħmel manutenzjoni ġenerali fuq il-Park Nazzjonali tas-Salina matul is-sena kollha skont il-ħtieġa. Ambjent Malta bdiet bit-tfassil tal-abbozz ta’ sejħa għall-offerti biex jiġu mtejbin ċerti elementi tal-Park li jinkludu ż-żona ċentrali u t-turf. Dan ix-xogħol se jikkonsisti fit-tneħħija tat-turf il-qadim u rinovar ta’ din iż-żona.
Water Services Corporation – Xogħlijiet fi Triq Xandriku u Triq San Duminku f’Għawdex
Question
B’referenza għax-xogħlijiet li qed isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) fi Triq Xandriku, fin-Nadur, u fi Triq San Duminku, fir-Rabat Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-bankini ta’ dawn l-imsemmija toroq humiex se jinbidlu u jsiru mill-ġdid?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se twettaq xogħlijiet fuq il-bankini ta’ Triq San Duminku f’kollaborazzjoni mal-Ministeru għal Għawdex.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26490, tista’ l-Ministru tgħid il-magni tat-tindif tal-bajja fl-Għadira kemm qed jintużaw fis-sena kollha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-magni għall-għarbiel tar-ramel (sand sifters) jintużaw bejn Mejju u Ottubru. Matul ix-xhur l-oħra dawn ma jintużawx minħabba li fuq il-bajja jkun hemm ammont konsiderevoli ta’ alka, li ambjentalment huwa importanti li titħalla f’postha fix-xitwa għax din tipproteġi r-ramel mill-erożjoni li tkaxkar ir-ramel kawża tal-mewġ, xita u riħ. Madankollu, f’dak il-perjodu, xorta jsir it-tindif permezz tal-ħaddiema li hemm assenjati fuq il-bajja tal-Għadira.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 26582 u 26583 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar u lill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali rispettivament u tgħid kemm hawn liċenzji għal pompi tal-petrol f’pajjiżna?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 20990, ninfurmah li, mill-informazzjoni mogħtija lili mir-REWS, bħala regolatur tal-enerġija u l-ilma, u mill-ERA bħala regolatur tal-ambjent, il-figuri aġġornati sad-data ta’ din ir-risposta huma dawn li ġejjin:
B’kollox, madwar Malta u Għawdex, hawn 76 pompa li jfornu fjuwil lill-konsumaturi inġenerali.
Minn dawn hemm 56 li għandhom liċenzja kurrenti, filwaqt li 20 li qegħdin fil-proċess li jkollhom il-liċenzja mġedda wara li jagħmlu x-xogħlijiet ta’ rinnovament meħtieġa. Mis-56 li għandhom liċenzja kurrenti, 49 għamlu r-rinnovament meħtieġ, wieħed se jibda bix-xogħlijiet fil-jiem li ġejjin, 3 ingħataw clearance mir-REWS fuq ix-xogħlijiet meħtieġa, filwaqt li 3 oħra għadhom fil-proċess li jissottomettu l-pjan tagħhom lir-REWS. Mill-20 li jrid ikollhom il-liċenzja mġedda hemm 3 li għaddejjin bix-xogħlijiet, 10 li ngħataw clearance mir-REWS fuq ix-xogħlijiet meħtieġa, filwaqt li 7 oħra għadhom fil-proċess li jissottomettu l-pjan tagħhom lir-REWS.
Min-naħa tal-ERA, mis-76 operatur inkwistjoni, hemm 34 li nħarġilhom permess ambjentali (li 17 minnhom għandhom bżonn tiġdid), 38 li għandhom applikazzjoni li għadha qed tiġi proċessata u 4 li għadhom m’għamlux applikazzjoni.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx applikazzjonijiet ġodda għal pompi tal-petrol f’pajjiżna u jekk iva, tgħid kemm?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sal-24 ta’ Marzu 2025, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ma rċeviet l-ebda applikazzjoni ġdida għal pompi tal-petrol. Min-naħa tar-Regolatur għall-Enerġija u s-Servizzi tal-Ilma (REWS) ġiet sottomessa applikazzjoni waħda għal pompa tal-petrol ġdida matul din is-sena.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 25303, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol li qiegħed isir fi Triq Olaf Gollcher, Birkirkara, u jgħid jekk hemmx data li fih huwa mistenni li jitlesta x-xogħol? Tista' tgħid ukoll jekk hux ser ikun qed isir tarmak komplet fiż-żewġ toroq li nqalgħu (Triq O. Gollcher u Triq L.Gatt) jew inkella jekk hux ser jitwittew il-kanali li nfetħu?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li x-xogħol min-naħa tal-Enemalta tlesta, ninsab infurmata li fil-każ tax-xogħlijiet li qegħdin isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se jkun hemm ħtieġa li jieħdu aktar żmien milli kien maħsub oriġinarjament, minħabba li żdiedu l-interventi li se jsiru bħala parti mill-proġett.
