Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi ġejt infurmat li ma kienx hemm deputati tal-gvern fil-perjodu li qed tirreferi għalih hi u li okkupaw xi rwol msemmi minnha fid-dekasteru ta’ dan il-Ministeru.

Servizz tal-Ambulanza tal-Annimali – iċċekkjar għal Microchip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk meta s-servizz tal-ambulanza tal-annimali jsib kelb mejjet jeħux nota jekk dak il-kelb ikollux microchip jew le? Xi jkun il-pass li jmiss bl-informazzjoni misjuba?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħala parti mis-servizz offrut mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali meta jiġi rappurtat kelb mejjet, dan jiġi ċċejkat għall-mikroċippa u jekk tali kelb ikun identifikat elettronikament, is-sid jiġi mgħarraf li l-kelb tiegħu instab mejjet. Jekk inkun hemm suspett ta’ abbandun jew maltrattament, tali każ jista’ jiġi investigat ulterjorment.

Direottorat għall-Ħarsien tal-Annimali – klieb li jinstabu mejta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jesiġix li meta kelb jinstab mejjet mill-Cleansing Department, dan juża microchip reader biex ikun jista’ jiċċekkja jekk il-kelb kienx ta’ xi ħadd, peress li ġeneralment ikun dan id-dipartiment li jiġbor u jiddisponi minn dawn il-klieb?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm arranġament bejn id- Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja u l-Wasteserv biex il-mikroċippi ta’ klieb mejta kollha li jittieħdu fil-Faċilità ta' Trattament Termali jiġu notifikati lilhom bħala l-Awtorità Kompetenti responsabbli mill-identifikazzjoni elettronika tal-klieb irrispettivament jekk dan ikunux inġabru mill-Cleansing and Maintenance Department jew minn sorsi privati.

Klieb li jinstabu mejta — Servizz biex jiġu mgħarrfa s-sidien

Question

Jista’ l-Ministru jindika jekk hemmx servizz li permezz tiegħu s-sidien ta' klieb li jinstabu mejta barra jiġu mgħarrfa li jkun instab il-kelb tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li taħt is-servizzi offruti mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, meta l-ambulanza tal-annimali tissejjaħ fuq kelb li jinstab mejjet f’xi post pubbliku, l-uffiċjali jaqraw il-mikroċippa u jekk kelb ikun identifikabbli elettronikament is-sid jiġi nnotifikat.

Diving Strategy – Tnedija ta’ entità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont fuq ix-xogħol li sar sabiex titwaqqaf l-entità msemmija fid-Diving Strategy imnedija fl-2022 li tieħu ħsieb is-siti tal-għadis? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx xi data meta din mistennija li tiġi mnedija?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diving Strategy imsemmija ma taqgħax taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru.

Diving Strategy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi preparamenti u jekk l-istakeholders, kemm pubbliċi u anke privati, kif ukoll l-NGOs hux ser ikunu ikkonsultati u/jew ikollhom rappreżentanza u/jew parteċipazzjoni fi ħdan l-entità msemmija fid-Diving Strategy biex din taqdi dmirha b’mod xieraq u kif mistenni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Diving Strategy imsemmija ma taqgħax taħt ir-responsabbiltà ta’ dan il-Ministeru.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li ngħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm Deputati tal-Oppożizzjoni, minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 u li kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiema fuq waiting list għal servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jistennew (fuq waiting list) biex jieħdu servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

L-għażla taċ-child care hija tal-ġenituri u għaldaqstant ninsab informat li t-tagħrif mitlub huwa tagħrif personali li ma jinżammx mis-Settur Pubbliku.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Ħaddiem barranin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema barranin li jaħdmu ma' dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll x'inhu l-irwol tagħhom u f'liema entità qed jaħdmu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 20 -il ħaddiem ta’ nazzjonalità mhux Maltija li jaħdmu ma' dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul l-2023?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations. Ġejt infurmat li sabiex tingħata l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant, tinqabeż l-advisory cost.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Segretarjat Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali - Settur pubbliku jew servizz pubbliku - Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru, permezz tas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jaħdmu: - Full time - Part time? Jista’ jgħid kemm minnhom jagħmlu użu minn wieħed minn dawn l-għażliet ta’ Modern Work Practices biex isibu bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja: - Flexi Time - Flexi Week - Reduced Hours - Extended Remote Working - Remote working? Jista’ jgħid ukoll hemm minnhom huma nisa u kemm minnhom huma rġiel?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15171.

