Legislature:
Category:
Reset
Active:

Baċellerat fil-Konservazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26703, billi fl-ewwel interpellenza ġet ripetuta informazzjoni pubblika li ngħatat fl-2010, nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li l-ftehim li jieqaf il-kors tal-BA fil-konservazzjoni u restawr sar f'Ġunju 2010 u dawk l-istudenti li qabel din id-data għażlu l-kimika fis-sekondarja għaliex kienu intenzjonati jieħdu l-kors fil-baċellerat tal-konservazzjoni, issa ma jistgħux. Dawn l-istudenti ġew gwidati dwar l-option tal-kimika minn sorsi uffiċjali qabel l-2010 u minn informazzjoni li għandi, intqalilhom li ma kienx biss fil-livell avvanzat li l-kimika kienet valida għall-kors imsemmi, iżda anki f'dak intermedju. Jekk dawn ingħataw informazzjoni li setgħu bil-kimika jidħlu BA konservazzjoni u restawr u tħajru u għażlu l-kimika, ma taħsibx il-Ministru li meta tgħidilhom jidħlu għall-inġinerija jew xi kors ieħor, dawn ġustament iħossuhom ġew żvijati? Peress li l-istudenti spiċċaw l-ewwel sena fil-livell post-sekondarju fl-2010, (jiġifieri intake 2009 - 2010) u xtaqu li jieħdu l-baċellerat fil-konservazzjoni, issa ma jistgħux għaliex id-deċiżjoni ttieħdet f'nofs il-kors tagħhom u b'effett meta huma kellhom jagħżlu l-kors universitarju, ma jidhriliex li dan se jaqta' qalb l-istudenti speċifikament interessati fil-konservazzjoni u għalhekk kien ikun aktar għaqli li għalkemm tibqa' l-possibilità li gradwati mill-korsijiet l-oħra msemmija jkunu jistgħu jidħlu għall-konservazzjoni fil-livell masters xorta jitħalla l-kors fil-baċellerat? Peress li fit-tweġiba l-Ministru semmiet l-użu aħjar tar-riżorsi, għandna nifhmu li dan iseħħ billi l-lecturers ma jkollhomx studenti fil-baċellerat tal-konservazzjoni? Għaliex dawn l-istudenti saru daqstant żejda? Forsi għax paradossalment huma ftit, jew inkella għax il-lecturers għandhom l-istudji tal-PhD, kif rappurtat mill-istess dipartiment u ma jlaħħqux? Tajjeb l-istudju fil-livell ta' PhD, però għandhom jiġu sagrifikati l-istudenti li jixtiequ l-konservazzjoni fil-baċellerat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-deċiżjoni li ma jitkompliex il-kors li jwassal għal BA fil-Konservazzjoni u Restawr ittieħdet biss għaliex il-kors ta’ studju tal-livell ta’ baċċellerat kellu jiġi ri-strutturat beix ikun konformi ma’ żviluppi professjonali u standards edukattivi, kif spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26703. Heritage Malta u l-Università ta’ Malta fil-fatt wasslu fi ftehim dwar dan, anke għaliex huwa ħsieb komuni fl-Ewropa illi il-professjoni ta’ konservatur u restawratur, bħala dixxiplina speċjalizzata, għandha tittieħed f’livell ta’ Masters. Il-gradwati li jidħlu għall-Masters għandhom jiġu minn “backgrounds” differenti, u huwa f’dak il-kuntest li ssemma’ il-kors ta’ l-inġinerija jew tax-xjenza. Dawk l-istudenti li huma mħajjrin f’karriera fir-restawr u konservazzjoni issa jridu jidħlu l-ewwel għal baċċellerat, f’waħda mill-oqsma indikata fir-risposta oriġinali, u wara jidħlu għal-livell ta’ speċjalizazzjoni (Masters). Dawk l-istudenti li għażlu kimika fil-livell avanzat jew intermedjarju, għal din il-karriera għamlu sewwa, għaliex il-kimika hija waħda mill-materji fondamentali għal din il-professjoni – imma mhux hi biss. Hemm studji oħra, bħal Arkitettura, l-Istorja, u xjenzi oħra (apparti l-kimika) li wkoll huma importanti ħafna. Ma kienx ghaqli li nkomplu noffru baċċellerat, meta kien magħruf li kien hemm problemi li jistgħu jiġu irranġati biss b’dan il-mod. L-użu aħjar ta’ riżorsi se jsir billi l-istrutturi tal-korsijiet f’livell ta’ Masters, fis-suġġetti relatati mar-restawr u konservazzjoni, jippermettu modules komuni. L-istudenti ma “sarux żejda”; sempliċement ma kinux moqdija fil-livell mixtieq, u għalhekk sar pjan differenti li xorta jista’ jwassal lil dawk li huma mħajjrin għal din il-professjoni, fejn jixtiequ huma, imma anke f’livell ogħla. Finalment, jiġifieri, din id-deċiżjoni hija fl-interess tagħhom stess. L-istudji tal-letturi għal PhD tagħhom m’għandu x’jaqsam xejn ma’ din id-deċiżjoni.