L-Iklin — Triq Geronimo Abos – Sistema tad-drenaġġ
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14952, tista' l-Ministru tgħid x'azzjoni ttieħdet ladarba l-problema ma ssolvietx u b'konsegwenza tas-sitwazzjoni, id-drenaġġ qiegħed ifur anke meta ma tkunx xita? Tista' tgħid jekk din il-problema hijiex relatata mal-bini mill-ġdid ta' Triq il-Wied u xi pjan hemm mill-Gvern biex din tkun ratifikata għall-ġid tar-residenti tal-Iklin?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif diġà hemm spjegat fit-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 14952, id-diffikultà qed tinħoloq minn piż eċċessiv ta’ ilma tax-xita fuq in-network tad-drenaġġ. Għal dan il-għan, fil-ġimgħat li ġejjin il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma se tniedi proġett intenzjonat biex l-ilma tax-xita li jinżel minn Triq il-Wied, fl-Iklin, jiġi ddevjat lejn Triq San Mikiel u b’dan il-mod jitnaqqas il-piż fuq in-network tad-drenaġġ. Barra minn hekk, se jiġi installat mejn ġdid li jieħu volum ikbar minn dak eżistenti ġewwa Triq Ġeronimo Abos.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f'Ħal Balzan li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet maġġuri u li jinkludu tħaffir ta' trinek fit-toroq u/jew fuq il-bankini mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta' bejn April 2025 u Diċembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’Ħal Balzan ser tiġi ikkummisjonata substation ġdida li b’rabta magħha se jsiru interventi fi Triq Karenza u Triq il-Ferrovija. Sadattant, Enemalta qed tippjana biex fiż-żmien li ġej, f’toroq oħrajn fil-lokalità, jissokta x-xogħol ta’ rinfurzar fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq fl-Iklin li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta' trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta' bejn April 2025 u Diċembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma bħalissa qed tagħmel xogħlijiet ta’ titjib fis-sistema tad-drenaġġ u fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-ilma tax-xorb fi Triq Stefano Erardi u Triq l-Iklin. Sussegwentement, f’dawn iż-żewġ toroq se jsiru wkoll xogħlijiet ta’ rinfurzar fuq is-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku, waqt li l-Enemalta qed tippjana biex fiż-żmien li ġej isiru xogħlijiet simili f’toroq oħrajn fil-lokalità.
Tista' l-Ministru tgħid liema huma t-toroq f'Birkirkara (li jinkludi wkoll lil Ta' Paris, is-Swatar Birkirkara u Fleur-de-Lys) li fihom ser ikunu qegħdin isiru xogħlijiet li jinkludu tħaffir ta' trinek fit-toroq jew fuq il-bankini mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC) jew mill-Enemalta matul il-perjodu ta' bejn April 2025 u Diċembru 2025?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li f’Birkirkara għaddej xogħol ta’ tisħiħ fis-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku fi Triq San Tumas u dan imbagħad se jissokta f’toroq oħrajn sal-aħħar tas-sena. Fil-ġimgħat li ġejjin, Enemalta ser tniedi proġett separat biex jitpoġġew 10 kilometri oħra ta’ cables ġodda li żewġ kilometri minnhom se jgħaddu minn ġo mini eżistenti. Permezz ta’ dan il-proġett se tiġi ikkumissjonata wkoll substation ġdida. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma wkoll qed tippjana biex fiż-żmien li ġej, fl-istess lokalità jsiru wkoll xogħlijiet ta’ titjib fis-sistemi tas-servizzi tagħha.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet l-ispiża għall-ingaġġar ta' konsulenti mill-Ministeru tagħha, xahar b'xahar, minn April 2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-konsulenzi; min kienu dawn il-konsulenti; xi kwalifiki għandhom; x'inhi l-kompetenza tagħhom u kemm tħallas kull konsulent għal kull servizz ta' konsulenza li ta? Tista’ tgħid ukoll dawn il-konsulenti kif ingħataw dan ix-xogħol, jekk hux permezz ta' direct order jew tender?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti fis-Segretarjat tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika huma ingaġġati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.