Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — car leasing
Question
Jista’ l-Ministru jelenka kemm intefqu flus għal car leasing minn kull entità li taqa’ taħtu, mingħand min sar il-car leasing, kemm-il vettura u d-dati rispettivi, mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza, sena b’sena? F’kull każ jista’ jgħid liema kienu b’direct order?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
European Small Claims Procedure – każijiet f’Malta
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru każijiet f’Malta taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar minn mindu beda jiffunzjona sad-data ta’ din il-mistoqsija parlamentari maqsuma sena b’sena, u jista’ jgħid ukoll kemm ġew deċiżi sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fil-Qorti ta’ Malta ġew ipprezentati 47 każ taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar minn mindu beda jiffunzjona, ċjoè mill-1 ta’ Jannar 2009 sat-22 ta’ Ġunju 2018 u gew deċiżi kif qed turi Tabella 1.
Ninforma wkoll li fil-Qorti ta’ Ghawdex ġew ipprezentati 3 każijiet taħt il-Proċedura Ewropea għal Talbiet Żgħar minn mindu beda jiffunzjona kif qed turi
Tabella 2
.
Tabella 1
Sena tal-PreżentataKemm ġew ippreżentatiTerminati
20091Deċiża: (11/11/2010)
20102Deċiżi :(18/5/2010) (1/6/2010)
20117Deċiżi: (5/9/2011),(16/6/2011),(21/3/2011),(3/4/2012),(3/4/2012),(18/1/2012), (12/3/2012)
20123Deċiżi: (24/4/2013)(6/11/2017)(24/2/2014)
201354 deċiżi: (24/4/2013),(6/11/2017),(26/3/2018)(9/4/2014) u waħda ċeduta (11/9/2017)
20142Waħda ċeduta (28/10/2014) u oħra għada pendenti
201574 deċiżi (23/4/2015 kien hemm ritrattazzjoni li ġiet Deċiża 2/11/2016), (23/4/2015), (2/11/2016), (2/11/2016), waħda kanċellata (2/11/2016) u 2 għadhom pendenti
201663 deċiżi (12/3/2018), (14/9/2017), (21/3/2018), waħda ċeduta (15/4/2016) u 2 għadhom pendenti
201795 deċiżi (22/9/2017),(14/9/2017),(28/11/2017),(3/4/2018), (31/1/2018) u 4 għadhom pendenti
2018 (sat-22/6/20185Għadhom pendenti
Tabella 2
Sena tal-PreżentataKemm ġew ippreżentatiTerminati
201010
201111 deċiża (7/2/2011)
201201 deċiża (14/3/2012)
201611 deċiża (15/11/2016)
Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – talbiet u risposti b’mod elettroniku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex tiġi kkunsidrata l-possibilità li talbiet (u r-risposti għalihom) li jsiru quddiem it-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur isiru b’mod elettroniku? Jekk iva meta hu maħsub li jiddaħlu tali miżuri?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed isiru xogħlijiet fuq il-websajt tal-Awtorità sabiex fejn hu possibbli, partijiet mill-proċess tat-Tribunal bħall-approvazzjoni tad-Direttur Ġenerali (Affarjiet tal-Konsumatur) sabiex każ jiġi riferut lit-Tribunal, u l-ħlas ta’ spejjeż relatati mal-proċess jkunu jistgħu jiġu affetwati b’mod elettroniku. Il-Partijiet se jkunu jistgħu jiċċekkjaw l-istadju tal-każ u jiġu infurmati bis-seduti b’mod elettroniku. Madanakollu, ir-rikors u r-risposta se jibqgħu jiġu nnotifikati b’mod manwali.
Dawn ix-xogħlijiet huma maħsuba li jkunu lesti fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3520 u jgħid kemm swiet l-ispiża tal-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 18?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispiża tal-ġimgħa tal-ftuħ uffiċjali tal-Valletta 18 kienet ta’ €1,508,542.4, li hija bejn wieħed u ieħor l-istess nefqa relattiva għaċ-ċelebrazzjonijiet għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea 14-il sena ilu.
Ma’ dan irid jingħad ukoll li hu stmat li l-okkazjoni attirat madwar 13,000 turist lejn pajjiżna, li wkoll hu stmat li se jkunu ħallew madwar €8.6 miljun fl-ekonomija nazzjonali direttament jew indirettament.
Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema — talba għal skema tal-ipparkjar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju waslet it-talba tal-Kunsill Lokali ta' Tas-Sliema sabiex tiġi implimentata skema ta' ipparkjar kontrollat favur ir-residenti (Controlled Residents Parking Scheme) fil-lokalità ta' Tas-Sliema?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa previst li dik li kienet imsejħa smoking shed f’Bighi, tiġi finalment restawrata billi ilha wieqfa numru ta’ snin?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr u snajja oħra fuq Smoking Shed bħalissa wieqaf minħabba prijoritajiet oħra tal-Aġenzijia. Ħabba din ir-raġuni għad m’ hemmx data definittiva meta dan ix-xogħol se jitkompla u jitlesta.