L-Imġarr, Malta — Proġetti għas-Sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti hemm ippjanati għas-sajjieda fl-Imġarr Malta u juri l-pjanti eżistenti?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru qed jippjana l-bini ta’ winch room sabiex isservi għas-servizz tas-sajjieda f’dawn l-inħawi.

Iċċipjar tal-klieb — Kontrolli

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari preċedenti, fejn il-Ministru kien qal li l-klieb jiġu ċċekjati jekk humiex microchipped jew le biss, f’każijiet li uffiċjali tad-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali jkollhom rapport ta’ inċidenti ta' moħqrija fuq il-klieb, għaldaqstant jista’ l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li d-Direttorat ikollu persuni li xogħolhom ikun proprju li jduru minn jeddhom postijiet varji fejn jgħixu l-klieb u jiċċekkjaw għal din l-identifikazzjoni elettronika, kif ukoll jitwaqqfu persuni bi klieb barra u permezz ta’ microchip readers jiċċekkjawhom dak il-ħin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-iċċekkjar tal-identifikazzjoni elettronika tal-klieb huwa wieħed mid-dmirijiet tal-ħaddiema tad- Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali li jagħmlu xogħol relatat ma’ spezzjonijiet u nfurzar.

Iċċipjar tal-klieb

Question

Fid-dawl li skont S.L.437.101 - Regolamenti Dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb, mill-2012 huwa doveruż li kull sid, jara li l-kelb ikun iċċipjat mill-età ta’ 4 xhur u li jekk dan ma jsirx, hemm ukoll multa li trid titħallas, jista’ l-Ministru jgħid x'qed jara biex din il-liġi tiġi rispettata?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li meta d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jirċievi evidenza u informazzjoni adegwata fuq persuna, speċifikament sid ta’ kelb ta’ eta 4 xhur jew aktar li mhux iċċipjat, id-Direttorat jieħu azzjoni ta’ infurzar skont l-artiklu 11 tal-Leġislazzjoni Sussidjarja 437.101 li huwa r-Regolament dwar l-Identifikazzjoni Elettronika tal-Klieb.

Database ta’ klieb reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati klieb kull sena mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari skont id-Database li dawn suppost jiġu reġistrati fiha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Klieb mhux reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew misjuba individwi mill-2012 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, li ma kellhomx il-kelb tagħhom reġistrat? Jista’ jgħid ukoll x'ġara minn dawn il-każi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex tiġi kkompilata l-informazzjoni kollha, kif mitlub, se jispiċċa jinqabeż l-advisory cost limit.

Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali assistix fis-salvataġġ tal-kelb Bobby? Jekk le, jista’ l-Ministru jispjega għaliex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li d-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali jista' jikkonferma li l-każ dwar l-imsemmi kelb ġie rrappurtat fit-18 ta' Jannar permezz tal-linja 1717. L-imsemmi każ kien rapport dwar talba għal spezzjoni fuq kelb miżmum f'kundizzjonijiet ħżiena u li skont min irrapporta l-każ, jidher li kellhu kundizzjoni fil-ġilda, u li kien jinsab fi proprjetà ta' terzi. Is-sejħa għalhekk ġiet mgħoddija lis-servizzi tal-ispettorat għal aktar investigazzjonijiet. Il-kelb qieghed fil-kustodja tal-l-Abandoned Animals Association (AAA), u l-każ ġie moghddi u qed jigi nvestigat mill-Pulizija.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu d-Deputati tal-Oppożizzjoni, li minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji/banek fejn il-Gvern kellu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu jservu, il-kariga li kienu jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom? Jista’ jqiegħed ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol u/jew timesheets, il-work from home u/jew telework u/jew remote working u l-ispecial leave requests u approvals relatati mal-persuni hawn fuq imsemmija għall-perjodu bejn Marzu 2008 sa Jannar 2013 jew sal-ġurnata li baqgħu fl-impjieg tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm Deputati tal-Oppożizzjoni, minn Marzu 2008 sa Jannar 2013 u li kienu impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, li jaqghu taht id-dekasteru tieghi.