MCAST — Sit elettroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema kienu l-kumpaniji li preżentaw proposta għas-sit elettroniku tal-MCAST b'risposta għat-tender maħruġ mill-istess MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kumpaniji li ppreżentaw proposta għas-sit elettroniku tal-MCAST b’risposta għat-tender li nħareġ kienu dawn: Tender. No. Name of Tenderer 1 SEASUS 2 THINK DESIGN LTD. 3 LIGHTHOUSE 4 EXORGROUP 5 JCM SOLUTIONS LTD. 6 NIU LTD. 7 NOVUNO 8 ABAKUS SOLUTIONS 9 CCG SOFTWARE 10 ALERT COMMUNICATIONS

MCAST — Bord tal-Aġġudikazzjoni - tender għas-sit elettroniku

Question

Tista' l-Ministru tgħid min kienu l-persuni fuq il-bord li aġġudika t-tender għas-sit elettroniku tal-MCAST u x'kompetenzi fl-informatika għandha kull persuna f’dan il-bord ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull membru fil-kumitat, maħtur mill-MCAST biex jevalwa s-sottomissjonijiet għall-websajt, għandu l-esperjenzi meħtieġa biex issir għażla informata u bl-aħjar prezz possibbli. Minħabba l-karigi tagħhom fl-MCAST, kull membru tal-bord jaf x’inhuma l-prijoritajiet tal-Kulleġġ, kif ukoll il-ħtiġijiet u l-preferenzi li għandhom l-istudenti u dawk li jagħmlu użu mill-websajt. L-għan tal-Kulleġġ huwa li jkollu websajt attrajenti u li tilħaq il-bżonnijiet ta’ dawk li jużawha għalhekk il-kumitat tal-evalwazzjoni tal-websajt tal-MCAST kien magħżula hekk: 1. L-MCAST Communications and PR Manager – għall-kwalifiki u l-esperjenza fil-komunikazzjoni 2. Ir-Registrar tal-MCAST – għar-rwol tiegħu f’din il-kariga biex jiġu milħuqa l-bżonnijiet akkademiċi tal-istudenti 3. L-ex-Direttur tal-Istitut tal-Arti u d-Disinn fi ħdan l-MCAST (2001-2008) – għall-kwalifiki u l-esperjenza fl-aspett tad-disinn Il-kriterji li fuqhom ittieħdu d-deċiżjonijiet dwar l-għażla – jiġifieri l- expected deliverables kienu ċari u tanġibbli, u kienu ppublikati fit- tender document .

MCAST — studenti li japplikaw online

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif tista' l-MCAST taċċerta li l-istudenti li japplikaw online ma jkollhomx trattament differenti minn dawk li japplikaw on campus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta tintuża s-sistema online din iżżomm rekord sħiħ ta’ kull applikazzjoni li ssir u l-applikanti jingħataw l-opportunità biex jipprintjaw l-applikazzjoni tagħhom kif sottomessa. L-applikazzjonijiet kollha, kemm dawk li jsiru online kif ukoll dawk li jsiru on campus jiġu mdaħħla f’sistema waħda u ttrattati bl-istess mod.

talba għal għajnuna fit-tindif tad-dar

Question

Tista' l-Ministru tara każ ta' anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li huwa separat u jgħix waħdu u talab għall-għajnuna fit-tindif tad-dar, imma l-bord m'approvax dan is-servizz? Peress li r-raġel jinsab waħdu u għandu 65 sena, jista' l-Ministru jara jekk il-bord jistax jerġa' jirrevedi l-każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Awtorità tad-Djar — sussidju tal-kera