Ħal Tarxien – Zuntier tal-Knisja Parrokkjali xogħlijiet
Question
Jista’ l-Ministru jara li l-parti tal-lemin taz-zuntier tal-Knisja Parrokkjali ta’ Ħal Tarxien tiġi rranġata u jgħid x’passi ttieħdu għal min kkaġuna tali ħsara?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien li ġabar id-dettalji kollha flimkien mar-ritratti u għamel rapport lill-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ilmenti mal-MCCAA fir-rigward tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid x'tip ta' ilmenti kienu dawn u jekk instabitx soluzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ lmenti milqugħa fl-Uffiċċju għall-Affarijiet tal-Konsumatur fi ħdan l-MCCAA rigward il-kumpanijia in kwistjoni sa issa telgħu għal 64. Dawn l-ilmenti jikkonċernaw kuntratti dwar prodotti ta’ btala għal perjodu fit-tul. Dawn l-ilmenti huma maqsuma fi tlett kategoriji fejn:
1. 37-il ilment huma relatati ma’ kuntratti bejn il-kumpanija u l-konsumaturi liema kuntratti issa ma jidhirx li ħa jkunu onorati;
2. 16-il ilment fejn il-konsumaturi barra li jaqgħu fl-ewwel kategorija kienu wkoll ħallsu għall-akkommodazzjoni skont kif stabbilit fil-kuntratt u meta wasslu fid-destinazzjoni sabu li ma kien sar l-ebda ħlas f’dan ir-rigward, u
3. 11-il ilment ieħor rigward konsumaturi li jaqgħu fl-ewwel kategorija u fejn ħallsu għall-akkommodazzjoni għal btala li għad iridu jmorru jew kellhom imorru u sabu li ma kien sar l-ebda ħlas għall-akkommodazzjoni mill-kumpanija.
Mill-ilmenti milqugħa rri¿ulta li dawn il-kuntratti għandhom klawżola ta’ arbitraġġ li tagħti ġurisdizzjoni esklussiva liċ-Ċentru ta’ Arbitraġġ ta’ Malta u għalhekk il-konsumaturi iridu jitolbu għal rimedju quddiem dan il-forum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm entitajiet innotifikaw u talbu lill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur biex jaġixxu bħala ADR entity skont il-S.L.378.18, sad-data tat-tweġiba għal din il-mistoqsija? Jekk hemm xi entitajiet li qed jaġixxu bħala ADR entity, liema huma u fil-konfront ta’ liema servizzi u/jew prodotti joffru s-servizz tagħhom bħala ADR?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm tliet entitajiet li ġew notifikati mal-Kunsill sabiex jaġixxu ta’ ADR entities. Dawn huma;
- ADR Malta, l-Uffiċċju tal-Arbitru għas-servizzi finanzjarji u d-Direttorat għall-ilmenti u medjazzjoni.
- L-Uffiċċju tal-Arbitru għas-servizzi finanzjarji joffri servizz ta’ ADR f’oqsma finanzjarji;
- ADR Malta toffri servizzi ta’ Medjazzjoni għall-Konsumatur in ġenerali filwaqt illi;
Id-Direttorat għall-ilmenti u medjazzjoni jieħu ħsieb tilwim li l-konsumaturi jista’ jkollhom ma negozjanti għal liema tilwim ma teżistix ebda entità tal-ADR kompetenti mwaqqfa sabiex tieħu ħsieb tilwim bħal dak.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm kontravenzjonijiet tat-traffiku li nħarġu mil-LESA minn meta twaqqfet sena b’sena sal-aħħar ta’ Mejju 2018? Jistgħu dawn jiġu kklassifikati u elenkati skont in-natura tagħhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Memorandum of Understanding bejn l-Avukati Ġenerali
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Memorandum of Understanding li ġie ffirmat mill-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech u mill-Avukat Ġenerali tal-Palestina Dr Ahmad Barak kif ingħad fi stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ta' Malta nhar il-Ħadd 9 ta' Settembru 2018?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument hekk kif mitlub.
Wied il-Għajn — inkjesta fi blokka fejn kien hemm nar
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6660 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: B’referenza tal-eżitu tal-inkjesta li saret minħabba nar fi blokka f’Wied il-Għajn fejn persuna tilef ħajtu, jista’ l-Ministru jgħid hux legali li fi blokka ta’ flats fejn ikunu joqogħdu numru ta’ residenti, l-aċċess għall-bejt ikun imblukkat jew agħar, magħluq b’mod permanenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-inkjesta msemmija ngħalqet fit-22 ta’ Ġunju 2018.
Peress li l-punt legali sollevat mill-Onor. Membru jinċidi fuq il-mertu tal-inkjesta ma jkunx prudenti u lanqas ma huwa skont ir-regoli dwar il-mistqosijiet parlamentari li jiġi espress parir legali fuq dan il-punt fil-Kamra.