Question

Tista' l-Ministru tara l-każ ta' anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li applikat għas-sussidju tal-kera u kulma talbuha l-Awtorità tad-Djar ħadet ħsieb bagħtet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-20 ta’ Mejju 2011, l-applikanta ġiet mitluba sabiex tipproduċi xi dokumenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni tagħha. Peress li t-tweġiba mingħand l-applikanta għadha ma waslitx, l-applikazzjoni tinsab wieqfa.

stallazzjoni ta' lift

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-problema li jiġi stallat lift fi blokka ta' flats, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li hemm resident li huwa fil-bżonn ta' dan il-lift?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar għadha ma rċevitx applikazzjoni għall-istallazzjoni tal-lift mingħand ir-residenta li għaliha qed issir riferenza. Fil-jiem li ġejjin l-Awtorità tad-Djar sejra tibgħat ittra biex tfakkarha tagħmel dan.

Proġett tal-Marsa Sports Village

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-Marsa Sports Village u kemm ilu jiġi mħejji? Fejn wasal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25636.

Marsa Sports Village — proġett - proposti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi żviluppaturi lokali/barranin li għamlu proposta biex isir il-proġett tal-Marsa Sports Village?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għall-proġett tal-Marsa qed tiġi oriġinata mill-gvern u mhux minn investituri privati. Sal-lum il-parametri dettaljati ta’ dan il-progett għadhom mhux konkluzi u għaldaqstant għadhom ma ħarġux fil-pubbliku. Għalhekk l-ebda investitur lokali jew barrani ma huwa f’pożizzjoni li jagħmel il-proposti tiegħu f’dan l-istadju.

kwestjoni dwar ħlas tal-għalliema li jikkoreġu l-eżamijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-għalliema impjegati mal-gvern u li jkunu ukoll markers fl-eżamijiet, fosthom għall-eżami tal-benchmarking, qed jaqtgħulhom 35% mill-ħlas filwaqt li għalliema oħra fi skejjel tal-Knisja jew indipendenti qed jaqtgħulhom 15%? X'inhi r-raġuni għal dan meta dawn l-għalliema qed jagħtu l-istess servizz? Tikkonferma l-Ministru li dan japplika ukoll għal eżamijiet oħra, inkluż tal-MATSEC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-mod kif jiġi intaxxat l-income minn xogħol part-time huwa regolat mir-Regoli Dwar ix-Xoghol part-time kif ukoll mill-artikolu 90A tal-Att dwar it-Taxxa fuq l-Income. Skont dawn ir-Regoli, min jaħdem full-time mal-gvern ma jistax ikun intitolat għar-rata ta’ 15% fuq ix-xogħol part-time jekk dan ikun qed jaħdmu mal-istess employer (f’dan il-każ il-gvern) li jkun impjegat miegħu fuq bażi full-time. Nies li huma mpjegati mal-gvern jew entitajiet oħra governattivi u qegħdin jagħtu servizz lill-Università ta’ Malta t-taxxa maqtugħa hi dik ta’ 35%. Din ir-rata qegħda tintuża minħabba li l-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul (Cap. 123), speċjalment ir-Regoli dwar Xoghol Part-Time (L.S. 123.39) , ma tikkonsidrax dan ix-xogħol bħala part-time u għalhekk ir-rata ta’ 15% ma tistax tintuża. Dan joħroġ minn paragrafi ħamsa u sitta tal-imsemmija L.S. 123.39 li speċifkament jgħidu li dan id-dħul minn xogħol part-time mhuwiex meqjus bħala tali.

Pixxina Nazzjonali — finanzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ingħatat il-pixxina nazzjonali bħala għotja mill-gvern f'din is-sena finanzjarja? Tista' telenka kif intnefqet din is-somma s'issa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għotja tal-Gvern għall-Kumpless Sportiv tal-Qroqq tlaħħaq il-€1,159,453. Hu stmat li bejn Jannar u nofs Ġunju ta’ din is-sena ħarġu pagamenti b’total ta’ €410,512.06. Dan l-ammont ma jinkludix xogħlijiet li diġa’ twettqu imma li għalihom il-KMS għadu ma rċevix kontijiet. Il-kumplament tal-informazzjoni mitluba mil-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Pixxina Nazzjonali — working force

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-working force, kemm dik part-time kif ukoll dik full-time mal-Pixxina Nazzjonali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-workforce fil-Kumpless Sportiv tal-Qroqq hi ta’ 20 persuna li kollha huma full time. Dawn jinqasmu f’16-il persuna li jaħdmu direttament fil-pixxina waqt li 4 oħra jaħdmu fil-Fitness Centre. Ma hemm ebda persuna fuq bażi part-time.

Gozo Sports Board — laqgħat

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk għadux jiltaqa' l-Gozo Sports Board? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid kemm-il darba ltaqa' matul l-aħħar sena? Minn min hu ffurmat dan il-Bord?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Popolazzjoni ta' Għawdex ekonomikament attivà

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet, f’termini assoluti kif ukoll f’rati ta’ attività, il-popolazzjoni ekonomikament attiva f’Malta u Għawdex separatament kull kwart tas-sena għal kull sena mill-ewwel ta’ April 2009 ‘l hawn? Kemm kienet il-popolazzjoni tax-xogħol f’Għawdex fl-istess żmien? Jista’ jagħti t-tagħrif mitlub maqsum f’irgiel u nisa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Informazzjoni rigward il-Qasam tax-Xogħol

Question

Tista’ l-Ministru tagħti l-informazzjoni hawn taħt mitluba rigward il-qasam tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2008, tal-2009, tal-2010 u fl-aħħar tas-sena 2011: a) In-numru ta’ nies, skont il-grupp tal-età tagħhom (15-24, 25-34, 35-44, 45-54, 55-64), (i) jaħdmu għal rashom, (ii) impjegati, (iii) qiegħda u (iv) inattivi; b) ir-rata ta’ attività tal-popolazzjoni attiva ukoll skont il-grupp tal-età tagħhom; ċ) in-numru ta’ nies jaħdmu klassifikati skont l-attività ekonomika; u d) id-dħul gross annwali medju tan-nies jaħdmu skont l-attività ekonomika tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Dependency Ratio

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet id-dependency ratio f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2006 ‘l hawn?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Kapijiet ta' Skejjel

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema se jkunu l-kapijiet tal-iskejjel li se jinbidlu mill-bidu tas-sena skolastika li jmiss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-eżerċizzju ta’ deployment tal-kapijiet beda imma għadu ma ġiex konkluż. L-eżerċizzju għandu jiġi konkluż fil-ġimgħat li ġejjin.

Liġi tal-Kera — avvizi legali addizzjonali

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta beħsiebhom jinħarġu l-avviżi legali addizzjonali marbuta mal-Liġi tal-Kera li daħlet fis-seħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Avviżi Legali Addizzjonali tal-Liġi tal-Kera ħerġin fil-ġimgħat li ġejjin.

Ta' Farzina Housing Estate — iffirmar tal-kuntratti

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess tal-iffirmar tal-kuntratti fuq plots tal-gvern li jinsabu f'Ta' Farzina Housing Estate u li sal-lum is-sidien li ħadu dawn il-plots bħala parti mill-iskema HOS għadhom fi stadju ta' konvenju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Awtorità tad-Djar diġa infurmat ir-residenti tal-plots 7 – 11 & 22 – 24 fil-Housing Estate Ta’ Farzina, Ħal Qormi sabiex jagħmlu l-preparamenti neċessarji u jersqu għall-kuntratt.

Awtorità tal-Housing — każi ta' diżabilità

Question

In vista li l-Awtorità tal-Housing se tagħti importanza lill-każi ta' diżabilità, tista' l-Ministru tagħti każ tal-file number li dettalji dwaru qed jintbagħtu seperatament, minħabba l-kundizzjoni ta' nuqqas ta' dawl tal-persuna konċernata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikanta in kwestjoni ġiet allokata post ġdid tal-gvern ġewwa l-Msida fl-2006. Applikat għall-akkomodazzjoni alternattiva nhar it-18 ta’ Mejju, 2011. Hija għandha bżonn post bi tlett ikmamar tas-sodda isfel minħabba l-kundizzjoni ta’ saħħitha. L-Awtorità tad-Djar qiegħda tipprova tiddentifika exchange jew inkella post adattat għal din l-applikanta fil-lokalitajiet preferuti tagħha.