Kunsill Lokali ta’ San Ġwann – Tiswijiet fi Ġnien Karin Grech
Question
Jista' l-Ministru jindika x'xogħlijiet ta' tiswija saru mill-Kunsill Lokali ta' San Ġwann fi Ġnien Karin Grech sa minn Marzu 2013 sad-data ta' meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Jista’ jagħti wkoll l-ammonti ta' kemm swew dawn ix-xogħlijiet u jgħid jekk dawn l-ispejjeż tħallsux minn fondi ordinarji tal-Kunsill Lokali jew minn xi sors ieħor? Jekk ma sarux xogħlijiet ta' tiswija li kien hemm bżonn, jista' jindika fiex intefqu l-flus li suppost kienu indirizzati sabiex issir din it-tiswija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li minkejja li l-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, bejn is-sena 2013 u s-sena 2017, kellu allokazzjoni finanzjarja ta’ €175,314 għaż-żamma tal-ġonna, playing fields u landscaping, l-istess Kunsill għamel biss ix-xogħlijiet elenkati fit-tabella li qiegħed nannetti ma’ din it-tweġiba, li tinkludi wkoll l-ispejjeż rispettivi.
Xogħlijiet ta’ tiswija li saru mill-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann, permezz ta’ fondi tiegħu, fi Ġnien Karin Grech
(Marzu 2013 sa Mejju 2018)
Tip ta’ xogħolDataKemm sewa dan ix-xogħol (€)
Tiswija u manutenzjoni23.12.1341.30
31.12.1328.32
20.09.13372.21
11.10.1441.30
26.11.1570.80
05.02.1769.62
17.12.17562.00
09.09.1722.27
Qlugħ, ġarr u rimi ta’ tapit minn taħt il-bandliJannar 20181,500
Total: 2,707.82
Talbiet għall-kumpens kontra xi trasportatur tal-arju
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi talbiet għal kumpens kontra xi trasportatur tal-arju skont ir-Regolament tal-Unjoni Ewropea numru 261/2004 fir-rigward ta’ titjiriet li tħassru mill-2011 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija u maqsuma xahar b’xahar? Jista’ l-Ministru jgħid ukoll jekk saru dawn it-talbiet f’kull każ kontra min kienu u għal kemm flus?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella dettaljalta bl-informazzjoni mitluba għas-snin 2016 'l hawn. Rigward is-sena 2015 infurmat li l-Awtorità għandha biss informazzjoni tas-somma globali ta’ €33,398.36 li ngħatat lil 86 konsumatur. Infurmat ukoll li għas-snin preċedenti l-Awtorità m’għandix rekord.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk a tenur tal-L.S. 378.14, sena b’sena jekk qatt ġewx imposti xi multi u jekk iva, kontra min u għal kemm flus?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta r-Regolamenti dwar il-kumpens u l-assistenza għall-passiġġieri tal-ajru li ma jitħallewx jitilgħu ġew trasferiti lill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur fl-2011, qatt ma kien hemm il-ħtieġa li jiġu imposti multi.
Jista’ l-Ministru jgħid min hu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li ġie mqabbad bħala espert tal-Qorti? Jista’ jgħid x’inhi l-expertise li għandu dan in-nominat u liema qorti qabditu?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant fir-rigward tal-individwu li d-dettalji qed jingħataw dwaru, l-ebda Maġistrat fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex ma nnomina lill-individwu bħala espert tal-Qorti.
Għassa ta’ Ħal Qormi – rapporti ta’ llegalitajiet b’filmati mill-Kunsill Lokali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi ta’ llegalitajiet akkumpanjati b’filmati lill-Għassa tal-istess lokal mill-2017 ‘l hawn?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.
Awtorità tax-Xandir – stazzjonijiet tar-radio — stallazzjoni ta’ repeater/booster f’Għawdex
Question
Peress li stazzjonijiet tar-radio qiegħed ikollhom problemi ta' interferenza fuq il-frekwenza FM f'ħafna partijiet minn Għawdex, jista' l-Ministru jara li l-Awtorità ta' Malta dwar ix-Xandir tistalla repeater/booster f'Għawdex, biex din il-problema tiġi eliminata?
Response (BONNICI, OWEN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt fil-mistoqsija parlamentari 6659.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża tal-inkjesta maġisterjali li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-każ tal-Egrant Inc.? Jekk hu possibbli jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ fiex kienu jikkonsistu l-ispejjeż?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ispiża fuq kontijiet prezentati sal-24 ta’ Lulju, tal-inkjesta maġisterjali li saret mill-Maġistrat Aaron Bugeja dwar il-każ tal-Egrant Inc., hija ta’ €1,257,759.46. Fir-rigward tal-lista tal-ispejjeż, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jara t-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.